Monthly Archives: April 2017

Bullettin 23 ta’ April 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Ġeddidna fil-fidi tagħna

It-2 Ħadd tal-Għid

TEMMEN… MA TEMMINX

Temmen… ma temminx… iddeċidejt.  Għaddew l-erbgħin jum tar-Randan.  L-Għid għadda ġimgħa minn fuqu!

Min jaf kemm din il-ġimgħa batejt biex tgħix il-fidi tiegħek.  Min jaf kemm kienu dawk il-mumenti li abbandunajt il-Mulej… min jaf kemm kienu l-mumenti li ddubitajt mill-Mulej.

San Tumas hekk ġralu wkoll … Bħall-bniedem tal-lum ried imiss, jara, jesperjenzja…biex jemmen.  U inti li forsi dejjem tiddubita, Ġesù qed jistiednek issa mhux biss biex tmissu iżda biex jidħol fik.  L-Ewkaristija huwa l-mument tal-verità li permezz tiegħu l-Mulej jinvadi l-qlub tagħna, il-ħajja tagħna, u jseħħ tassew it-tisħiħ tal-fidi tagħna fih.

L-ewwel qari mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli juri li l-għaqda tal-ewwel insara kienet permezz tal-Ewkaristija u t-talb.  Is-Salm 117 itenni li aħna wkoll bħall-ewwel insara għandna nfaħħru lill-Mulej li ġabarna flimkien bħala Nsara.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li nsibu fit-tieni qari, hemm silta li aktarx kienet innu li jingħad waqt il-magħmudija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Kemm it-twelid ġdid u l-ħajja ġdida ġew mogħtija lilna minn Kristu.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-każ ta’ Tumas li ma emminx qabel ra. Ġesù jfaħħar lil dawk li ma rawx u emmnu għax kbira hija l-fidi tagħhom.

  1. Minn fejn tingħaraf il-fidi tiegħek… minn ħajtek?
  2. Kemm tassew għandek fidi f’Alla f’dak kollu li twettaq?
  3. X’tagħmel fil-mument li tonqos il-fidi tiegħek?
  4. Kemm tassew qed tħossok ma’ ħutek l-Insara familja waħda fit-talb u l-Ewkaristija?

Nagħtu s-sens li jistħoqqilha liċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija… il-Quddiesa…

  • mhux obbligu imma bżonn…
  • mhux drawwa iżda xewqa kontinwa li nħallu lill-Mulej jgħaqqadna miegħu…
  • mhux dwejjaq iżda ferħ… il-Festa tal-Għid tkompli f’kull quddiesa li niċċelebraw.

Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA

Illum il-Ħadd 23 ta’ April niċċelebraw il-ĦNIENA DIVINA. Fl-4pm fil-Knisja Parrokkjali, ikollna s-Siegħa tal-Ħniena Divina.

NGĦINU LIL DAR ARKA

ILKOLL nafu kemm ġid isir f’Dar Arka… opra kbira ta’ ħniena li għandna fid-Djoċesi tagħna proprju fir-raħal tagħna stess. l-ġbir fil-quddies tas-Sibt 22 ta’ April filgħaxija u tal-Ħadd 23 ta’ April kollu, jkun għal Dar Arka

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 23 t’April ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8am sas-1pm, u nhar it-Tlieta 25  t’April  mis-1pm sal-5pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 26 ta’ April mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Simon Cachia, kafe’ u tombla. Inħeġġu lin-nisa kollha sabiex jattendu.

ILMA MBIEREK

Min ikun jixtieq xi ftit ilma mbierek għad-devozzjoni fid-djar tagħna, tistgħu tieħdu mill-fonti tal-ilma li hemm fuq il-presbiterju tal-knisja parrokkjali.

ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA  Ikomplu l-Ħamis 27 ta’ April għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, Kurunella, barka sagramentali u fis-6pm quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

TOMBLA Il-Ġimgħa 28 ta’ April fis-7.30pm Ċentru Sant’Antnin b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin li din is-sena ser tiġi ċċelebrata nhar l-4 ta’ Ġunju.

