Bullettin 26 ta’ Marzu 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Semmgħalna l-Kelma ta’ Alla

Ir-4 Ħadd tar-Randan GĦOTJA TA’ DAWL

IS-SEJĦA LI TAGĦMLILNA L-LITURĠIJA TAL-LUM HI BIEX DIK IL-FIDI LI RĊEVEJNA FIL-MAGĦMUDIJA NKABBRUHA U NWASSLUHA LILL-OĦRAJN.

Il-miraklu li nsibu fil-Vanġelu tal-lum huwa l-miraklu tiegħi u tiegħek kull darba li nobdu l-Kelma tal-Ħajja li jwasslilna l-Mulej.  Fil-mumenti ta’ dlamijiet li ngħaddu minnhom f’diversi waqgħat ta’ ħajjitna, il-kuntatt tagħna mal-Mulej huwa bħal raġġ ta’ dawl, dawl li jegħleb is-saltna tad-dlamijiet li ħafna drabi nkunu lsiera tagħha, dlamijiet ta’ vizzji u ħażen, dlamijiet ta’ suppervja.  Hemm bżonn URĠENTI li nħallu lill-Mulej imissna u nħalluH jagħtina d-dawl.  Hemm bżonn li kif l-agħma fil-Vanġelu tal-lum obda l-kmand ta’ Ġesù, hekk aħna m’għandniex triq oħra x’nagħżlu.  Kristu huwa d-dawl tad-dinja.  Bħala nsara lkoll kemm aħna msejħin biex inkunu xhieda ħajja ta’ dan id-dawl.

L-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel, jirrakkonta l-ġrajja ta’ żmien is-Slaten fejn insibu l-figura ta’ David li minn ragħaj tal-imrieħel jiġi magħżul Sultan.  Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ.  U propju din l-għajta għall-protezzjoni u kenn tal-Mulej fuqna, insibuha fis-Salm 22 fejn għandna sejħa lill-Mulej bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, Ragħaj li jsegwi b’mod personali l-merħla tiegħu.  La l-Mulej huwa l-kenn tagħna għandna nkunu konvinti li aħna wlied id-dawl kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum fl-Ittra lill-Efesin

  1. Aħna lkoll ulied id-dawl. F’dan iż-żmien tar-Randan irridu niċċekkjaw liema dawl qed idawwal il-ħajja tagħna.
  2. Bżonn li nkunu umli biex nisimgħu u ngħixu l-Kelma ta’ Alla.
  3. Bżonn li nwettqu dak li ordnalna Ġesù biex tassew NARAW l-għażliet f’ħajjitna.
  4. Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ kif nisimgħu fl-Ewwel Qari. Kulħadd għandu missjoni importanti fis-Saltna Tiegħu.
  5. F’dan iż-żmien tar-Randan irridu nfittxu li nsaħħu sewwa u malajr id-dawl tal-fidi tagħna.

Mulej

għallimna nwettqu sew il-ħidma tagħna

bid-dawl tiegħek li nużawh aħna.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI  Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan fil-Knisja l-Qadima mit-3pm sal-4pm.

Eżerċizzi tar-Randan:

fil-KNISJA PARROKKJALI TAGĦNA

GĦAL KULĦADD:

Matul din il-Ġimgħa

Mit-Tnejn 27 sal-Ġimgħa 31 ta’ Marzu fis-6.30pm. Predikatur: Fr. Gabriel Gauci, Viċi Rettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù.

It-Tlieta nagħmlu l-ġabra għall-knisja, il-Ħamis għas-Seminarju.

RADJU LAURETANA…

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana, jekk Alla jrid, tibda s-Sibt l-1 ta’ April.

IMPORTANTI NGĦINU KIF NISTGĦU!

Qed isir kull sforz biex ix-xandir jibda kif imħabbar. Dan għaliex fl-aħħar maltempata li kellna, sajjetta laqtet l-antenna tar-radio u, minkejja li l-apparat kien mitfi, saret ħsara kbira fit-transmitter u l-limiter. Anke l-computer kellu jinbidel u jinxtara ieħor ġdid. Dan kollu jfisser ħafna spejjeż. Nitolbukom tgħinu kif tistgħu.

Għalhekk – ĠABRA SPEĊJALI dal-weekend.

Fil-knisja, il-ġabra li s-soltu nagħmlu għall-ispejjeż tal-knisja, ser tmur għall-ispejjeż li għandna nagħmlu għall-manutenzjoni u t-tiswija fir-radio.  Grazzi mill-qalb ta’ kull offerta.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 25 ta’ Marzu fil-Knisja tax-Xewkija fis-6.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

GĦOTI TA’ DEMM   Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 28 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm: 1pm – 5pm.

TOMBLA – Centru Sant’Antnin il-Ħamis 30 ta’ Marzu.

GRAZZI MILL-QALB:

Obolo ta’ San Pietru €450. Gabra pro Anglikani €270.

OĦLOQ TBISSIMA – KAMPANJA TA’ KARITÀTista’ tidħol fis-sagristija, tieħu lista ta’ oġġetti, tixtrihom u ġġibhom lura fis-sagristija. Grazzi.

INĦARSU LEJN L-GĦID: Velja tal-Lejl Qaddis ta’ Sibt il-Għid: is-Sibt 15 ta’ April fit-8pm.

MIS-SEMINARJU MINURI U

L-ISKOLA SEKONDARJA TAL KONSERVATORJU TAL-ISQOF TAD-DJOĊESI T’GĦAWDEX

Dawk Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti ta’ Year 6 iIli jattendu fl-Iskejjel Primarji kemm tal-Knisja u kemm tal-Istat, li jixtiequ jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof huma ġentilment mitluba jagħmlu dan nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, 29 u 30 ta’ Marzu mit-8:00 a.m. sas-02.00 p.m. skont id-dettalji li dehru fl-aħħar bullettin.

XAMA: Min ikollu bċejjeċ ta’ xama għar-rimi, anke dak li jibqa’ fix-xemgħat tat-tazza, tistgħu ġġibuhom il-knisja f’kaxxa apposta fejn il-qniepen biex nagħmlu fjakkli għall-Ġimgħa Mqaddsa.

PREPARAZZJONI GĦALL-GRIŻMA – inkomplu din il-ġimgħa b’laqgħa oħra għall-istudenti tal-Griżma nhar l-Erbgħa 29 ta’ Marzu fil-5.15pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Is-Sibt 1 ta’ April – nofs ta’ nhar flimkien.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rose Grech toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierha Pawlu Grech f’għeluq il-5 snin mill-mewt tiegħu fit-23 ta’ Marzu.
  • Lorenza Grech toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ħuha Ċensu Mercieca f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fix-xahar ta’ Marzu.
  • Elizabeth Portelli toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Maria Spiteri u ta’ missierha Ġanni Spiteri f’għeluq l-anniversarju tal-mewt tagħhom f’dan ix-xahar.
  • Vendra Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju Pawlu Azzopardi fl-anniversarju tal-mewt tiegħu fil-25 ta’ Marzu, u b’suffraġju ta’ Ġużeppa Azzopardi u ta’ Loreta Azzopardi.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.