Bullettin 14 ta’ Mejju 2017

Il-5 Ħadd tal-Għid

TITĦAWDUX!

Qatt ħsibt li tista’ titħawwad minħabba f’Ġesù ?  Meta tara diversi għemejjel min-nies li suppost jispiraw fik il-fiduċja u tara l-kuntrarju, bla ma trid titħawwad anki mill-aspett spiritwali.

Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, irid iwasslilna messaġġ qawwi ta’ kuraġġ u tama, iżda wkoll ta’ mpenn.  Hemm bżonn li nżommu sħiħ u nemmnu fih.  Is-silta li nsibu fil-Vanġelu tal-lum tasal wara t-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħda ta’ Pietru u Ġesù  li wasal biex jitlaq.  Ġesù  jqawwi l-qlub meta juri d-destinazzjoni tal-bniedem ’il fejn hi, fejn hija d-dar tagħna…fis-sema.  Il-Mulej Ġesù jtenni li sejjer iħejjielna l-post għand il-Missier.  M’hijiex biss wegħda, iżda fuq kollox stedina.  Huwa minn hawn li trid issir fina l-bidla biex inkunu denji li nirrispondu għal din il-wegħda.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti tal-Appostli, insibu l-importanza li l-ewwel insara kienu jagħtu mhux biss lill-kelma u t-talb iżda wkoll lill-problemi soċjali.  Huwa muri biċ-ċar li l-Knisja, mill-ewwel żminijiet tagħha, dejjem ħasbet fil-batut, fil-fqir u fl-emarġinat.  Is-Salm Responsorjali li ntennu huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex fil-Kelma tiegħu, li toħloq kollox, jagħtina mħabbtu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, juri li l-Knisja hija magħmula mhux minn ĠEBEL MEJJET iżda minn ĠEBEL ĦAJ li huwa komunità li tfittex il-ħin kollu li tagħti xhieda tal-qawmien ta’ Kristu fis-soċjeta’ tagħha. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jqawwi l-qlub tal-Appostli li kienu mħawda u jfisser għaliex sejjer għand il-Missier.  Il-Mulej iħeġġeġ lill-Appostli biex jemmnu fih.

Il-Mulej ma jridx li nitħawdu.  Hemm bżonn li nemmnu aktar fit-tagħlim tiegħu.  Hija stedina biex inkunu nies ta’ talb u fl-istess ħin li jkollna fiduċja sħiħa fi Kristu, minkejja t-tfixkil tal-ħajja ta’ kuljum.

San Pietru jistedinna llum nifhmu li aħna l-Knisja.  Il-Knisja li hija komunità, li hija ġebel ħaj, u jekk ħaj allura jagħti l-ħajja.

Ma tistax tkun veru nisrani u ma tagħtix każ ta’ dak li qed jiġri fis-soċjetà tiegħek.  Huwa għal dan il-għan li fl-Ewwel Qari tal-lum insibu li l-Knisja mill-ewwel żminijiet tagħha kienet impenjata fl-għajnuna għall-fqir u l-batut, għajnuna li dejjem żammet bħala l-prinċipju ewlieni tagħha sal-ġurnata tal-lum.

Mulej Ġesù, qawwi fina l-fidi, biex xejn u ħadd

     ma jbegħidni minnek.

FESTA TA’ SAN ĠUŻEPP

Illum il-Ħadd 14 ta’ Mejju niċċelebraw lil San Ġużepp fir-raħal tagħna. Ikollna l-quddiesa bil-prietka fil-5pm bis-sehem tal-kor u l-orkestra. Wara toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata mill-Banda San Ġużepp. Inħeġġu lill-fratelli u lill-abbatini biex jieħdu sehem.

Nitolbu ħafna lil San Ġużepp biex iħares il-familji tagħna u jagħti lill-missirijiet kollha minn dik il-ħeġġa u l-kura li huwa kellu għall-Familja Mqaddsa ħalli jkunu missirijiet insara tajbin li jkomplu jfittxu l-ġid ta’ marthom u ta’ wliedhom kif kien jagħmel hu ma’ Marija u Ġesù.

Nitolbuh ukoll jindokra l-parroċċa tagħna u jressaqna dejjem aktar lejn il-Knisja ta’ ibnu Ġesù.

Nafdawlu wkoll il-proġetti li għandha quddiemha l-parroċċa biex inkomplu nsibu kull għajnuna f’waqtha, iħarisna mill-perikli u fuq kollox li nagħmlu kollox għall-ikbar glorja ta’ Alla.

L-ERBGĦAT TA’ SANTA MARIJA

Matul l-Erbgħat qed ikollna trasport għal Ta’ Pinu fil-4.45pm mill-Pjazza.

ĠABRA FESTA SANT’ANTNIN…

tkompli matul din il-ġimgħa.  Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

ĦARĠA GĦALL-ANZJANI

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, il-Kunsill Lokali Għajnsielem ser jorganizza ħarġa għall-anzjani nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Mejju 2017. Tluq fit-7.50am minn Triq il-Ġnien, Pjazza, Triq Ħamri u Triq Sant’Antnin. Quddiesa f’Ta’ Pinu fit-8.30am u wara divertiment u ikel f’restaurant. Dawk interessati jinkitbu fl-uffiċċju tal-Kunsill jew iċemplu 21561515 mhux aktar tard minn nhar l-Erbgħa 17 ta’ Mejju. Tingħata tifkira ta’ Jum l-Omm lil dawk preżenti. Prezz €5.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…Għallimna l-imħabba lejn għajrna.

Motto Parrokkjali 2016-17

JUM L-OMM

Nawguraw lill-Ommijiet kollha u nitolbu ħafna għalihom.

Nitolbu għall-ommijiet li diġa għaddew għall-ħajja ta’ dejjem.

RUŻARJU FIT-TOROQ

Matul dan ix-xahar ta’ Mejju jkollna r-rużarju mil-leġjunarji ta’ Marija f’dawn it-toroq dejjem fil-5pm:

Żona Patrijiet – Nhar ta’ Tlieta; Pjazza Tolfa – Nhar ta’ Ġimgħa; Triq il-Qigħan – Nhar ta’ Ħamis.

GRAZZI

Lil Ġorġa Galea li tat €200 għas-sagristiji.

NN €100 għas-sagristiji:

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 14 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Lil Menzju Zerafa li sejjaħtlu għal għandek fl-4 ta’ Mejju 2017 fl-għomor ta’ 67 sena.
  • Lil Maria Said minn Kemmuna li giet tiltaqa’ miegħek nhar is-7 ta’ Mejju 2017 fl-għomor ta’ 87 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Gużeppa Grech toffri €30 b’suffraġju ta’ missierha Pawlu Grech f’għeluq it-42 sena mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Mejju u għal ħuha Ġorġ f’għeluq l-20 sena minn mewtu fl-14 ta’ Mejju.
  • Il-familja Camilleri toffri €20 b’suffraġju ta’ Alfred Camilleri f’għeluq is-27 sena mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ Mejju u għal Carmela Scicluna f’għeluq it-33 sena mill-mewt tagħha.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.