Monthly Archives: June 2017

Bullettin 2 ta’ Lulju 2017

It-13-il Ħadd matul is-sena

Siltiet mill-UDJENZA ĠENERALI tal-Papa Franġisku Pjazza San Pietru L-Erbgħa 28 ta’ Ġunju 2017

Meta, fil-Vanġelu, Ġesù jibgħat lid-dixxipli f’missjoni, ma joqgħodx jimlielhom moħħhom b’kastelli fl-arja ta’ suċċess faċli;

bil-maqlub, iwisshom ċar li t-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla dejjem sa jkun hemm min hu kontriha. U juża anki espressjoni qawwija: “U lilkom kulħadd isir jobgħodkom – jobgħodkom – minħabba f’ismi” (Mt 10:22). L-Insara jħobbu, imma mhux dejjem huma maħbuba. L-Insara huma rġiel u nisa “kontra l-kurrent”. Dan normali: ladarba d-dinja hi mċappsa mid-dnub, li jidher f’bosta xejriet ta’ egoiżmu u ta’ inġustizzja, min jimxi wara Kristu miexi f’direzzjoni kuntrarja.

Nisrani li mhux umli u fqir, maqtugħ mill-għana u mill-poter u fuq kollox maqtugħ minnu nnifsu, ma jixbahx lil Ġesù. In-Nisrani jimxi fit-triq tiegħu f’din id-dinja b’dak li hu essenzjali għall-mixja, imma b’qalbu mimlija mħabba. Il-vera telfa tkun meta jaqa’ fit-tentazzjoni tal-vendetta u tal-vjolenza, li jwieġeb għall-ħażen b’ħażen. Ġesù jgħidilna: “Qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Mt 10:16). Biex negħlbu l-ħażen, ma nistgħux ninqdew bl-istess metodi tal-ħażen.

In-Nisrani m’għandu qatt jitlef it-tama tiegħu, jew jaħseb li ġie abbandunat. Ġesù jiżgurana: “Sa x-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud” (Mt 10:30).  Għalhekk l-Insara għandhom ikunu dejjem fuq “in-naħa l-oħra” tad-dinja, dik magħżula minn Alla: mhux persekuturi, imma ppresegwitati; mhux arroganti, imma umli; mhux bejjiegħa tad-duħħan, imma sottomessi għall-verità; mhux imposturi, imma onesti.

Ħa jagħtina Alla dejjem il-qawwa li nkunu xhieda tiegħu. Jagħtina li ngħixu t-tama Nisranija fuq kollox fil-martirju moħbi li nwettqu tajjeb u bi mħabba d-dmirijiet tagħna ta’ kuljum. Grazzi.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…dewwaqna  s-sbuħija tas-sema.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES Infakkru li min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru u Diċembru 2017 jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju parrokkjali fil-ġranet tal-ftuħ tal-uffiċċju jiġifieri t-Tlieta u l-Ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

NAGĦTU MERĦBA lil Fr. Roberto Gauci li ġie assenjat mill-Isqof biex jgħin fil-ħidma pastorali fil-parroċċa tagħna.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

SIBTIJIET BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju mal-familja jew fil-knisja – Ngħaddu xi ħin quddiem Ġesù Sagramentat.

  • Nieħdu sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

Waslet ġabra oħra għall-festa tagħna li kull ma jmur qed toqrob ġmielha. Qed inwasslulkom envelope biex kulħadd jagħti l-offerta tiegħu. Aħna lkoll inħobbu l-festa u għalhekk hu meħtieġ li lkoll nagħtu l-għajnuna finanzjarja tagħna għal festa sabiħa. L-envelopes jinġabru mill-voluntiera tal-parroċċa fil-jiem li ġejjin.

  • Nittamaw li f’kull triq tar-raħal tagħna n-numru ta’ familji li jagħtu f’dawn il-ġabriet jiżdied. Jekk ma tkunx id-dar waqt il-ġabra, tista’ tgħaddi l-envelop lill-voluntiera responsabbli mit-triq tiegħek anke wara.
  • Nittamaw f’ġabra sabiħa għax għadna ftit lura. Grazzi ta’ kull donazzjoni.

NIGHT FUN GAMES

Nhar ta’ Tnejn fit-8pm. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali.

NIBDEW IT-TNEJN 3 TA’ LULJU @ 8pm b’BURGER NIGHT U XI LOGĦOB FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI.

  • Tkunu tistgħu tapplikaw dakinhar stess għall-erba’ serati sbieħ ta’ dan il-logħob.

