Bullettin 23 ta’ April 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Ġeddidna fil-fidi tagħna

It-2 Ħadd tal-Għid

TEMMEN… MA TEMMINX

Temmen… ma temminx… iddeċidejt.  Għaddew l-erbgħin jum tar-Randan.  L-Għid għadda ġimgħa minn fuqu!

Min jaf kemm din il-ġimgħa batejt biex tgħix il-fidi tiegħek.  Min jaf kemm kienu dawk il-mumenti li abbandunajt il-Mulej… min jaf kemm kienu l-mumenti li ddubitajt mill-Mulej.

San Tumas hekk ġralu wkoll … Bħall-bniedem tal-lum ried imiss, jara, jesperjenzja…biex jemmen.  U inti li forsi dejjem tiddubita, Ġesù qed jistiednek issa mhux biss biex tmissu iżda biex jidħol fik.  L-Ewkaristija huwa l-mument tal-verità li permezz tiegħu l-Mulej jinvadi l-qlub tagħna, il-ħajja tagħna, u jseħħ tassew it-tisħiħ tal-fidi tagħna fih.

L-ewwel qari mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli juri li l-għaqda tal-ewwel insara kienet permezz tal-Ewkaristija u t-talb.  Is-Salm 117 itenni li aħna wkoll bħall-ewwel insara għandna nfaħħru lill-Mulej li ġabarna flimkien bħala Nsara.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li nsibu fit-tieni qari, hemm silta li aktarx kienet innu li jingħad waqt il-magħmudija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Kemm it-twelid ġdid u l-ħajja ġdida ġew mogħtija lilna minn Kristu.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-każ ta’ Tumas li ma emminx qabel ra. Ġesù jfaħħar lil dawk li ma rawx u emmnu għax kbira hija l-fidi tagħhom.

  1. Minn fejn tingħaraf il-fidi tiegħek… minn ħajtek?
  2. Kemm tassew għandek fidi f’Alla f’dak kollu li twettaq?
  3. X’tagħmel fil-mument li tonqos il-fidi tiegħek?
  4. Kemm tassew qed tħossok ma’ ħutek l-Insara familja waħda fit-talb u l-Ewkaristija?

Nagħtu s-sens li jistħoqqilha liċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija… il-Quddiesa…

  • mhux obbligu imma bżonn…
  • mhux drawwa iżda xewqa kontinwa li nħallu lill-Mulej jgħaqqadna miegħu…
  • mhux dwejjaq iżda ferħ… il-Festa tal-Għid tkompli f’kull quddiesa li niċċelebraw.

Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA

Illum il-Ħadd 23 ta’ April niċċelebraw il-ĦNIENA DIVINA. Fl-4pm fil-Knisja Parrokkjali, ikollna s-Siegħa tal-Ħniena Divina.

NGĦINU LIL DAR ARKA

ILKOLL nafu kemm ġid isir f’Dar Arka… opra kbira ta’ ħniena li għandna fid-Djoċesi tagħna proprju fir-raħal tagħna stess. l-ġbir fil-quddies tas-Sibt 22 ta’ April filgħaxija u tal-Ħadd 23 ta’ April kollu, jkun għal Dar Arka

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 23 t’April ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8am sas-1pm, u nhar it-Tlieta 25  t’April  mis-1pm sal-5pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 26 ta’ April mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Simon Cachia, kafe’ u tombla. Inħeġġu lin-nisa kollha sabiex jattendu.

ILMA MBIEREK

Min ikun jixtieq xi ftit ilma mbierek għad-devozzjoni fid-djar tagħna, tistgħu tieħdu mill-fonti tal-ilma li hemm fuq il-presbiterju tal-knisja parrokkjali.

ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA  Ikomplu l-Ħamis 27 ta’ April għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, Kurunella, barka sagramentali u fis-6pm quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

TOMBLA Il-Ġimgħa 28 ta’ April fis-7.30pm Ċentru Sant’Antnin b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin li din is-sena ser tiġi ċċelebrata nhar l-4 ta’ Ġunju.

PROGRAMM TAT-TBERIK – IKOMPLI

Is-saċerdoti tagħna jkomplu jiltaqgħu magħkom fi djarkom matul din il-ġimgħa. Fejn m’hemm xejn indikat (hux filgħodu jew filgħaxija) ifisser li t-tberik ikun ser isir filgħaxija.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 22 ta’ April fil-Knisja tal-Fontana fis-7pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

GRAZZI MILL-QALB

Lil dawk kollha li ħadmu u stinkaw biex seta’ jkollna funzjonijiet tassew sbieħ tal-Ġimgħa Mqaddsa: Saċerdoti, Abbatini, dawk li jgħinu fuq l-artal, il-korijiet u l-mużiċisti, iż-żgħażagħ, dawk li jarmaw l-artal tar-repożizzjoni u l-knisja, dawk li jnaddfu, l-animaturi u l-letturi kollha… lil Paul Stellini li ta’ kull sena jpitter il-Blandun…

…lil KULĦADD. Tassew Prosit u Grazzi mill-qalb.

INKOMPLU nitħeġġu biex nagħmlu aktar affarijiet sbieħ għall-Mulej fil-Kenn ta’ Dar Ommna Marija.

GRAZZI

  • Ġbir għas-Seminarju fl-Eżerċizzi-Randan 2017: €961
  • Ġabra għas-servizzi tas-Saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka: €1290.30 u $Us1
  • Għas-Sagristiji: Michael Spiteri €250, NN Triq Mġarr €300, NN €200. Grazzi kbira mill-Qalb.

ĠABRA GĦALL-ARMAR TAL-FESTA

Mal-bullettin tal-ġimgħa l-oħra waslilkom envelop biex tkunu tistgħu tagħtu l-offerta tagħkom għall-armar tal-festa. L-Għaqda tal-armar tavża li mhux ser tiġbor bieb bieb. Min jixtieq jagħti l-offerta tiegħu, wassluha fil-letterbox tal-maħżen tal-armar jew id-Dar Parrokkjali. Grazzi tal-offerta.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil Edward Debono minn ħdan il-kommunità parrokkjali tagħna li sejjaħtlu għal għandek nhar il-15 ta’ April.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Gużeppa Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Loreta Grech f’għeluq il-31 sena mill-mewt tagħha fil-25 ta’ April.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.