Bullettin 2 ta’ April 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Ġeddidna fil-fidi tagħna

Il-5 Ħadd tar-Randan

JIFTAĦ L-OQBRA

Il-Mulej tant huwa viċin tagħna li jridna ħajjin dejjem u ma jiddejjaqx jinżel fil-ħofra tal-qabar maħmuġ tal-fraġilità ta’ ħajjitna.

“Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Iżda intom ma tgħixux skont il-ġisem iżda skond l-Ispirtu”.  Din hija twissija li jagħti San Pawl fil-liturġija tal-lum, twissija li lkoll kemm aħna rridu nieħdu bis-serjetà jekk irridu nibqgħu ħajjin dejjem, ħajjin għall-eternità, ħajjin permezz tal-Kelma t’Alla.  Minkejja d-difetti tagħna, il-Mulej lest li jerġa’ jqajjimna kuljum ukoll jekk dak li għal għajnejn id-dinja jidher li jkun waqgħa jew falliment.  Huwa għal dan il-għan li l-qawmien ta’ Lażżru huwa eżempju ċar mhux biss tal-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt fiżika tal-bniedem iżda b’mod aktar ċar fuq il-mewt spiritwali.  Għal dan il-għan il-Vanġelu jagħtina kuraġġ u tama minkejja d-dgħufija tagħna.  Il-Kelma tal-Mulej għandha s-setgħa kull ħin li tagħtina l-ħajja.  Importanti li lkoll nagħtu każ tagħha u nagħtuha l-ħin u ċ-ċans tibdilna.

Eżekjel, fl-Ewwel Qari tal-lum iserraħ ras il-poplu u jiddeskrivi l-qawmien u l-għaqda ta’ Israel wara l-Eżilju.  Huwa jtenni li saħansitra l-Mulej itellagħna mill-oqbra li nkunu ntfajna fihom aħna.  Il-Mulej se jqiegħed ruħna fina biex  aħna nieħdu l-ħajja.  Xi rridu aktar minn hekk?  Is-Salm 129 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għajta qawwija lill-Mulej għax huwa għandu t-tjieba.  Hija din it-tjieba li trid tfejjaqna.  Fit-Tieni Qari fl-Ittra lir-Rumani għandna indikazzjoni li aħna l-imgħammdin, aħna l-ħolqien ġdid imħabbar minn Eżekjel fl-Ewwel Qari tal-lum

  1. Quddiem id-dgħufija tagħna għandna l-ordni kuljum biex inqumu mill-waqgħat u r-raqdiet tagħna.
  2. Il-Mulej iridna ħajjin fix-xhieda tagħna. X’qed tkun ir-risposta tagħna?
  3. Il-Mulej huwa lest li jtellagħna mill-qabar tagħna, iżda rridu nagħmlu l-parti tagħna.
  4. Kemm tassew fil-ħajja tagħna qed nagħmlu għażliet fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu biex inkunu wlied id-dawl?

Mulej,

minkejja l-waqgħat fil-qabar ta’ dgħufija

nixtieq li tgħinni nqum u nerfa’ salibi.

VIA SAGRA DJOĊESANA

Il-Ħadd 2 ta’ April fuq l-Għolja ta’ Għammar fl-4pm.

ĦIN TAL-QUDDIES

Mit-Tnejn 3 ta’ April il-ħin tal-quddiesa ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt ikun fis-7pm. Nhar ta’ Ħadd fil-5pm. Il-ħin tal-quddies l-ieħor jibqa’ l-istess.

JUM ID-DULURI

Il-Ġimgħa 7 ta’ April huwa jum għażiż għalina li nemmnu. Huwa Jum id-Duluri. Dakinhar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Fil-5pm ikollna quddiesa. Fis-6pm tibda ħierġa l-purċissjoni akkumpanjata minn persunaġġi u l-Banda San Ġużepp. Nimxu wara l-istatwa ta’ Ommna Marija Addolorata fil-ġabra fi spirtu ta’ talb u riflessjoni. Nixegħlu l-galleriji u nżejnu t-twieqi tagħna bi xbihat tad-Duluri u l-Kurċifiss. Kif il-purċissjoni tidħol lura fil-knisja jkollna quddiesa oħra.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 2 t’April ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

Eżerċizzi tar-Randan:

fil-KNISJA TA’ SANT’ANTNIN

GĦAL KULĦADD:

Matul din il-Ġimgħa mit-Tnejn sal-Ħamis fis-7.30pm

Predikatur: P. Marcello Ghirlando ofm.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid bdiet. Segwu l-programmi kollha fuq 89.3FM jew www.radjulauretana.com

IL-PASSJONI: ILBIERAĦ U LLUM

Fl-okkażjoni tat-30 Anniversarju mit-twaqqif tagħha, L-Għaqda Drammatika Għajnsielem se tippreżenta, Il-Passjoni: Ilbieraħ u Llum.  Din il-verżjoni drammatizzata tal-passjoni ser issir nhar is-Sibt 8 ta’ April 2017 fil-Forti Chambray fis-6pm b’repetizzjoni bil-lingwa Ingliża fid-9pm.  Aktar dettalji fil-leaflet li se jitqassam mal-Bulletin il-ġimgħa d-dieħla.

GRAZZI MILL-QALB:

Ġabra speċjali għall-Knisja b’risq ir-radju €693.29

Mill-bott ta’ ‘Blue Anchor Bar’ – €22.71

WARD U WERAQ GĦALL-ARTAL TAR-REPOŻIZZJONI

Min għandu ward u weraq li jistgħu jintużaw għal Ħamis ix-Xirka, erfgħuhom għall-ERBGĦA 12 TA’ APRIL.  Billi din is-sena l-Għid ġej tard, nitolbukom biex il-fjuri ma taqtgħuhomx kmieni ħalli iservu. Grazzi mill-qalb lil kulħadd.

ĦADD il-PALM

Stedina lit-tfal u l-istudenti tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma għall-quddiesa tal-10.00am ta’ Ħadd il-Palm li fiha ssir il-preżentazzjoni tagħhom lill-komunità parrokkjali.  Stedina lil kulħadd għall-funzjoni tat-Tberik tal-Palm u ż-Żebbuġ fl-9.45am fejn il-Knisja l-Qadima.

OĦLOQ TBISSIMA – KAMPANJA TA’ KARITÀ  Tista’ tidħol fis-sagristija, tieħu lista ta’ oġġetti, tixtrihom u ġġibhom lura fis-sagristija. Grazzi tal-ġenerożita’ tagħkom.

INĦARSU LEJN L-GĦID:

Velja tal-Lejl Qaddis ta’ Sibt il-Għid: is-Sibt 15 ta’ April fit-8pm.

L-GĦID hija l-FESTA PRINCIPALI TA’ KULL NISRANI

XAMA

Min ikollu bċejjeċ ta’ xama għar-rimi, anke dak li jibqa’ fix-xemgħat tat-tazza, tistgħu ġġibuhom il-knisja f’kaxxa apposta fejn il-qniepen biex nagħmlu fjakkli għall-Ġimgħa Mqaddsa.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Ġużepp u Paula Sultana fl-anniversarju tal-mewt tagħhom fil-11 u fit-3 ta’ April rispettivament, kif ukoll ta’ ħutha Loreto u Carmelo Sultana u tan-neputi Albert Sultana.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.