NIFIRĦU

  • Lil Sr. Carmelina Borg tas-sorijiet Agostinjani li f’dan il-weekend qed tiċċelebra l-50 anniversarju mill-Ewwel Professjoni tagħha.
  • Lil Mons Ġużeppi Attard, li minbarra l-ħidma tiegħu bħala Vigarju Episkopali għall-katekezi mal-adulti, ġie maħtur ukoll Rettur tal-Knisja tar-Ritorn mill-Eġittu f’Kemmuna.     … Nitolbu għalihom.

GĦOTI TA’ DEMM    

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 4 ta’ Lulju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

GRAZZI Għall-offerti li nġabru waqt il-Car Wash organizzata mill-GSM Youths: €612.

Adorazzjoni Ewkaristika f’ġieħ Ġesù konċeput f’ġuf Marija

Nhar il-Ħamis, 6 ta’ Lulju se jkollna magħna l-membri tal-Komunità Anawim waqt il-Quddiesa tas-7pm u wara jmexxu Adorazzjoni Ewkaristika indirizzata lejn Ġesù mnissel fil-ġuf ta’ Marija sat-8.00pm.  Mistiedna b’mod speċjali dawk li qegħdin jistennew tarbija.

L-istedina tagħna tmur ukoll lill-adolexxenti li għadhom kemm irċevew il-Griżma tal-Isqof.

F’din l-okkażjoni qed tiġi proposta fil-parroċċa tagħna, l-Adozzjoni Spiritwali ta’ tarbija fil-ġuf.

Mal-Bullettin qed tirċievu fuljett b’aktar informazzjoni dwar dan l-impenn sabiħ. Dawk li jixtiequ jidħlu għalih huma mitluba jimlew il-formula apposta u jpoġġuha fil-benniena li ser tkun fil-Knisja sat-Tnejn, 10 ta’ Lulju.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Min iggradwa jew kiseb xi suċċess akkademiku matul din is-sena huwa mistieden jibgħat id-dettalji u ritratt tiegħu/tagħha fuq rivistaghajnsielem@gmail.com ħalli jkun inkluż fil-ħarġa li jmiss tal-festa Awwissu 2017.

GRAZZI lil Maria Zammit u l-familja li taw €1000 għall-proġett tal-orgni b’suffraġju ta’ Ġanni Grech f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju.

MILL-KUNSILL LOKALI GĦAJNSIELEM

Il-Kunsill Lokali jixtieq jgħaqqad grupp ta’ nies biex flimkien insebbħu l-lokalita’ tagħna permezz tal-mużajk maħdum mill-voluntiera flimkien mal-artista Mary Portelli biex insebbħu r-raħal tagħna u noħolqu attrazzjonijiet. Dettalji mill-Kunsill Lokali – 21561515. Kulħadd mistieden jipparteċipa. Napprezzaw ħafna li mal-grupp jingħaqdu anke nies anzjani jew irtirati. Din tista’ tkun esperjenza sabiħa ħafna għalihom.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Barbara Steffenhagen toffri €20 b’suffraġju ta’ Gerhard Steffenhagen f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Lulju.

Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 25 ta’ Ġunju 2017

It-12-il Ħadd matul is-sena

Il-MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU

il-Ħadd li għadda f’Ta’ Pinu

Għeżież pellegrini, ilqajt bil-ferħ l-istedina li nsellem lilkom kollha miġburin hawn illum  quddiem is-Santwarju  tal-Madonna

Ta’ Pinu, fejn, fi tħaddina kbira ta’ dawn il-mużajċi, qed jistennewkom Ġesù u l-Omm tiegħu.

Ix-xbihat taz-Zuntier li llum qed tinawguraw iqegħdulna quddiem għajnejna l-ġmiel ta’ talba kontemplattiva, sempliċi, aċċessibbli għal kulħadd, kbar u żgħar: it-talba tar-Rużarju Mqaddes. Jien ukoll spiss nitlob ir-Rużarju quddiem xbieha tal-mużajk: kwadru ċkejken tal-mużajk tal-Madonna bil-Bambin, fejn donnu fiċ-ċentru jidher li hemm Marija, meta fil-verità, b’dirgħajha, hi ssir bħal sellum li minnu Ġesù jista’ jinżel fostna. Iċ-ċentru jibqa’ dejjem Ġesù, li jitbaxxa biex jista’ jimxi magħna l-bnedmin, sabiex aħna nistgħu nitilgħu l-Ġenna miegħu.

Fit-talba tar-Rużarju aħna nduru lejn il-Verġni Marija, biex tqarribna dejjem aktar lejn Binha Ġesù, biex dejjem nagħrfuh u nħobbuh iżjed. U waqt li ntennu s-Sliema, aħna nimmeditaw il-misteri, it-tappi ta’ ferħ, dawl, tbatija u glorja fil-ħajja ta’ Kristu, imma anki fil-ħajja tagħna, għax aħna qed nimxu mal-Mulej.

Fil-fatt, din it-talba sempliċi tgħinna nikkontemplaw dak kollu li Alla fi mħabbtu għamel għalina u għas-salvazzjoni tagħna; u tgħinna nifhmu li ħajjitna hi magħquda ma’ dik ta’ Kristu.

Fit-talb, aħna noffru kollox lil Alla: it-tbatijiet, il-ġrieħi, il-biżgħat, imma anki l-ferħ, id-doni, il-persuni għeżież għalina… kollox lil Alla. Fit-talb, aħna nħallu lil Alla jidħol fiż-żmien tagħna, jilqa’ u jibdel dak kollu li aħna qed ngħixu.

Inqdew spiss b’din l-għodda qawwija, li hi t-talba tar-Rużarju Mqaddes, biex iġġib il-paċi fil-qlub, fil-familji, fil-Knisja, fid-dinja.

U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. Il-Mulej iberikkom, u l-Omm Verġni tħariskom.

GĦOTI TA’ DEMM   

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 25 ta’ Ġunju se jkun miftuh għall-għoti tad-demm:8.00am-1.00pm.

FESTA TA’ SAN PIETRU U SAN PAWL

Il-Ħamis 29 ta’ Ġunju l-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd jiġifieri fis-6am, fit-8am, fl-10am u fil-5pm.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ … JIENA NAFDA FIK!!!

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

SIBTIJIET BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Mis-Sibt 24 ta’ Ġunju nibdew il-mixja tas-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa titulari tagħna. Sejħa biex kull nhar ta’ Sibt:

  • Ngħidu r-Rużarju, waħedna jew mal-familja jew fil-knisja.
  • Ngħaddu xi ħin quddiem Ġesù Sagramentat
  • Nieħdu sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

Ġbir bieb bieb għall-festa.

Ikollna ġabra fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u l-aħħar waħda fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu. Ngħinu kemm nistgħu għax l-ispejjeż dejjem jogħlew.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA …Ħabbibna  ma’ Ibnek.

NIGHT FUN GAMES

Reġa’ wasal s-sajf u ż-żgħażagħ tagħna qed jerġgħu jaħsbu biex joffru xi ħaġa sabiħa għat-tfal u l-adolexxenti tagħna. Isiru nhar ta’ Tnejn fit-8pm. Applikazzjonijiet mill-uffiċċju parrokkjali min-nhar l-Erbgħa ‘l quddiem.

CARWASH

Iż-żgħażagħ tagħna wkoll, qed jerġgħu jżommu dan l-appuntament tal-carwash għall-karità. Din ser issir nhar il-Ħamis 29 ta’ Ġunju filgħodu fuq il-misraħ tal-knisja u ħa tkun b’risq il-missjoni tal-Isqof P.George Bugeja ofm mal-Insara ta’ Tripoli u Benghazi fil-Libja.

Il-parteċipazzjoni tiegħek tkun ta’ kuraġġ u sostenn sew għaż-żgħażagħ u sew għall-Isqof Bugeja.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES

Min jixtieq jrdna intenzjonijiet ta’ quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru u Diċembru 2017 jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju parrokkjali: Nhar it-TLIETA 27 ta’ Ġunju u nhar il-ĠIMGA 30 ta’ Ġunju wara nofs in-nhar bejn l-4.30 u s-6.30pm.

MILL-KUMMISSJONI DJOĊESANA FAMILJA

Tliet korsijiet interessanti ħafna bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Ġimgħa 7 ta’ Lulju. Min jixtieq jattendi għal xi wieħed jista’ japplika fl-uffiċċju parrokkjali tagħna.

Il-128 ANNIVERSARJU mill-

KONSAGRAZZJONI tal-KNISJA L-QADIMA

Il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju jaħbat il-128 anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja l-Qadima.

Dakinhar il-quddiesa ta’ filgħaxija ssir fil-Knisja l-Qadima u jkollna wkoll l-inċensazzjoni tas-Slaleb. Dakinhar ukoll jintwera l-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju wara li ġie rrestawrat f’dawn l-aħħar sentejn.