PROGRAMM TAT-TBERIK – IKOMPLI

Is-saċerdoti tagħna jkomplu jiltaqgħu magħkom fi djarkom matul din il-ġimgħa. Fejn m’hemm xejn indikat (hux filgħodu jew filgħaxija) ifisser li t-tberik ikun ser isir filgħaxija.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 22 ta’ April fil-Knisja tal-Fontana fis-7pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

GRAZZI MILL-QALB

Lil dawk kollha li ħadmu u stinkaw biex seta’ jkollna funzjonijiet tassew sbieħ tal-Ġimgħa Mqaddsa: Saċerdoti, Abbatini, dawk li jgħinu fuq l-artal, il-korijiet u l-mużiċisti, iż-żgħażagħ, dawk li jarmaw l-artal tar-repożizzjoni u l-knisja, dawk li jnaddfu, l-animaturi u l-letturi kollha… lil Paul Stellini li ta’ kull sena jpitter il-Blandun…

…lil KULĦADD. Tassew Prosit u Grazzi mill-qalb.

INKOMPLU nitħeġġu biex nagħmlu aktar affarijiet sbieħ għall-Mulej fil-Kenn ta’ Dar Ommna Marija.

GRAZZI

  • Ġbir għas-Seminarju fl-Eżerċizzi-Randan 2017: €961
  • Ġabra għas-servizzi tas-Saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka: €1290.30 u $Us1
  • Għas-Sagristiji: Michael Spiteri €250, NN Triq Mġarr €300, NN €200. Grazzi kbira mill-Qalb.

ĠABRA GĦALL-ARMAR TAL-FESTA

Mal-bullettin tal-ġimgħa l-oħra waslilkom envelop biex tkunu tistgħu tagħtu l-offerta tagħkom għall-armar tal-festa. L-Għaqda tal-armar tavża li mhux ser tiġbor bieb bieb. Min jixtieq jagħti l-offerta tiegħu, wassluha fil-letterbox tal-maħżen tal-armar jew id-Dar Parrokkjali. Grazzi tal-offerta.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil Edward Debono minn ħdan il-kommunità parrokkjali tagħna li sejjaħtlu għal għandek nhar il-15 ta’ April.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Gużeppa Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Loreta Grech f’għeluq il-31 sena mill-mewt tagħha fil-25 ta’ April.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 16 ta’ April 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Ġeddidna fil-fidi tagħna

ĦADD IL-GĦID

L-Għid il-Kbir.  L-akbar festa fil-kalendarju tal-mixja tal-fidi tagħna.  Hija festa li turi li Ħajjet u Kliem Kristu fuq din l-art kienu kliem bis-serjetà.

Importanti għalhekk li llum nifirħu u nirringrazzjaw lil Ġesù għal din ir-rebħa li permezz tagħha AĦNA SIRNA WLIED IR-REBĦA u li l-mewt mhux ser taħkem aktar fuqna.  Importanti għalhekk li nifirħu, ferħ li jiġi għalina li matul ir-Randan nagħrfu li aħna bnedmin dgħajfa u li mingħajr Ġesù ma aħna xejn.  Importanti għalhekk li lkoll kemm aħna nifhmu li r-rebħa ta’ Ġesù kienet rebħa kontra d-dubji u l-inċertezzi tal-ħajja ta’ kuljum, rebħa kontra l-inġustizzji li nsofru, rebħa li tmur ferm ’il bogħod fiż-żmien u teħodna għall-eternità.

L-ewwel qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli u jirrakkonta d-diskors ta’ Pietru fejn itenni li l-predikazzjoni tiegħu hija fuq il-passjoni, mewt u qawmien ta’ Ġesù, li huwa l-misteru ta’ l-Għid.  Ma’ dan il-misteru ddur l-istorja kollha tal-Għid u tal-umanità mifdija.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ f’Salm 117 għax dan HUWA L-JUM li għamel il-Mulej.  Fit-tieni qari fl-Ittra lill-Kolossin San Pawl itenni li jekk aħna irxuxtajna ma’ Kristu hemm bżonn li nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li flimkien ma’ Marija ta’ Magdala kienu Pietru u Ġwanni l-ewwel xiehda tal-qawmien ta’ Ġesù.

  1. Tħoss tassew ferħ f’qalbek illum?
  2. Tħoss li pajjiżek huwa s-sema?
  3. Qed tfittex il-ħwejjeġ tas-sema u mhux tad-dinja?
  4. Tħoss li Ġesù kisiblek ir-rebħa?
  5. L-Għid it-tajjeb ifisser li dak li għexna matul ir-Randan issa nkomplu ngħixuh fiċ-ċertezza tar-rebħa ta’ Kristu Rxoxt.

Mulej, rebbieħ fuq il-mewt

għinna nirbħu kontinwament id-difetti tagħna,

biex nifhmu l-kobor tar-rebħ tiegħu.

bħala ulied ir-rebħa.

