Bullettin 28 ta’ Mejju 2017

Is-7 Ħadd tal-Għid

Tlugħ il-Mulej fis-Sema

JIENA MAGĦKOM DEJJEM, SAL-AĦĦAR TAŻ-ŻMIEN.

Il-Mulej tela’ fis-sema.  Ħalliena waħedna?  Le, iżda qed jafda aktar fina dak li Huwa ġie biex jgħallem fuq din l-art.

Ħalla f’idejna mhux biss biex naċċettaw jew le l-fidi tagħna iżda wkoll biex inwasslu din l-aħbar tajba. Il-Mulej jwiegħed li huwa magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet.  Għaliex allura nibżgħu?  Għaliex jonqsilna l-kuraġġ?  Għaliex naħsbu li ninsabu waħedna; xi kultant ngħidu li anki Alla nsiena?  Hija l-opra ta’ satana  li jipprova joħloq fil-bniedem sfiduċja fih innifsu u fil-qawwa li jagħtina l-Mulej fis-Sagramenti.

Huwa Ħadd fejn irridu nirriflettu kemm aħna kuraġġużi fix-xandir tal-fidi tagħna.  Kemm tassew aħna lesti nimpenjaw ruħna fis-soċjetaÏ biex inxandru din l-aħbar it-tajba kullimkien?  Nibdew mill-ambjent tal-familja tagħna, tax-xogħol, studju, divertiment; kull ħin hu mument tajjeb biex inxandru l-fidi tagħna.

L-Ewwel qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, jirrakkonta t-tlugħ tal-Mulej fis-sema u juri r-responsabbiltaÏ tad-dixxipli li jridu jagħtu xhieda tiegħu sa truf l-art.  Fl-Ittra lill-Efesin San Pawl juri lill-Insara  b’liema ġieħ ġie gglorifikat Sidna Ġesù Kristu permezz tal-Missier.  Naraw kemm tassew is-salvazzjoni tad-dinja hija opra kontinwa tat-TrinitaÏ.  Fil-Vanġelu tat-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema Ġesù jibgħat lid-dixxipli biex imorru jħabbru u jgħallmu.

Aħna l-Insara ma nistgħux nibqgħu reqdin.  M’aħniex waħedna.  Ġesù bagħatna nxandru.

Ma nistgħux inxandru jekk qabel ma nkunux nies li kontinwament  nitgħallmu u nikbru fil-Kelma ta’ Alla.

Qatt ma għandna nibżgħu li aħna waħedna.  Il-Mulej magħna sal-aħħar taż-żminijiet. Kuraġġ!  Hemm bżonn li nxammru l-kmiem u nidħlu naħdmu fl-għalqa tal-Mulej.

Għinni, Mulej,

biex inxandar il-Bxara t-Tajba mal-Ġnus.

Għinni biex ma nibżax u ma naqtax qalbi.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI Is-Sibt 27 ta’ Mejju fil-katidral fis-7.15pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.45pm.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…Għallimna l-imħabba lejn għajrna.

Motto Parrokkjali 2016-17

FUNZJONI TAL-EWWEL TQARBINA

Niltaqgħu lkoll bħala komunita’ parrokkjali fil-quddiesa tal-5pm biex nifirħu mat-tfal li ser jirċievu lil Ġesu’ Ewkaristija għall-ewwel darba. Nitolbu ħafna għalihom u għall-familji tagħhom.

Amy Jo Attard, Keith Attard, Spencer Attard,

Asia Azzopardi, Carlson Azzopardi, Kayleigh Cassar,

Luca Cauchi, Janica Cordina, Clive Farrugia, Tyler Grima,

Yousef Khalil, Carl Le Prevost, Destiny Liaho,

Malcolm Joe Mercieca, Kyra Mifsud, Lorton Mifsud, William Mizzi, Kylie Marie Pace, Damian Portelli,

Keran Saliba, Nathan Sanchez, Lucas Tabone,

Ashley Marie Vella, Carlton Vella, Claire Vella,

Miguel Vella, Marilyn Xuereb, Jacob Zerafa.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 28 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

INFAKKRU LILL-VENERABBLI EDEL QUINN

Nhar it-Tlieta li ġejja, 30 ta’ Mejju, fil-knisja l-Qadima.  5.30pm Rużarju. 6.00pm Quddiesa. Mistieden kulħadd b’mod speċjali l-Leġjunarji u l-membri Awżiljarji.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 2 ta’ Ġunju l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 3 ta’ Ġunju fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. L-Adorazzjoni mbagħad tkompli sad-9pm.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB  Mal-bullettin tal-ġimgħa l-oħra waslilkom l-envelop għall-ġabra tal-festa. Il-voluntiera tal-parroċċa bħalissa qed jiġbruhom. Kull għotja hija apprezzata ħafna.Grazzi mill-qalb.

NOVENA LILL-ISPIRTU S-SANTU

Bi tħejjija għall-Festa ta’ Pentekoste li tagħlaq iż-żmien tal-Għid, nitolbu kuljum lill-Mulej Alla, ikompli jixħet fuqna l-qawwa tal-Ispirtu qaddis tiegħu. Infaħħruh għas-seba’ d-doni tiegħu.

GRAZZI   Għas-sagristiji: NN €100, u NN €100.

CONTAINER 4GUATEMALA.Is-Sibt u l-Ħadd 27 u 28 ta’ Mejju. ARAW IL-POSTERS FIL-KNISJA

ARĊISQOF ĠDID F’LORETO

Il-Papa Franġisku nnomina lil Mons. Fabio Dal Cin Arċisqof Prelat ġdid ta’ Loreto u Delegat Pontifiċju għas-Santwarju ta’ Loreto. Mons Dal Cin huwa wkoll Delegat Pontifiċju għall-Bażilika ta’ Sant’Antnin ġewwa Padova. Twieled f’Vittorio Veneto u għandu 52 sena. Minn hawn nifirħulu u nitolbu għalih.

L-AĦĦAR ĦADD TAX-XAHAR…

ġabra speċjali għall-Knisja.

Kif qed nagħmlu f’kull l-aħħar weekend tax-xahar, fil-quddies kollu ta’ dan is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, il-ġbir kollu jkun għall-knisja tagħna. Bħalissa, minbarra l-ispejjeż tal-proġetti li għandna għaddejjin, qed naħsbu biex nirranġaw is-sistema tal-kalamita tal-knisja biex tkun tiflaħ sew għas-sajjetti u nevitaw tant ħsara. Għandna quddiemna spiża ta’ madwar €10,000. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Grazzi mill-qalb.

INFAKKRU LIL SAN ĠORĠ PRECA

Il-JP2 Foundation għoġobha tagħżel il-knisja tagħna biex tfakkar l-10 anniversarju mill-Kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca li seħħet fit-3 ta’ Ġunju 2007 bis-sehem tal-Kor PHOENIX SINGERS minn Birmingham l-Ingilterra nhar il-Ġimgħa li ġejja 2 ta’ Ġunju. Il-kor ser ikanta waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija u wara jagħtina wkoll xi bċejjeċ sbieħ għall-okkażjoni. Aktar informazzjoni dwar dan il-kor tinsab fuq www.phoenixsingersbham.org.uk

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Loreta Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Alfred Azzopardi f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Mejju.
  • Marlene Muscat, ħutha u bintha Charlene joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża ommhom Carmela Galea f’għeluq it-tieni sena mill-mewt tagħha fil-25 ta’ Mejju.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish