Bullettin 11 ta’ Ġunju 2017

Il-Ħadd fuq Għid il-Ħamsin

IT-TRINITÀ QADDISA

Fit-tlugħ tiegħu fis-sema l-Mulej wegħidna li mhux se jħallina orfni.  U fil-fatt, fil-festa tal-lum naraw kemm tassew il-Mulej ma ħalliniex waħedna.

Il-preżenza ħajja u attiva tat-Tliet Persuni tat-Trinità Mqaddsa turina lilna lkoll li l-Mulej irid iħares kull waqt tal-ħajja tagħna għaliex iridilna l-ġid.  Huwa għal dan il-għan li l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jaħdmu fina.  Għalhekk aħna mmarkati bis-sinjal tat-Trinità Qaddisa.  Għalhekk meta nroddu s-Salib inkunu qed nitolbu l-intervent kontinwu tat-Trinità Qaddisa fuq l-għemejjel tagħna.  Alla hekk ħabbna li bagħat lil Ibnu.  Dan l-Iben wettaq il-missjoni tiegħu u wiegħed Difensur fl-Ispirtu s-Santu.  Hija din il-qawwa tat-Trinità Qaddisa fl-istorja ta’ l-umanità u fl-istorja personali ta’ kuljum tagħna lkoll li tqawwilna l-fidi tagħna u tneħħi minna kull sens ta’ biża’.

Il-poplu Lhudi fid-deżert kien beda jadura l-għoġol tad-deheb – xeba’ minn Alla -abbuża minn Alla.  Mosè jitla’ fuq il-muntanja biex jikseb u jwettaq mill-ġdid il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi.  Jingħata l-Kmandamenti. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jtennilna li

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.

  1. Kemm tassew qed naduraw ALLA WIEĦED fil-ħajja tagħna?  Jew aħna wkoll għandna l-għoġol tad-deheb li qegħdin naduraw?
  2. Kemm tassew inħossu l-preżenza ħajja tat-TRINITÀ QADDISA FINA LKOLL, il-preżenza tal-MISSIER, L-IBEN u l-ISPIRT S-SANTU?
  3. Kemm qed inkunu ulied denji tal-Missier li nroddu ħajr bis-serjetà għall-ħidma u l-għajnuna kontinwa li jagħtuna permezz tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu?
  4. Huwa tajjeb li naraw it-tip ta’ għażliet li qed nagħmlu kuljum fil-ħajja tagħna.  Kemm minn dawn huma mdawlin mill-għerf li tana Alla?

Glorja lill-Missier,

lill-Iben u

lill-Ispirtu s-Santu.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 17 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar fis-7.15pml. Trasport bħas-soltu mill-Pjazza tagħna fis-6.45pm.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA…Ħabbibna  ma’ Ibnek.

Motto Parrokkjali 2016-17

SANT’ANTNIN  FESTA LITURĠIKA

It-Tnejn 12 ta’ Ġunju 2017

7.00pm   Quddiesa Solenni konċelebrata minn P. Alfred Sciberras OFM, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Jagħmel diskors tal-okkażjoni P. Richard S. Grech OFM, Ministru Provinċjal. Preżenti wkoll Mons. George Bugeja OFM, Isqof ta’ Tripli. Jieħu sehem il-Kor u l-Orkestra Għajnsielem Ensemble taħt id-direzzjoni tas-Surmast Frankie Debono. Wara naqsmu l-ferħ flimkien ma’ P. Alfred b’riċeviment fuq iz-zuntier. Kulħadd huwa mistieden.

8.45pm  Ħruq ta’ nar.

It-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2017

9.00am  Pellegrinaġġ u quddiesa-Parroċċa tal-Katidral.

9.30am  Quddiesa għat-tfal tal-iskola primarja tagħna.

11.00am Quddiesa u pellegrinaġġ mill-membri tal-Azzjoni Kattolika tal-Mosta.

6.30pm  Rużarju u Kurunella lil Sant’Antnin.

7.00pm  Quddiesa Solenni konċelebrata minn Mons. Tarcisio Camilleri, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Mistiedna speċjali s-saċerdoti li jġibu l-isem tal-Qaddis. Wara l-quddiesa jsir it-tberik u tqassim tal-ħobż ta’ Sant’Antnin. Ikanta l-Kor tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Wara riċeviment u fuq iz-zuntier. Kulħadd huwa mistieden.

8.30pm  Spettaklu tan-nar.

EWRO COLLECTION

Il-ġbir waqt il-quddies kollu ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa titulari 2017. Ngħinu kemm nistgħu għax l-ispejjeż dejjem jiżdiedu. Aħna fiduċjużi mill-għajnuna tagħkom. Grazzi ta’ kull offerta.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 11 ta’ Ġunju ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm mit-8am sal-5pm.

GRAZZI MILL-QALBIT-TIENI ĠABRA FESTA €2632.

ĠABRA SPEĊJALI GĦALL-KNISJA(għall-kalamita)-€653

FESTA ta’ Korpus – Il-ĦADD li ġej 18 ta’ Ġunju. Quddiesa 5pm u  purċissjoni mill-Knisja Parrokkjali għall-Knisja ta’ Sant’Antnin

LITTLE SISTERS OF THE POOR

Il-weekend li ġej – 17 u 18 ta’ Ġunju, ser ikollna fostna sorijiet mil-Little Sisters of the Poor li ser ikunu jilqgħu l-offerti tagħna wara l-quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd. Ngħinuhom mill-qalb.

MILL-KUMMISSJONI DJOĊESANA FAMILJA

Bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Gimgħa 7 ta’ Lulju l-Kummissjoni Familja ser torganizza tlett korsijiet: 1) Kif nikbru fir-relazzjoni bħala koppja, u kif inġibu ruħna ma’ wliedna. 2) Xi jfisser żwieġ sagrament, x’tgħid il-liġi dwar iz-żwieġ? 3) Kif inkun naf aktar lili nnifsi? Kull min jixtieq jattendi għal xi wieħed minn dawn it-tlett korsijiet jista’ japplika fl-uffiċċju parrokkjali tagħna.

MIS-SEMINARJU MAĠĠURI TAGĦNA

Fi ftit jiem oħra s-seminaristi ser jitilqu lejn il-Gwatemala biex jagħmlu esperjenza missjunarja fil-parroċċa ta’ Dun Anton Grech. F’rabta ma’ dan, is-Seminarju se jorganizza BBQ Buffet f’Ta’ Mena Estate il-Ġimgħa 16 ta’ Ġunju 2017 fit-8.00pm. Biljetti (€20-kbar u €10-tfal) jinkisbu mis-Seminarju. Tistgħu ċċemplu 21556479 jew 99847100. Il-prezz jinkludi antipasto, għaġin, BBQ buffet, ġelat u drink.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Tonina Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Michelle Monte li mietet l-Awstralja fil-31 ta’ Mejju 2017 fl-età ta’ 38 sena.
  • N. toffri €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-Erwieħ kollha tal-purgatorju.
  • Laura Vella Gatt toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju taz-zija tagħħa Loreta Zerafa f’għeluq l-20 sena mill-mewt tagħha fil-5 ta’ Ġunju u għal Marija Zerafa f’għeluq is-7 snin u Berardette Axiaq f’għeluq id-9 snin mill-mewt tagħha fid-9 ta’ Ġunju.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ … JIENA NAFDA FIK!!!