SIBT IL-GĦID

  • Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-Knisja Parrokkjali fit-8am.
  • Is-Siegħa tal-Omm fil-Knisja l-Qadima fit-3pm.

IL-VELJA L-KBIRA

tal-Lejl Qaddis ta’ Sibt il-Għid

is-Sibt 15 ta’ April fit-8pm

KULL NISRANI GĦANDU JKOLLU

ĦEĠĠA SPIRITWALI PROFONDA

BIEX JIĊĊELEBRA IL-FERĦ DIN IL-FESTA KBIRA

LI TAGĦTI SENS LILL-FESTI L-OĦRA KOLLHA.

TALB-SMIEGĦ TAL-KELMA-TIĠDID TAL-WEGĦDIET TAL-MAGĦMUDIJA-EWKARISTIJA.

STEDINA SPEĊJALI LIL KULĦADD:

Il-FAMILJI KOLLHA speċjalment dawk li għandhom uliedhom għall-Griżma tal-Isqof u l-Ewwel Tqarbina.

It-tfal huma mistiedna jġibu fjura magħhom ħalli nżejnu l-fonti tal-magħmudija. Fl-aħħar titqassam figolla lit-tfal preżenti.

Wara niltaqgħu ċ-Ċentru Parrokkjali

FESTA… FESTA… FESTA…

PROGRAMM TAT-TBERIK

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet waslilkom il-programm tat-tberik. Okkażjoni oħra biex niltaqgħu ftit flimkien u nitolbu l-barka ta’ Alla fuqna. Fejn mhemm xejn indikat (hux filgħodu jew flgħaxija) ifisser li t-tberik ikun ser isir filgħaxija.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid tintemm il-Ħadd 16 ta’ April. Jekk ma jinqala’ xejn, l-iskeda li jmiss tkun fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju għall-festa ta’ Sant’Antnin

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 22 ta’ April fil-Knisja tal-Fontana fis-7pm.Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

L-ARĊIPRIET u s-SAĊERDOTI

flimkien mal-KUNSILL PARROKKJALI jawguraw GĦID QADDIS

mimli bil-ferħ li jġib l-Irxoxt

fil-qlub u fil-familji tagħna.

GRAZZI

wN.N. b’ringrazzjament lill-Madonna €20.

wLil dawk kollha li offrew ward u weraq għall-altar tar-repożizzjoni u lill-voluntiera kollha li għenu biex jintrama u biex inżejnu l-knisja parrokkjali u l-knisja l-qadima għal dawn il-festi.

GRAZZI minn Dar Stella Maris

F’isem is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’isem sħabna li jaħdmu fil-missjoni tagħna fil-Perù nixtiequ nroddulkom ħajr tal-ġenerożità kbira tagħkom b’risq il-kampanja ta’ karità ‘Oħloq Tbissima’. Żgur li se tferrħu tant familji u tfal. Grazzi ħafna u l-Mulej ibierek u jseddaq din il-ġenerożità tagħkom.

ĠABRA GĦALL-ARMAR TAL-FESTA

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom envelop biex tkunu tistgħu tagħtu l-offerta tagħkom għall-armar tal-festa. L-Għaqda tal-armar tavża li mhux ser tiġbor bieb bieb. Min jixtieq jagħti l-offerta tiegħu, wassluha fil-letterbox tal-maħżen tal-armar jew id-Dar Parrokkjali.

COFFEE MORNING – fiċ-Ċentru Sant’Antnin it-Tlieta 18 ta’ April fid-8.45. Min jixtieq trasport iċempel 99448921

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Maria Vella toffri €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Michael f’għeluq it-tliet snin mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ April.
  • Rosina Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Dolora u missierha Salvu Grima f’għeluq is-37 sena mill-mewt tagħhom u għall-familji Grima u Zerafa.
  • L-aħwa Carmelo, Emanuel Saliba, Rita Link u Natalina Galea joffru €20 b’suffraġju ta’ missierhom Gużepp Saliba f’għeluq l-10 anniversarju mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ April u għal ommhom Loreta Saliba f’għeluq ir-4 anniversarju fl-20 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 9 ta’ April 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Ġeddidna fil-fidi tagħna

ĦADD IL-PALM

Il-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm tiftaħ il-bieb għall-Ġimgħa Mqaddsa li tilħaq il-qofol tagħha biċ-ċelebrazzjoni tat-tlett ijiem imqaddsa – Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid.

