Bullettin 4 ta’ Ġunju 2017

Għid il-Ħamsin

NEĦĦU L-BIŻA’

Kemm-il darba fil-ħajja tagħna ngħaddu minn perjodu ta’ dwejjaq, qtigħ il-qalb, naħsbu li qegħdin waħedna, maqtugħin għal rasna, ma nafux x’se nagħmlu bl-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum.

Aktar ma nimxu fil-progress aktar il-bniedem jidher li qed jinfixel u jitfixkel.  Huwa għalhekk li l-ġest tal-lum tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, fuq il-Knisja u fuqna lkoll, għandu sinifikat ferm speċjali, sinifikat li bil-fatti Kristu ħallielna difensur li lest li jdawwalna kull ħin.  U propju fil-mixja li l-bniedem tal-lum qiegħed jagħmel fil-kultura tal-mewt u tad-dlamijiet, id-DIFENSUR, L-ISPIRTU TAL-MULEJ huwa dak li għandu jdawwal l-imħuħ u l-qlub tagħna lkoll fl-għażliet żgħar u kbar li nwettqu kuljum, għażliet li jridu jkunu mdawlin mill-Ispirtu tal-Mulej biex nifhmu l-kelma u r-rieda tiegħu.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, għandna l-ewwel ir-rakkont tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u wara naraw nies minn diversi nazzjonijiet jifhmu l-preokkupazzjoni tal-kelma magħmula mill-Appostli.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, Salm 103, għandna innu li juri kif, permezz tal-Ispirtu s-Santu, Alla beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin għandna r-rakkont ta’ San Pawl li juri kif il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu tgħaqqad il-Knisja u l-ħidma tal-membri kollha tal-Knisja.  Fil-Vanġelu tal-lum minn San Ġwann għandna lil Ġesù li jagħti huwa nnifsu l-Ispirtu fuq l-Appostli.

Mhux talli Ġesù ma fdaniex waħedna, talli ħallielna Difensur kontinwu magħna.  Possibbli għadna ma ndunajniex?

Kemm-il darba ħassejna lill-Ispirtu tal-Mulej qed idawwal id-deċiżjonijiet tagħna?

Il-Mulej jonfoħ kontinwament l-Ispirtu tiegħu fuqna.  Kemm qed nużaw dan l-Ispirtu biex indandnuh?

Aħna ħafna membri iżda ġisem WIEĦED.  Kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dan bħala Nsara anki fl-istess Knisja Maltija?

L-Ispirtu jneħħi l-biża’ mill-Appostli.  Kapaċi aħna wkoll noħorġu bla biża’ nxandru l-Mulej fil-postijiet tax-xogħol, fid-djar u fis-soċjetà tagħna?

Ejja, Spirtu s-Santu, neħħi minna l-biża’

ħalli nxandru bla waqfien

il-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna u fis-soċjetà tagħna.

FUNZJONI TAL-GRIŻMA TAL-ISQOF

Is-Sibt 10 ta’ Ġunju fil-Parroċċa tagħna l-Isqof Mario Grech ser jamministra s-sagrament tal-Konfermazzjoni lil 22 adoloxxent. Il-funzjoni tibda fis-6pm. Ninġabru lkoll fil-knisja ħalli bħala komunita’ parrokkjali nakkumpanjaw lil dawn l-istudenti f’dan il-mument tant speċjali ta’ inżul l-Ispirtu Qaddis fuqhom.

Agius Albert Lauren, Attard Scott, Bogdanovic Sanja

Carabott Julian, Camilleri Izmael, Caruana Jamie,

Caruana Karl, Cauchi Carmy, Debono Joy,

Dingli Martina, Fenech Miguel, Grech Isaac,   

Portelli Shaun, Portelli Johann, Saliba                Maxine,

Sammut Maria, Spiteri Amy, Sultana Chantel,

Vella Antni, Vella Luke, Xerri  Jordan, Xuereb Amy.

NIFIRĦU MAGĦHOM U NITOLBU GĦALIHOM

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 3 ta’ Ġunju fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. L-Adorazzjoni mbagħad tkompli sad-9pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 6 ta’ Ġunju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

FESTIN TAL-EWWEL TQARBINA

Kif ilna nagħmlu għal dawn l-aħħar snin, din is-sena wkoll ser nagħmlu festin sabiħ għat-tfal kollha li rċevew l-Ewwel Tqarbina flimkien mal-familji tagħhom. Dan ser ikun nhar it-Tlieta li ġejja 6 ta’Ġunju fit-3.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

NOVENA LILL-ISPIRTU S-SANTU

Bi tħejjija għall-Festa ta’ Pentekoste li tagħlaq iż-żmien tal-Għid, nitolbu kuljum lill-Mulej Alla, ikompli jixħet fuqna l-qawwa tal-Ispirtu qaddis tiegħu. Infaħħruh għas-seba’ d-doni tiegħu.

GĦERF – FEHMA – KUNSILL – QAWWA – XJENZA – PJETÀ – BIŻA’ TA’ ALLA

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…Ħabbibna  ma’ Ibnek.

Motto Parrokkjali 2016-17

Erġajna bdejna xahar ġdid, ix-xahar ta’ Ġunju.

Dan ix-xahar iġibilna miegħu żewġ festi lil Ġesù – il-Festa tal-Korpus: Il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu u l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Nagħmlu wkoll il-festa lill-Qalb Imqaddsa ta’ Marija. Ejjew nitolbu ħafna lil Marija tressaqna u tħabbibna ma’ Binha u tgħinna fost il-kumbattimenti li nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja tagħna.

Ngħaddu aktar ħin quddiem Ġesù Ewkaristija.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ…

 JIENA NAFDA FIK!!!

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB  Min għadu jrid jagħti l-offerta tiegħu għall-festa tistgħu titfgħuha fil-ferta tal-knisja jew fil-kaxxa tal-ittri tad-Dar Parrokkjali jew wassluhom lil xi saċerdot.

PIZZA NIGHT U TOMBLA

B’risq il-festa ta’ Sant’Antnin il-Gimgħa 9 ta’ Ġunju fis-7.30pm fiċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin. Prezz 10 Ewro. Booking mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin jew Ideal Store.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rita Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Loreto Xuereb f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fit-3 ta’ Ġunju.
  • Il-Familja Vella toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierhom Toni Vella f’għeluq it-32 sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Ġunju.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.