Dan il-proġett qiegħed joqrob lejn it-tkomplija tiegħu. Jonqos biss il-kwadru ta’ Sant’Antnin li għadu jrid jibda l-istudju fuqu biex ikun stabbilit x’tip ta’ xogħol hemm bżonn isir fuqu.

GRAZZI mill-qalb lill-voluntiera kollha li jieħdu ħsieb u jaħdmu bla ebda ħlas u b’tant dedikazzjoni f’din il-knisja. Ommna Marija ta’ Loreto tħarishom u tieħu ħsieb il-familji kollha tagħhom.

Infakkru li l-adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima fix-xhur tas-sajf tkun mit-8.30am san-12.30pm għal dawn.

GRAZZI

  • Il-Little Sisters of the Poor jixtiequ jirringrazzjaw lill-kommunità parrokkjali kollha għall-offerti li għamilnielhom nhar is-sibt u l-Ħadd li għaddew. Inġabru €1600.91 li tinkludi wkoll l-għotja mill-karità tal-parroċċa u l-ġabra li saret mill-English Speaking Community li tiltaqa’ f’Ta’ Lourdes.
  • Il-ġabra għall-Art Imqaddsa mill-Knejjes f’Għajnsielem €1820.97.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Ir-ruħ għażiża ta’ Pawlu Sultana li int sejjaħt għal għandek nhar il-Ħadd 18 ta’ Ġunju fil-għomor ta’ 74 sena. Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Grech joffru €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Ġanni Grech f’għeluq ir-4 sena mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju.

Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 18 ta’ Ġunju 2017

Il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

IL-ĠISEM TIEGĦU GĦALINA

Il-Mulej tela’ fis-sema, bagħtilna l-Ispirtu s-Santu, enfasizza l-preżenza qawwija tat-Trinità Qaddisa u llum iħallilna Ġismu u Demmu għalina biex nikbru fil-fiduċja u fl-għajxien tal-fidi tagħna.

Kemm għandna llum għaliex ngħidulu grazzi lill-Mulej!

Ħallielna ġismu u demmu.  X’seta’ jħallilna aktar sabiex ikun ċert li ma naqgħux, li se jibqa’ magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet?  Kemm tassew inkunu grati lejn il-Ħallieq meta nagħmlu ġimgħat, xhur u xi kultant snin ma nersqu biex nirċievu l-EWKARISTIJA – il-Ġisem u d-Demm ħaj ta’ Kristu għalina.

Min jaf kemm-il darba ersaqna għat-tqarbin b’indifferenza! Jew tlifna tqarbina għalxejn!!!  Ġesù ħallielna Ġismu u Demmu biex iħeġġiġna b’nar ta’ mħabba. EJJEW nersqu lejn l-artal mhux bi drawwa imma MĦEĠĠA biex nirċievu lil dak li sar KOLLOX għalina.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, Mosè jfakkar fl-opri kbar li wettaq magħhom Alla fid-deżert, l-ilma li ħareġ mill-blat kif ukoll il-manna li temagħhom.  Huwa għalhekk importanti li, aħna wkoll, bħall-poplu fid-deżert, nagħrfu l-kobor t’Alla għalina.  Fis-Salm 147 għandna lis-Salmista jkanta innu ta’ tifħir quddiem l-għeġubijiet li Alla għamel mal-poplu tiegħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Korintin, juri l-unità li toħroġ mill-Ewkaristija.  “La l-ħobża hi waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.  “Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jitkellem ċar li hu l-ħobż tal-ħajja.

  1. Ġesù jrid jagħtina ġismu u demmu biex nibqgħu ħajjin.  Għaliex nibqgħu nagħżlu l-mewt?
  2. Il-Mulej idawwalna u jgħinna fil-mixi tagħna permezz ta’ l-Ewkaristija.  Kemm qed niffrekwentaw u nifhmu dak li nirċievu?
  3. Kemm qed nafdaw l-imrar ta’ qalbna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija?
  4. Jekk trid bidla sħiħa u għajnuna kbira fil-ħajja tiegħek trid tersaq aktar u tifhem l-Ewkaristija.

Mulej Tiegħi u Alla Tiegħi!

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 17 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar fis-7.15pm. Trasport mill-Pjazza tagħna fis-6.45pm.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ … JIENA NAFDA FIK!!!