Huma jiem importanti għall-ħajja tagħna l-Insara.  Illum permezz ta’ Ħadd il-Palm tiftaħ il-Ġimgħa tal-Vera Mħabba, mhux imħabba tal-kant u l-kartolini.  Hija mħabba li matul din il-gimgħa Ġesù se jurini bit-tbatija li ġarrab għalija;  Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum għandha tgħinni nagħmel meditazzjoni qawwija. Jien ngħid li jien ta’ Ġesù u ma’ Ġesù iżda wara, b’dak li nagħmel, ngħajjat “Sallbu”.

  1. Din hija l-ġimgħa ta’ l-akbar imħabba. Kemm tassew se nroddlu lura l-imħabba lil Ġesù bl-egħmil tiegħi?
  2. Kapaċi matul din il-gimgħa nagħmel REVIŻJONI TA’ ĦAJTI fid-dawl tal-Passjoni ta’ Kristu?
  3. Kemm jien konxju ta’ nies li, bħal Kristu, huma msallbin madwari minħabba l-inġustizzji?
  4. Matul din il-Ġimgħa nieħu sehem ħaj fil-funzjonijiet tal-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa u nimpenja ruħi li nattendi f’Sibt il-Għid.

Mulej, nitolbuk li bl-eżempju

li tajtna fit-triq tas-salib,

nagħmel minn kollox

biex inħobbok bl-għemil tiegħi.

IS-SAGRAMENT TAL-QRAR… matul il-Ġimgħa Mqaddsa

  • L-Erbgħa 19 ta’ April: Mis-6 sad-9pm-Knisja Parrokkjali.
  • Il-Ħamis mill-4.30 sas-6.20pm.
  • Il-Ġimgħa mid-9am sa nofsinhar.
  • Is-Sibt: 7 pm.

OFFERTA – SERVIZZI PASTORALI TAS-SAĊERDOTI

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom envelop għall-ġabra li ssir kull sena f’Ħamis ix-Xirka għas-servizzi tas-Saċerdoti. Lkoll nafu kemm isiru servizzi ta’ kuljum mis-saċerdoti fil-knisja tagħna. Nuru l-apprezzament tagħna u ngħinu speċjalment bit-talb tagħna.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil Irina Nikolaevna Vella li ttajret għal għandek nhar il-31 ta’ Marzu.  Agħtiha O Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem.

IL-ĠIMGĦA MQADDSA

ĦADD il-PALM

Stedina lit-tfal u l-istudenti tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma għall-quddiesa tal-10.00am ta’ Ħadd il-Palm li fiha ssir il-preżentazzjoni tagħhom lill-komunità parrokkjali.  Ninġabru lkoll għall-funzjoni tat-Tberik tal-Palm u ż-Żebbuġ fl-9.45am fejn il-Knisja l-Qadima. Il-funzjoni kollha tixxandar dirett anke fuq Radju Marija.

ĦAMIS IX-XIRKA

Il-Quddiesa taż-Żjut fil-Katidral ta’ Għawdex fid-9am. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

Il-funzjoni filgħaxija fil-knisja tibda fis-6.30pm.

Il-Viżti għal kulħadd fil-knisja tagħna –  fit-8.30pm

–  – Għaż-Żgħażagħ: tluq mill-Pjazza fit-8.30pm.

Il-Viżti – Radju Lauretana u Radju Marija – 9pm.

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Il-funzjoni tas-salib fil-Knisja fit-3pm.

SIBT IL-GĦID

  • Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-Knisja Parrokkjali fit-8am.
  • Is-Siegħa tal-Omm fil-Knisja l-Qadima fit-3pm.

IL-VELJA L-KBIRA

tal-Lejl Qaddis ta’ Sibt il-Għid

is-Sibt 15 ta’ April fit-8pm

KULL NISRANI GĦANDU JKOLLU ĦEĠĠA SPIRITWALI PROFONDA BIEX JIĊĊELEBRA DIN IL-FESTA KBIRA LI TAGĦTI SENS LILL-FESTI L-OĦRA KOLLHA. TALB-SMIEGĦ TAL-KELMA-TIĠDID TAL-WEGĦDIET TAL-MAGĦMUDIJA-EWKARISTIJA.

Wara niltaqgħu ċ-Ċentru Parrokkjali

FESTA… FESTA… FESTA…

GĦALL-ARTAL TAR-REPOŻIZZJONI

Min għandu ward u weraq li jistgħu jintużaw għal Ħamis ix-Xirka, ġibuhom l-knisja. Il-weraq mit-Tnejn 10 ta’ April, il-ward nhar l-Erbgħa 12 ta’ April.

