Bullettin 21 ta’ Mejju 2017

Is-6 Ħadd tal-Għid

JEKK TĦOBBUNI….

Il-Kliem tal-Mulej huwa ċar.  Kemm hawn minna li aħna konvinti li aħna ta’ Kristu, li ngħidu li lesti nagħmlu kollox għalih?  Il-Mulej jitkellem ċar meta joffri proposta tiegħu għal dawk li jgħidu li jħobbuh. 

Min iħobbni jħares il-KMANDAMENTI TIEGĦI.  Ma nistax ngħid li jiena ta’ Kristu, li jiena nħobb lil Kristu imma… nagħmel li rrid.

“U jiena nitlob lill-Missier.”  M’aħniex weħidna.  Il-Mulej huwa magħna u qiegħed jitlob lill-Missier għalina. Nafdaw fih, nirreċiprokaw il-fiduċja li tana.

Kontinwament f’dawn il-Vanġeli tal-Ħdud ta’ l-Għid, il-Mulej jimliena bil-kuraġġ u jtenni li qatt m’hu se jħallina ltiema jew waħedna.Hu jiftħilna l-qalb imbeżżgħa tagħna biex bil-kuraġġ inħabbru l-qawmien tiegħu b’ħajjitna.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna r-rakkont li fih Ġesù jkompli jsaħħaħ id-dixxipli tiegħu u jtennilhom li, min iħobbu, għandu juri tassew li huwa miegħu bil-fatti.

  1. Insiru nafu aħjar it-tagħlim tal-fidi tagħna u nkunu tassew familjari mal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika..
  2. Irridu ngħixu b’konvinzjoni l-fidi tagħna.  M’għandniex nibilgħu dak li nisimgħu jew naqraw.  Għandna nirrifjutawh jekk ma jaqbilx mat-tagħlim tagħna.
  3. Hemm bżonn li l-Insara b’kuraġġ joħorġu aktar fil-beraħ fis-soċjeta tagħna u ma nibżgħux minn l-ebda persekuzzjoni.

L-ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI

… DJAKNU U ŻEWĠ SAĊERDOTI ĠODDA

Nhar il-Ġimgħa li ġejja, 26 ta’ Mejju, huwa jum speċjali għad-Djoċesi tagħna u għall-Knisja kollha kemm hi: Ser jiġu ordnati żewġ saċerdoti ġodda – Rev. Carl Scerri mill-parroċċa tal-Katidral u Rev. Michael Grima minn San Lawrenz. Fil-15 ta’ Ġunju, imbagħad, Joseph Hili mix-Xagħra ser jiġi ordnat djaknu. Nifirħu magħhom u nitolbu ħafna għalihom matul din il-ġimgħa.

VELJA TA’ TALB BI TĦEJJIJA għall-ordinazzjoni

Il-Ħamis 25 ta’ Mejju fit-8pm fis-Seminarju.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju fil-katidral fis-7.15pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.45pm.

FESTA TA’ SANTA RITA

Is-Sibt 20 ta’ Mejju

Fis-5.45pm rużarju u quddiesa solenni minn Mons Tarcisio Camilleri Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi. Wara l-quddiesa, Barka Sagramentali u Innu Popolari lil Santa Rita.

It-Tnejn 22 ta’ Mejju – Festa Liturġika

7.00am Quddiesa Solenni bit-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum. Jiċċelebra l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech.

11.00am Quddiesa li fiha jitbierku t-tfal mill-Kan. Fr Joe Cardona.

5.45pm Rużarju u Quddiesa Solenni minn Fr. Michael Attard OFM Conv Kappillan ta’ San Pawl il-Baħar. Wara l-quddiesa, Barka Sagramentali u Innu Popolari lil Santa Rita.

RADJU LAURETANA

Minħabba li l-festa ta’ Sant’ Antnin ġiet posposta, l-iskeda li Radju Lauretana kien jipprepara għal din il-festa mhix ser tixxandar. L-iskeda li jmiss tibda s-Sibt 5 ta’ Awwissu, il-ġurnata li fiha nfakkru l-għaxar snin mit-twaqqif tar-radju tagħna.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 23 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB

Ma’ dan il-bullettin qed inwasslulkom l-envelop għall-ġabra li ssoltu ssir bħalissa għall-festa titulari tagħna. Matul din il-ġimgħa jiġu l-voluntiera tal-parroċċa biex jiġbruhom. L-għotja ta’ kull familja hija apprezzata ħafna biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż tal-festa li din is-sena żdiedu f’kull aspett tagħha.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…Għallimna l-imħabba lejn għajrna.

Motto Parrokkjali 2016-17

RUŻARJU FIT-TOROQ

Matul dan ix-xahar ta’ Mejju jkollna r-rużarju mil-leġjunarji ta’ Marija f’dawn it-toroq dejjem fil-5pm:

Żona Patrijiet – Nhar ta’ Tlieta; Pjazza Tolfa – Nhar ta’ Ġimgħa; Triq il-Qigħan – Nhar ta’ Ħamis.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha ġewwa Lourdes Home l-Erbgħa 24 ta’ Mejju:9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla.

LAQGĦA GĦALL-ADOLEXXENTI TAL-GRIŻMA

Nhar l-Erbgħa li ġejja, 24 ta’ Mejju, fiċ-ċentru parrokkjali fil-5.30pm. Dakinhar isir ukoll it-tqassim tat-togi li jintużaw għall-okkażjoni.

JUM DINJI TA’ TALB MIN-NISA KATTOLĊI

Il-Fergħa Nisa tal-Azzjoni Kattolika tistieden lin-nisa kollha għaċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum nhar it-Tlieta 23 ta’ Mejju (9am-10.45) fis-Sala tal-Azzjoni Kattolika, Victoria. Ikun hemm quddiesa mill-Assistent Ekklezsjastiku Kan Noel Saliba u diskussjoni. Trasport mill-Pjazza fit-8.30am. Kulħadd mistieden.

FUNZJONI TAL-EWWEL TQARBINA

Din tkun il-Ħadd 28 ta’ Mejju fil-quddiesa tal-5pm. Nieħdu sehem ilkoll f’din iċ-ċelebrazzjoni bħala komunita’ parrokkjali. Niltaqgu mill-ewwel fil-knisja parrokkjali. Nitolbu għal dawn it-tfal ħalli Ġesu’ Ewkaristija jkun il-ferħ u l-hena ta’ ħajjithom.

LAQGĦA GĦALL-FAMILJI

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: X’nagħmel meta nkun irrabjat?  Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju bejn is-6.30pm u t-8.00pm u ser titmexxa minn Fr.John Vella (counsellor u psychotherapist).  Kulhadd mistieden.

TOMBLA b’risq il-Festa ta’ Sant’ Antnin

Il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju fis-7.30pm fiċ-Ċentru Sant’Antnin.