FESTA ta’ CORPUS DOMINI

Il-Ħadd 18 ta’ Ġunju hija s-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Ikollna l-Adorazzjoni Ewkaristika fil-knisja parrokkjali wara l-quddiesa tal-10am. Fil-5pm quddiesa u wara purċissjoni mill-Knisja Parrokkjali għall-Knisja ta’ Sant’Antnin. Ngħaddu mit-toroq: Fawwara, Pjazza tad-Dehra u Ħamri. Nakkumpanjaw lil Ġesù Ewkaristija fit-toroq tagħna. Il-fratelli u t-tfal li rċevew l-Ewwel Tqarbina huma mħeġġa jipparteċipaw. Inżejnu l-galleriji u t-twieqi tagħna minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Intellgħu l-bnadar.

N.B. Min għandu ward (bħal sardinell u bouganville) u weraq li jista’ jintuża waqt il-purċissjoni, ġibuh il-knisja s-Sibt filgħaxija jew il-Ħadd filgħodu.Grazzi.

JUM EWKARISTIKU FL-ISKOLA PRIMARJA TAGĦNA

Nhar it-Tlieta li ġejja 20 ta’ Ġunju. Quddiesa, adorazzjoni fis-sala tal-iskola u purċissjoni fl-iskola.

Ġenituri segwu l-programm li tgħaddilkom l-iskola.

LITTLE SISTERS OF THE POOR

Dan il-weekend hawn fostna sorijiet mil-Little Sisters of the Poor li ser ikunu jilqgħu l-offerti tagħna wara l-quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd. Inkunu ġenerużi.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA:

nhar l-Erbgħa 21 ta’ Ġunju mid-9am sa 12pm f’ Lourdes Home. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Alfred Sciberras ofm, kafe’ u tombla.

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Il-ħin tal-adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima qed ikun mit-8.30am san-12.30pm għal dawn ix-xhur tas-sajf. Fost il-ħafna affarijiet li nsibu ħin għalihom, ejjew ninkludu wkoll ftit ħin quddiem il-preżenza ta’ Ġesù. Kemm tkun xi ħaġa sabiħa kieku l-ġenituri jgħaddu jagħmlu viżta ċkejkna flimkien ma’ wliedhom.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

Ġbir bieb bieb għall-festa.

Ikollna ġabra fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u l-aħħar waħda fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu. Ngħinu kemm nistgħu għax l-ispejjeż dejjem jogħlew.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA …Ħabbibna  ma’ Ibnek.

22 ta’ ĠUNJU  –  IS-SEJĦA TA’ PINU

Il-Ħamis 22 ta’ Ġunju nfakkru s-sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima. Matul il-ġurnata nżuru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu u nwieġbu għas-sejħa li tagħmlilna Marija.

OKKAŻJONI SPEĊJALI: TBERIK TAL-MUŻAJĊI QUDDIEM IS-SANTWARJU TA’ PINU. Okkażjoni mhux ta’ min jitlifha. Tibda fis-7.30pm il-Ħadd 18 ta’ Ġunju. Tingħata kuruna b’tifkira tal-okkażjoni lil kull familja li tattendi. Is-Sibt 17 ta’Ġunju: Kunċert mill-isbaħ għall-familja kollha fit-8pm fuq iz-zuntier Ta’ Pinu.

FESTA TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ

Niċċelebrawha nhar il-Ġimgħa li ġejja. Ikollna l-adorazzjoni solenni fil-Knisja Parrokkjali minn wara l-quddiesa tad-9am sa filgħaxija.

Filgħaxija mbagħad ikollna l-quddiesa solenni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li fiha nagħlqu wkoll is-sena tal-Katekiżmu. It-tfal kollha flimkien mal-familji tagħhom u l-katekisti huma mistiedna jattendu.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 20 ta’ Ġunju ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

MILL-KUMMISSJONI DJOĊESANA FAMILJA

Infakkru li bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Ġimgħa 7 ta’ Lulju l-Kummissjoni Familja ser torganizza tliet korsijiet interessanti ħafna. Kull min jixtieq jattendi għal xi wieħed minn dawn it-tliet korsijiet jista’ japplika fl-uffiċċju parrokkjali tagħna. Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet waslitilkom formla apposta.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Mariella Cauchi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Maria Stella Xuereb f’għeluq id-19-il sena mill-mewt tagħha fis-17 ta’ Ġunju. Agħtiha O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 11 ta’ Ġunju 2017

Il-Ħadd fuq Għid il-Ħamsin

IT-TRINITÀ QADDISA

Fit-tlugħ tiegħu fis-sema l-Mulej wegħidna li mhux se jħallina orfni.  U fil-fatt, fil-festa tal-lum naraw kemm tassew il-Mulej ma ħalliniex waħedna.

