Bullettin 7 ta’ Mejju 2017

Ir-4 Ħadd tal-Għid

Jum Mondjali ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

IL-BIEB HUWA JIEN

JIENA HU L-BIEB;

JEKK XI ĦADD JIDĦOL ĠEWWA PERMEZZ TIEGĦI JSALVA

Ħafna drabi aħna l-Insara tinbet fina ċerta konvinzjoni li kapaċi nimxu mingħajr Kristu u mingħalina li nkunu qed nagħmlu s-sewwa.  mingħajr ma nagħtu każ jekk l-għażliet tagħna jaqblux mal-istess fidi tagħna.  Ma nistaqsux min hu r-ragħaj tagħna?  Jekk hemmx differenza bejn il-mod tal-ħajja tagħna u ta’ dawk li ma jemmnux?  Il-Mulej ġie biex jagħtina l-ħajja mhux kemm kemm niddubbaw, iżda ħajja bil-kotra, bl-abbundanza. Għaliex qed nibqgħu nisfiduċjaw lill-Mulej?  Għaliex qegħdin nibqgħu nagħmlu għażliet ta’ mewt fuq ħajjitna u mhux favur il-ħajja li jagħtina l-Mulej?  Pietru fis-silta mill-Atti tal-Appostli jitkellem ċar.  Hemm bżonn ta’ xhieda akbar u aktar ħajja minna l-Insara fis-soċjeta tal-lum.  Ma nħallux min jispekula mir-reliġjon tagħna mingħajr ma nkunu lesti li nagħtu tweġibiet f’waqthom.  Ma nħallux lil min minn Kristu jagħmel karikatura… hawn wisq xogħol xi jsir biex ma nkunux mar-Ragħaj tagħna.

L-Ewwel Qari tal-lum ikompli mill-Atti tal-Appostli u jtenni l-mod ta’ spjegazzjoni li kien qed jagħmel Pietru lil-Lhud u jfisser kif mill-Iskrittura hemm il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.  Fis-Salm 22 għandna r-rakkont tar-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajtu għan-ngħaġ tiegħu mingħajr interessi ta’ xejn ħlief dak li jħares lill-istess nagħaġ.

It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru fejn naraw li San Pietru jfakkar lin-nisrani li qed ibati sabiex iħares lejn Ġesù li bata, miet imma qam fuq il-ħażen.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna lil Ġesù li jagħti tifsira ta’ kemm hu importanti li nħalluh imexxina hu bħala r-Ragħaj li jrid biss il-ġid tagħna lkoll.

  1. Huwa importanti li fil-ħajja tagħna jkollna RAGĦAJ WIEĦED li jiggwidana.
  2. Għandna niftħu għajnejna u naraw li dan ir-Ragħaj tassew qed ifittex l-interessi tagħna u mhux Tiegħu.
  3. Huwa Ġesù biss li huwa miġnun warajna; li jrid jagħtina mhux biss il-ħajja, iżda l-ħajja bil-kotra.
  4. L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.

Mulej, kun dejjem ir-ragħaj tiegħi, sabiex nagħraf nagħmel passi sodi f’ħajti.

IL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN

TIBDIL FID-DATA: Din is-sena, minħabba l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju, il-festa ta’ Sant’Antnin ġiet posposta għall-10 ta’ Settembru.

IL-ĠABRA li kienet programmata għall-ġimgħa d-dieħla xorta waħda ser issir mit-Tlieta li ġejja ‘l quddiem. Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop apposta.

TOMBLA Il-Ġimgħa 12 ta’ Mejju fis-7.30pm fiċ-Ċentru ta’ Sant’Antnin b’risq il-festa tal-qaddis.​

FESTA TA’ SAN ĠORĠ PRECA

Nhar it-Tlieta li ġejja, 9 ta’ Mejju nfakkru lill-Qaddis Malti San Ġorġ Preca. It-tfal u l-istudenti kollha huma mistiedna għall-quddiesa ta’ filgħaxija li fiha ssir l-omelija fuq il-qaddis fundatur tas-Soċjeta’ tal-Museum. Din is-sena jaħbat l-10 anniversarju minn meta Papa Benedittu XVI iddikjara qaddis lil Dun Ġorġ.

FESTA TA’ SAN ĠUŻEPP

Nhar il-Ħadd 14 ta’ Mejju niċċelebraw lil San Ġużepp fir-raħal tagħna. Ikollna l-quddiesa bil-prietka fil-5pm bis-sehem tal-kor u l-orkestra u wara l-purċissjoni li tkun akkumpanjata mill-Banda San Ġużepp.

FL-OKKAŻJONI TA’ JUM L-OMM

Il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju Anzjani u Bżonnijiet Speċjali, ser jorganizza quddiesa għall-anzjani kollha nhar il-Ħadd 14 ta’ Mejju, 2017 fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra fl-9.45am. Ikun hemm trasport b’xejn mill-Pjazza fid-9.00am.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 9 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

L-ERBGĦAT TA’ SANTA MARIJA

Matul l-Erbgħat ikollna trasport għal Ta’ Pinu fl-4.15am u fil-4.45pm mill-Pjazza.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġbir ikun għall-festa. Ngħinu kif u kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull offerta.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…Għallimna l-imħabba lejn għajrna.

Motto Parrokkjali 2016-17

L-IMĦABBA LEJN GĦAJRNA

Dan il-motto għax-xahar ta’ Mejju huwa ispirat mill-festa tal-viżitazzjoni ta’ Ommna Marija li niċċelebraw proprju fil-31 ta’ Mejju.

Nimtlew bil-ħeġġa bħal Ommna Marija biex

  • ngħinu lil għajrna,
  • inneħħu l-għira u l-mibegħda li jistgħu jinbtu f’qalbna.
  • Nirrispettaw lill-oħrajn anke meta ma jaqblux magħna.
  • Nużaw ħlewwa fi kliemna, innaqqsu t-tgergir u noffru proposti tajba u utli.
  • Inkunu attenti għall-ħafna bżonnijiet li hawn madwarna u ngħinu kif nistgħu.

L-Arċipriet.

RUŻARJU FIT-TOROQ

Matul dan ix-xahar ta’ Mejju jkollna r-rużarju mil-leġjunarji ta’ Marija f’dawn it-toroq dejjem fil-5pm:

Żona Patrijiet – Nhar ta’ Tlieta; Pjazza Tolfa – Nhar ta’ Ġimgħa; Triq il-Qigħan – Nhar ta’ Ħamis.

GRAZZI

N €30 b’ringrazzjament lill-Madonna u San Ġużepp. NN €500 għas-sagristiji.

TBERIK TAL-FAMILJI – GRAZZI

Wara t-tberik tal-familji li sar f’dan iż-żmien tal-Għid, nixtiequ ngħidu grazzi lil dawk il-familji kollha li laqgħuna. Kienet esperjenza oħra sabiħa għal dawk kollha li laqgħu s-saċerdoti u l-patrijiet tagħna fi djarhom u żgur li sar il-ġid. Grazzi mill-qalb.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Famila Mercieca joffru €20 b’suffraġju ta’ Rita Borg, Ġużepp, Rożina u l-familja Xuereb.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.