PROGRAMM TAT-TBERIK

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom ukoll il-programm tat-tberik. Okkażjoni oħra biex niltaqgħu ftit flimkien u nitolbu l-barka ta’ Alla fuqna.

IL-PASSJONI: ILBIERAĦ U LLUM

Fl-okkażjoni tat-30 Anniversarju mit-twaqqif tagħha, L-Għaqda Drammatika Għajnsielem se tippreżenta, Il-Passjoni: Ilbieraħ u Llum.  Din il-verżjoni drammatizzata tal-passjoni ser issir is-Sibt 8 ta’ April 2017 fil-Forti Chambray fis-6pm b’repetizzjoni bil-lingwa Ingliża fid-9pm.

L-Għaqda Drammatika Għajnsielem ser ittella’ Iċ-

Ċenaklu f’Ta’ Passi il-Ħamis mit-8.30pm sal-11.30pm

u l-Ġimgħa mid-9am sa nofsinhar.

EWRO COLLECTION

Fil-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġbir waqt il-quddies ikun b’risq il-festa. Inkomplu nkunu ġenerużi u nagħtu kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull offerta.

GĦOTI TA’ DEMM 

Fl-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 11 t’April mis-1pm sal-5pm.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 22 ta’ April fil-Knisja tal-Fontana fis-7pm.Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid tkompli. Segwu l-programmi kollha u x-xandiriet speċjali fuq 89.3FM jew www.radjulauretana.com

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Tonina Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Toni Azzopardi f’għeluq it-22sena mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ April.
  • Guża Attard toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Gorga Attard f’għeluq l-24sena mill-mewt tagħha fl-10 ta’ April.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 2 ta’ April 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Ġeddidna fil-fidi tagħna

Il-5 Ħadd tar-Randan

JIFTAĦ L-OQBRA

Il-Mulej tant huwa viċin tagħna li jridna ħajjin dejjem u ma jiddejjaqx jinżel fil-ħofra tal-qabar maħmuġ tal-fraġilità ta’ ħajjitna.

“Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Iżda intom ma tgħixux skont il-ġisem iżda skond l-Ispirtu”.  Din hija twissija li jagħti San Pawl fil-liturġija tal-lum, twissija li lkoll kemm aħna rridu nieħdu bis-serjetà jekk irridu nibqgħu ħajjin dejjem, ħajjin għall-eternità, ħajjin permezz tal-Kelma t’Alla.  Minkejja d-difetti tagħna, il-Mulej lest li jerġa’ jqajjimna kuljum ukoll jekk dak li għal għajnejn id-dinja jidher li jkun waqgħa jew falliment.  Huwa għal dan il-għan li l-qawmien ta’ Lażżru huwa eżempju ċar mhux biss tal-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt fiżika tal-bniedem iżda b’mod aktar ċar fuq il-mewt spiritwali.  Għal dan il-għan il-Vanġelu jagħtina kuraġġ u tama minkejja d-dgħufija tagħna.  Il-Kelma tal-Mulej għandha s-setgħa kull ħin li tagħtina l-ħajja.  Importanti li lkoll nagħtu każ tagħha u nagħtuha l-ħin u ċ-ċans tibdilna.

Eżekjel, fl-Ewwel Qari tal-lum iserraħ ras il-poplu u jiddeskrivi l-qawmien u l-għaqda ta’ Israel wara l-Eżilju.  Huwa jtenni li saħansitra l-Mulej itellagħna mill-oqbra li nkunu ntfajna fihom aħna.  Il-Mulej se jqiegħed ruħna fina biex  aħna nieħdu l-ħajja.  Xi rridu aktar minn hekk?  Is-Salm 129 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għajta qawwija lill-Mulej għax huwa għandu t-tjieba.  Hija din it-tjieba li trid tfejjaqna.  Fit-Tieni Qari fl-Ittra lir-Rumani għandna indikazzjoni li aħna l-imgħammdin, aħna l-ħolqien ġdid imħabbar minn Eżekjel fl-Ewwel Qari tal-lum

  1. Quddiem id-dgħufija tagħna għandna l-ordni kuljum biex inqumu mill-waqgħat u r-raqdiet tagħna.
  2. Il-Mulej iridna ħajjin fix-xhieda tagħna. X’qed tkun ir-risposta tagħna?
  3. Il-Mulej huwa lest li jtellagħna mill-qabar tagħna, iżda rridu nagħmlu l-parti tagħna.
  4. Kemm tassew fil-ħajja tagħna qed nagħmlu għażliet fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu biex inkunu wlied id-dawl?