Il-preżenza ħajja u attiva tat-Tliet Persuni tat-Trinità Mqaddsa turina lilna lkoll li l-Mulej irid iħares kull waqt tal-ħajja tagħna għaliex iridilna l-ġid.  Huwa għal dan il-għan li l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jaħdmu fina.  Għalhekk aħna mmarkati bis-sinjal tat-Trinità Qaddisa.  Għalhekk meta nroddu s-Salib inkunu qed nitolbu l-intervent kontinwu tat-Trinità Qaddisa fuq l-għemejjel tagħna.  Alla hekk ħabbna li bagħat lil Ibnu.  Dan l-Iben wettaq il-missjoni tiegħu u wiegħed Difensur fl-Ispirtu s-Santu.  Hija din il-qawwa tat-Trinità Qaddisa fl-istorja ta’ l-umanità u fl-istorja personali ta’ kuljum tagħna lkoll li tqawwilna l-fidi tagħna u tneħħi minna kull sens ta’ biża’.

Il-poplu Lhudi fid-deżert kien beda jadura l-għoġol tad-deheb – xeba’ minn Alla -abbuża minn Alla.  Mosè jitla’ fuq il-muntanja biex jikseb u jwettaq mill-ġdid il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi.  Jingħata l-Kmandamenti. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jtennilna li

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.

  1. Kemm tassew qed naduraw ALLA WIEĦED fil-ħajja tagħna?  Jew aħna wkoll għandna l-għoġol tad-deheb li qegħdin naduraw?
  2. Kemm tassew inħossu l-preżenza ħajja tat-TRINITÀ QADDISA FINA LKOLL, il-preżenza tal-MISSIER, L-IBEN u l-ISPIRT S-SANTU?
  3. Kemm qed inkunu ulied denji tal-Missier li nroddu ħajr bis-serjetà għall-ħidma u l-għajnuna kontinwa li jagħtuna permezz tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu?
  4. Huwa tajjeb li naraw it-tip ta’ għażliet li qed nagħmlu kuljum fil-ħajja tagħna.  Kemm minn dawn huma mdawlin mill-għerf li tana Alla?

Glorja lill-Missier,

lill-Iben u

lill-Ispirtu s-Santu.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 17 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar fis-7.15pml. Trasport bħas-soltu mill-Pjazza tagħna fis-6.45pm.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA…Ħabbibna  ma’ Ibnek.

Motto Parrokkjali 2016-17

SANT’ANTNIN  FESTA LITURĠIKA

It-Tnejn 12 ta’ Ġunju 2017

7.00pm   Quddiesa Solenni konċelebrata minn P. Alfred Sciberras OFM, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Jagħmel diskors tal-okkażjoni P. Richard S. Grech OFM, Ministru Provinċjal. Preżenti wkoll Mons. George Bugeja OFM, Isqof ta’ Tripli. Jieħu sehem il-Kor u l-Orkestra Għajnsielem Ensemble taħt id-direzzjoni tas-Surmast Frankie Debono. Wara naqsmu l-ferħ flimkien ma’ P. Alfred b’riċeviment fuq iz-zuntier. Kulħadd huwa mistieden.

8.45pm  Ħruq ta’ nar.

It-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2017

9.00am  Pellegrinaġġ u quddiesa-Parroċċa tal-Katidral.

9.30am  Quddiesa għat-tfal tal-iskola primarja tagħna.

11.00am Quddiesa u pellegrinaġġ mill-membri tal-Azzjoni Kattolika tal-Mosta.

6.30pm  Rużarju u Kurunella lil Sant’Antnin.

7.00pm  Quddiesa Solenni konċelebrata minn Mons. Tarcisio Camilleri, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Mistiedna speċjali s-saċerdoti li jġibu l-isem tal-Qaddis. Wara l-quddiesa jsir it-tberik u tqassim tal-ħobż ta’ Sant’Antnin. Ikanta l-Kor tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Wara riċeviment u fuq iz-zuntier. Kulħadd huwa mistieden.

8.30pm  Spettaklu tan-nar.

EWRO COLLECTION

Il-ġbir waqt il-quddies kollu ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa titulari 2017. Ngħinu kemm nistgħu għax l-ispejjeż dejjem jiżdiedu. Aħna fiduċjużi mill-għajnuna tagħkom. Grazzi ta’ kull offerta.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 11 ta’ Ġunju ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm mit-8am sal-5pm.

GRAZZI MILL-QALBIT-TIENI ĠABRA FESTA €2632.

