Bullettin 19 ta’ Marzu 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Semmgħalna l-Kelma ta’ Alla

It-3 ĦADD TAR-RANDAN

GĦANDEK GĦATX?

MIN JIXROB MILL-ILMA LI NAGĦTIH JIEN QATT IŻJED MA JKUN BIL-GĦATX.

Fil-ħajja tagħna ma tkunx l-ewwel darba li jaqbadna l-għatx, b’mod speċjali wara xi biċċa xogħol fis-sajf.  Xi kultant iżda jista’ jkun li jkollna għatx għal affarijiet oħra.  Biex tikber il-pożizzjoni soċjali tiegħek jew fuq il-post tax-xogħol.  Is-Samaritana nistgħu nqisuha aħna.  Nersqu lejn Ġesù u nitolbuh il-grazzji, il-grazzji materjali.  Aqlagħli din il-grazzja, ħa nagħmel din il-wegħda; jekk tagħtini hekk nagħtik daqshekk. Hu diskors fuq livell materjali biss.  Ħafna drabi nirrabjaw ukoll mal-Mulej meta ma jagħtiniex dak li nitolbu fil-pront.  Nibqgħu naħsbu u naġixxu bħala bnedmin anki mal-Mulej.  Meta nirċievu l-Ewkaristija,  Alla jsir parti minna, mill-ħajja tagħna, mill-mod kif naġixxu.  Iżda ħafna drabi l-għatx għall-materjali jżommna fuq livell ta’ medjokrità b’mod li l-veru għatx għall-valuri ta’ kuljum lanqas biss inħossuh.  It-tielet Ħadd tar-Randan għandu stedina ċara, agħraf dak li se titlob lil Ġesù.

Il-Mulej jagħtina l-ilma li jżommna ħajjin kull ħin.  Kif qed naċċetta dan l-ilma fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum?

Il-Mulej ġie biex jagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħtu, kif itenni fil-Vanġelu tal-lum.  Inti u jien qed nifhmu xi jrid il-Mulej minna?

Kif qed taqta’ l-għatx tiegħek kuljum, bl-ilma li jagħtina Ġesù b’mod speċjali fl-Ewkaristija jew b’affarijiet materjali li jkomplu jagħmlulna aktar għatx?

Kristu jrid u jinsab lest li jkun l-ilma ħaj għalina kull ħin.  L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.

Agħmel Mulej

li ma nfittex imkien biex naqta’ l-għatx ħlief bik,

bil-kelma tiegħek, bil-Ġisem u d-Demm tiegħek.

OBOLO TA’ SAN PIETRU:

Il-ġbir kollu li jsir fil-quddies ta’ dan il-weekend ikun għall-karità li ssir mill-Papa madwar id-dinja kollha. Nagħtu karità frott is-sagrifiċċji tagħna.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 19 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

AVVIŻ MIS-SEMINARJU MINURI U  MILL-ISKOLA SEKONDARJA TALKONSERVATORJU TAL-ISQOF TAD-DJOĊESI T’GĦAWDEX

Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti ta’ Year 6 iIli jattendu fl-Iskejjel Primarji kemm tal-Knisja u kemm tal-Istat, DEJJEM JEKK IRIDU, huma ġentilment mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, 29 u 30 ta’ Marzu mit-8:00 a.m. sas-02.00 p.m.

L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof (dħul mill-parking tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex). Min japplika mitlub jieħu miegħu: Ċertifikat oriġinali tat-Twelid tat-tifel/tifla kif ukoll żewġ ritratti tiegħu/tagħha. Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identità taż-żewġ Ġenituri. It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2006. Isir ħlas ta’ €15 mal-applikazzjoni.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha l-Erbgħa 22 ta’ Marzu mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Buttigieg, kafe’ u tombla.

IMMORRU L-LUNZJATA

Nhar is-Sibt li ġej, 25 ta’ Marzu, festa tat-Tħabbira tal-Mulej ser immorru ninviżtaw lill-Madonna fil-Knisja ddedikata lilha fil-Wied tal-Lunzjata. Tluq mill-Pjazza fit-8.00am. Ikollna quddiesa fit-8.30. Min ikun ser jiġi huwa mitlub li jibbukkja billi jċempel l-Uffiċċju Parrokkjali fuq 21554615.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu fil-Knisja tax-Xewkija fis-6.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI 

Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan fil-Knisja l-Qadima mit-3 sal-4pm.

Eżerċizzi tar-Randan:

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja Parrokkjali: Mit-Tnejn 27 sal-Ġimgħa 31 ta’ Marzu fis-6.30pm.

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja ta’ Sant’Antnin – Mit-Tnejn 4 sal-Ħamis 7 ta’ April.

OĦLOQ TBISSIMA – KAMPANJA TA’ KARITÀTista’ tidħol fis-sagristija, tieħu lista ta’ oġġetti, tixtrihom u ġġibhom lura fis-sagristija. Grazzi.

XAMA: Min ikollu bċejjeċ ta’ xama, tistgħu ġġibuhom il-knisja f’kaxxa apposta fejn il-qniepen biex nagħmlu fjakkli għall-Ġimgħa Mqaddsa.

GRAZZI MILL-QALB:

Ewro Collection Marzu €645.68.

Għall-Missjoni ta’ Fr. Raymond Portelli €280.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Lil GIUSEPPA ZERAFA li sejjaħtilha għal għandek fit-3 ta’ Marzu, fl-età ta’ 81 sena.
  • Lil ANGELA BUTTIGIEG li ttajret għal għand il-Mulej nhar it-Tnejn 13 ta’ Marzu fl-età ta’ 80 sena.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Loreta Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Manuel Zerafa it-8 snin mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ Marzu.
  • Tonina Spiteri u ħutha joffru €20 b’suffraġju ta’ Loreta Spiteri u Andrew Zerafa fl-anniversarju tal-mewt tagħhom.
  • Erminia Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Emanuel Xuereb f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Marzu.
  • Brigitte Cammilleri toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Grech f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fit-18 ta’ Marzu.
  • Gużeppa Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Gorgina Farrugia f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha fil-21 ta’ Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem. 

  • INTENNU l-appell tagħna biex ikun hemm min jiġi jagħmel ħin ta’ adorazzjoni f’xi ħin bejn il-11am u s-1pm fil-Knisja l-Qadima.
  • XOGĦOL FUQ IL-ĠEBEL TAL-KNISJA: Tistgħu taraw l-ewwel ġebliet lesti sew fejn qed jinħadmu biswit il-workshop ta’ Leli Saliba u anke wara l-knisja.