Mulej,

minkejja l-waqgħat fil-qabar ta’ dgħufija

nixtieq li tgħinni nqum u nerfa’ salibi.

VIA SAGRA DJOĊESANA

Il-Ħadd 2 ta’ April fuq l-Għolja ta’ Għammar fl-4pm.

ĦIN TAL-QUDDIES

Mit-Tnejn 3 ta’ April il-ħin tal-quddiesa ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt ikun fis-7pm. Nhar ta’ Ħadd fil-5pm. Il-ħin tal-quddies l-ieħor jibqa’ l-istess.

JUM ID-DULURI

Il-Ġimgħa 7 ta’ April huwa jum għażiż għalina li nemmnu. Huwa Jum id-Duluri. Dakinhar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Fil-5pm ikollna quddiesa. Fis-6pm tibda ħierġa l-purċissjoni akkumpanjata minn persunaġġi u l-Banda San Ġużepp. Nimxu wara l-istatwa ta’ Ommna Marija Addolorata fil-ġabra fi spirtu ta’ talb u riflessjoni. Nixegħlu l-galleriji u nżejnu t-twieqi tagħna bi xbihat tad-Duluri u l-Kurċifiss. Kif il-purċissjoni tidħol lura fil-knisja jkollna quddiesa oħra.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 2 t’April ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

Eżerċizzi tar-Randan:

fil-KNISJA TA’ SANT’ANTNIN

GĦAL KULĦADD:

Matul din il-Ġimgħa mit-Tnejn sal-Ħamis fis-7.30pm

Predikatur: P. Marcello Ghirlando ofm.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid bdiet. Segwu l-programmi kollha fuq 89.3FM jew www.radjulauretana.com

IL-PASSJONI: ILBIERAĦ U LLUM

Fl-okkażjoni tat-30 Anniversarju mit-twaqqif tagħha, L-Għaqda Drammatika Għajnsielem se tippreżenta, Il-Passjoni: Ilbieraħ u Llum.  Din il-verżjoni drammatizzata tal-passjoni ser issir nhar is-Sibt 8 ta’ April 2017 fil-Forti Chambray fis-6pm b’repetizzjoni bil-lingwa Ingliża fid-9pm.  Aktar dettalji fil-leaflet li se jitqassam mal-Bulletin il-ġimgħa d-dieħla.

GRAZZI MILL-QALB:

Ġabra speċjali għall-Knisja b’risq ir-radju €693.29

Mill-bott ta’ ‘Blue Anchor Bar’ – €22.71

WARD U WERAQ GĦALL-ARTAL TAR-REPOŻIZZJONI

Min għandu ward u weraq li jistgħu jintużaw għal Ħamis ix-Xirka, erfgħuhom għall-ERBGĦA 12 TA’ APRIL.  Billi din is-sena l-Għid ġej tard, nitolbukom biex il-fjuri ma taqtgħuhomx kmieni ħalli iservu. Grazzi mill-qalb lil kulħadd.

ĦADD il-PALM

Stedina lit-tfal u l-istudenti tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma għall-quddiesa tal-10.00am ta’ Ħadd il-Palm li fiha ssir il-preżentazzjoni tagħhom lill-komunità parrokkjali.  Stedina lil kulħadd għall-funzjoni tat-Tberik tal-Palm u ż-Żebbuġ fl-9.45am fejn il-Knisja l-Qadima.

OĦLOQ TBISSIMA – KAMPANJA TA’ KARITÀ  Tista’ tidħol fis-sagristija, tieħu lista ta’ oġġetti, tixtrihom u ġġibhom lura fis-sagristija. Grazzi tal-ġenerożita’ tagħkom.

INĦARSU LEJN L-GĦID:

Velja tal-Lejl Qaddis ta’ Sibt il-Għid: is-Sibt 15 ta’ April fit-8pm.

L-GĦID hija l-FESTA PRINCIPALI TA’ KULL NISRANI

XAMA

Min ikollu bċejjeċ ta’ xama għar-rimi, anke dak li jibqa’ fix-xemgħat tat-tazza, tistgħu ġġibuhom il-knisja f’kaxxa apposta fejn il-qniepen biex nagħmlu fjakkli għall-Ġimgħa Mqaddsa.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Ġużepp u Paula Sultana fl-anniversarju tal-mewt tagħhom fil-11 u fit-3 ta’ April rispettivament, kif ukoll ta’ ħutha Loreto u Carmelo Sultana u tan-neputi Albert Sultana.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.