ĠABRA SPEĊJALI GĦALL-KNISJA(għall-kalamita)-€653

FESTA ta’ Korpus – Il-ĦADD li ġej 18 ta’ Ġunju. Quddiesa 5pm u  purċissjoni mill-Knisja Parrokkjali għall-Knisja ta’ Sant’Antnin

LITTLE SISTERS OF THE POOR

Il-weekend li ġej – 17 u 18 ta’ Ġunju, ser ikollna fostna sorijiet mil-Little Sisters of the Poor li ser ikunu jilqgħu l-offerti tagħna wara l-quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd. Ngħinuhom mill-qalb.

MILL-KUMMISSJONI DJOĊESANA FAMILJA

Bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Gimgħa 7 ta’ Lulju l-Kummissjoni Familja ser torganizza tlett korsijiet: 1) Kif nikbru fir-relazzjoni bħala koppja, u kif inġibu ruħna ma’ wliedna. 2) Xi jfisser żwieġ sagrament, x’tgħid il-liġi dwar iz-żwieġ? 3) Kif inkun naf aktar lili nnifsi? Kull min jixtieq jattendi għal xi wieħed minn dawn it-tlett korsijiet jista’ japplika fl-uffiċċju parrokkjali tagħna.

MIS-SEMINARJU MAĠĠURI TAGĦNA

Fi ftit jiem oħra s-seminaristi ser jitilqu lejn il-Gwatemala biex jagħmlu esperjenza missjunarja fil-parroċċa ta’ Dun Anton Grech. F’rabta ma’ dan, is-Seminarju se jorganizza BBQ Buffet f’Ta’ Mena Estate il-Ġimgħa 16 ta’ Ġunju 2017 fit-8.00pm. Biljetti (€20-kbar u €10-tfal) jinkisbu mis-Seminarju. Tistgħu ċċemplu 21556479 jew 99847100. Il-prezz jinkludi antipasto, għaġin, BBQ buffet, ġelat u drink.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Tonina Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Michelle Monte li mietet l-Awstralja fil-31 ta’ Mejju 2017 fl-età ta’ 38 sena.
  • N. toffri €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-Erwieħ kollha tal-purgatorju.
  • Laura Vella Gatt toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju taz-zija tagħħa Loreta Zerafa f’għeluq l-20 sena mill-mewt tagħha fil-5 ta’ Ġunju u għal Marija Zerafa f’għeluq is-7 snin u Berardette Axiaq f’għeluq id-9 snin mill-mewt tagħha fid-9 ta’ Ġunju.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ … JIENA NAFDA FIK!!!

 

Bullettin 4 ta’ Ġunju 2017

Għid il-Ħamsin

NEĦĦU L-BIŻA’

Kemm-il darba fil-ħajja tagħna ngħaddu minn perjodu ta’ dwejjaq, qtigħ il-qalb, naħsbu li qegħdin waħedna, maqtugħin għal rasna, ma nafux x’se nagħmlu bl-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum.

Aktar ma nimxu fil-progress aktar il-bniedem jidher li qed jinfixel u jitfixkel.  Huwa għalhekk li l-ġest tal-lum tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, fuq il-Knisja u fuqna lkoll, għandu sinifikat ferm speċjali, sinifikat li bil-fatti Kristu ħallielna difensur li lest li jdawwalna kull ħin.  U propju fil-mixja li l-bniedem tal-lum qiegħed jagħmel fil-kultura tal-mewt u tad-dlamijiet, id-DIFENSUR, L-ISPIRTU TAL-MULEJ huwa dak li għandu jdawwal l-imħuħ u l-qlub tagħna lkoll fl-għażliet żgħar u kbar li nwettqu kuljum, għażliet li jridu jkunu mdawlin mill-Ispirtu tal-Mulej biex nifhmu l-kelma u r-rieda tiegħu.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, għandna l-ewwel ir-rakkont tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u wara naraw nies minn diversi nazzjonijiet jifhmu l-preokkupazzjoni tal-kelma magħmula mill-Appostli.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, Salm 103, għandna innu li juri kif, permezz tal-Ispirtu s-Santu, Alla beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin għandna r-rakkont ta’ San Pawl li juri kif il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu tgħaqqad il-Knisja u l-ħidma tal-membri kollha tal-Knisja.  Fil-Vanġelu tal-lum minn San Ġwann għandna lil Ġesù li jagħti huwa nnifsu l-Ispirtu fuq l-Appostli.

