Bullettin 12 ta’ Marzu 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Semmgħalna l-Kelma ta’ Alla

It-2 ĦADD TAR-RANDAN

ĠESÙ KRISTU:  KONFERMA GĦALL-BNEDMIN KOLLHA

F’dan iż-żmien tar-Randan, żmien ta’ riflessjoni fuq il-mod ta’ ħajja li qed ngħixu, aħna li ngħidu li aħna nsara,  Ġesù Kristu jrid ikun il-gwida tagħna mhux biss fil-mumenti tal-glorja iżda anki fir-realtà ħarxa ta’ kull ġurnata ta’ ħajjitna.  Pietru ħa gost fuq it-Tabor iżda Ġesù reġa’ niżżilhom miegħu fir-realtà iebsa fejn Pietru, minkejja li kien ra ħafna fuq it-Tabor, kien minn ta’ l-ewwel li ċaħdu kif nagħmlu jien u inti minkejja li ngħidu li nafu xi jfisser Kristu l-Iben t’Alla għalina.

Is-sejħa ta’ Abram missier il-poplu t’Alla kellha ħafna diffikultajiet, iżda Abram aċċetta dan ir-riskju kbir ta’ fidi.

Nagħmlu l-qalb u mas-Salm intennu: ĦA TKUN IT-TJIEBA TIEGĦEK FUQNA, MULEJ Fit-Tieni Qari ta’ dan il-Ħadd, San Pawl jagħtina messaġġ qawwi – meta wieħed jgħix il-Vanġelu bilfors li jkollu jbati; iżda wkoll hemm tama li meta tgħix il-Vanġelu se tikseb dawl qawwi għall-kumplament ta’ ħajtek.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jieħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fuq il-muntanja u ssir it-trasfigurazzjoni.  Għandna leħen il-Missier li juri kemm tassew hi importanti l-missjoni fdata f’Ġesù Kristu għalina l-bnedmin.

  1. Fil-Ħajja tagħna nippruvaw minn kollox biex insibu ftit hena – nersqu bil-qalb lejn Ġesù!
  2. Kemm tassew qed ngħixu l-fidi tagħna fid-dawl tal-kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu, kliem li jagħtina tama u kuraġġ ma’ kull sfida ta’ ħajjitna?
  3. L-istess sejħa li Alla għamel lil Abraham Alla jagħmilha lil kull wieħed u waħda minna.  Kif qegħdin inwieġbu?
  4. F’dan iż-żmien tar-Randan hemm bżonn li nikbru aktar fl-imħabba tagħna lejn Alla fil-proxxmu.

Mulej, għinni

fit-tfittxija tiegħi għalik  kuljum.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI 

Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan fil-Knisja l-Qadima mit-3 sal-4pm.

Eżerċizzi tar-Randan:

Għall-Professjonisti u Gradwati u anke koppji u dawk li ma jistgħux jattendu f’postijiet jew ħinijiet oħra -mit-Tnejn sal-Ġimgħa 20-24 ta’ Marzu 2017 fil-Knisja ta’ Santu Wistin ir-Rabat fit-8.00pm mill-W.R. Joe Zammit.

GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MALTA

Kull nhar ta’ tlieta fix-xahar ta’ Marzu ser isiru l-Eżerċizzi għaż-Żgħażagħ li jgħixu f’Malta.  Dawn ikunu f’Dar Manwel Magri ħdejn ic-Chaplaincy tal-Università u jibdew fit-8pm.

RANDAN TA’ VERU – GĦID TAJJEB

EŻERĊIZZI OĦRA F’DAN IR-RANDAN

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja Parrokkjali: Mit-Tnejn 27 sal-Ġimgħa 31 ta’ Marzu

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja ta’ Sant’Antnin – Mit-Tnejn 4 sal-Ħamis 7 ta’ April.

OĦLOQ TBISSIMA–KAMPANJA TA’ KARITÀ

Bħal snin oħra, anke din is-sena qed nieħdu sehem f’din il-kampanja b’risq il-missjonijiet tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl. Tista’ tidħol fis-sagristija, tieħu lista ta’ oġġetti, tixtrihom u ġġibhom lura fis-sagristija. Din is-sena l-kaxxi tal-kartun ma waslux. Għalhekk ġentilment nitolbukom tpoġġu l-oġġetti f’kaxxa żgħira jew borża tal-plastik/karti. Grazzi.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI PREPARAZZJONI GĦALL-GRIŻMA

Laqgħa oħra tkun nhar l-Erbgħa li ġejja 15 ta’ Marzu fiċ-Ċentru Parrokkjali fil-5.30pm mill-Arċipriet.

LAQGĦA GĦALL-ISTUDENTI TA’ FORM 2

Subien u bniet nhar l-Erbgħa li ġejja fis-6.30pm. Imexxi Fr. Simon Cachia.

XAMA: Min ikollu bċejjeċ ta’ xama, tistgħu ġġibuhom il-knisja f’kaxxa apposta fejn il-qniepen biex nagħmlu fjakkli għall-Ġimgħa Mqaddsa.

GRAZZI MILL-QALB:

NN għall-Knisja €50 b’ringrazzjament lill-Madonna ta’ Loreto.

EWRO COLLECTION għall-Festa 2017

Il-ġbir kollu waqt il-quddies ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa tagħna. Nafu lkoll kemm spejjeż trid biex tagħmel festa sabiħa u kbira bħal tagħna. Nagħtu kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull offerta.

NOTA MPORTANTI: Għall-festa ta’ din is-sena diġa għandna talbiet ta’ żieda fil-prezzijiet tas-servizzi li jsiru fosthom tal-orkestra maltija.  Din s’issa kienet tiġina €2960. Iċ-ċiefra tinkludi wkoll l-irqad u l-ikel tal-mużiċisti maltin.

ĦARĠA GĦALL-ANZJANI

Il-Kunsill Lokali ser jorganizza ħarġa għall-anzjani t-Tnejn 20 ta’ Marzu. Prezz €5. Tluq minn Triq Sant’Antnin, Triq Ħamri, Pjazza u Triq il-Ġnien fit-7.50am. Quddiesa Ta’ Pinu, inżuru ċ-Ċentru Marittimu d-Dwejra, ikla u tombla fil-Fliegu Restorant u nirritornaw lura fis-1pm. Ċemplu 21561515 jew morru l-Kunsill sal-Ġimgħa 17 ta’ Marzu.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 14 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Antonia Xerri toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Karmnu Xerri f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ Marzu.

 Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

IMPORTANTI: INTENNU l- appell tagħna biex ikun hemm min jiġi jagħmel ħin ta’ adorazzjoni f’xi ħin bejn il-11am u s-1pm fil-Knisja l-Qadima. Ser nagħtu prova għal dan ix-xahar ta’ Marzu. Imbagħad niddeċiedu dwar ħinijiet ġodda tal-ftuħ tal-Knisja l-qadima.