Mhux talli Ġesù ma fdaniex waħedna, talli ħallielna Difensur kontinwu magħna.  Possibbli għadna ma ndunajniex?

Kemm-il darba ħassejna lill-Ispirtu tal-Mulej qed idawwal id-deċiżjonijiet tagħna?

Il-Mulej jonfoħ kontinwament l-Ispirtu tiegħu fuqna.  Kemm qed nużaw dan l-Ispirtu biex indandnuh?

Aħna ħafna membri iżda ġisem WIEĦED.  Kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dan bħala Nsara anki fl-istess Knisja Maltija?

L-Ispirtu jneħħi l-biża’ mill-Appostli.  Kapaċi aħna wkoll noħorġu bla biża’ nxandru l-Mulej fil-postijiet tax-xogħol, fid-djar u fis-soċjetà tagħna?

Ejja, Spirtu s-Santu, neħħi minna l-biża’

ħalli nxandru bla waqfien

il-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna u fis-soċjetà tagħna.

FUNZJONI TAL-GRIŻMA TAL-ISQOF

Is-Sibt 10 ta’ Ġunju fil-Parroċċa tagħna l-Isqof Mario Grech ser jamministra s-sagrament tal-Konfermazzjoni lil 22 adoloxxent. Il-funzjoni tibda fis-6pm. Ninġabru lkoll fil-knisja ħalli bħala komunita’ parrokkjali nakkumpanjaw lil dawn l-istudenti f’dan il-mument tant speċjali ta’ inżul l-Ispirtu Qaddis fuqhom.

Agius Albert Lauren, Attard Scott, Bogdanovic Sanja

Carabott Julian, Camilleri Izmael, Caruana Jamie,

Caruana Karl, Cauchi Carmy, Debono Joy,

Dingli Martina, Fenech Miguel, Grech Isaac,   

Portelli Shaun, Portelli Johann, Saliba                Maxine,

Sammut Maria, Spiteri Amy, Sultana Chantel,

Vella Antni, Vella Luke, Xerri  Jordan, Xuereb Amy.

NIFIRĦU MAGĦHOM U NITOLBU GĦALIHOM

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 3 ta’ Ġunju fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. L-Adorazzjoni mbagħad tkompli sad-9pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 6 ta’ Ġunju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

FESTIN TAL-EWWEL TQARBINA

Kif ilna nagħmlu għal dawn l-aħħar snin, din is-sena wkoll ser nagħmlu festin sabiħ għat-tfal kollha li rċevew l-Ewwel Tqarbina flimkien mal-familji tagħhom. Dan ser ikun nhar it-Tlieta li ġejja 6 ta’Ġunju fit-3.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

NOVENA LILL-ISPIRTU S-SANTU

Bi tħejjija għall-Festa ta’ Pentekoste li tagħlaq iż-żmien tal-Għid, nitolbu kuljum lill-Mulej Alla, ikompli jixħet fuqna l-qawwa tal-Ispirtu qaddis tiegħu. Infaħħruh għas-seba’ d-doni tiegħu.

GĦERF – FEHMA – KUNSILL – QAWWA – XJENZA – PJETÀ – BIŻA’ TA’ ALLA

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…Ħabbibna  ma’ Ibnek.

Motto Parrokkjali 2016-17

Erġajna bdejna xahar ġdid, ix-xahar ta’ Ġunju.

Dan ix-xahar iġibilna miegħu żewġ festi lil Ġesù – il-Festa tal-Korpus: Il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu u l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Nagħmlu wkoll il-festa lill-Qalb Imqaddsa ta’ Marija. Ejjew nitolbu ħafna lil Marija tressaqna u tħabbibna ma’ Binha u tgħinna fost il-kumbattimenti li nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja tagħna.

Ngħaddu aktar ħin quddiem Ġesù Ewkaristija.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ…

 JIENA NAFDA FIK!!!

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB  Min għadu jrid jagħti l-offerta tiegħu għall-festa tistgħu titfgħuha fil-ferta tal-knisja jew fil-kaxxa tal-ittri tad-Dar Parrokkjali jew wassluhom lil xi saċerdot.

PIZZA NIGHT U TOMBLA

B’risq il-festa ta’ Sant’Antnin il-Gimgħa 9 ta’ Ġunju fis-7.30pm fiċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin. Prezz 10 Ewro. Booking mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin jew Ideal Store.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rita Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Loreto Xuereb f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fit-3 ta’ Ġunju.
  • Il-Familja Vella toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierhom Toni Vella f’għeluq it-32 sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Ġunju.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.