Bullettin 18 ta’ Ġunju 2017

Il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

IL-ĠISEM TIEGĦU GĦALINA

Il-Mulej tela’ fis-sema, bagħtilna l-Ispirtu s-Santu, enfasizza l-preżenza qawwija tat-Trinità Qaddisa u llum iħallilna Ġismu u Demmu għalina biex nikbru fil-fiduċja u fl-għajxien tal-fidi tagħna.

Kemm għandna llum għaliex ngħidulu grazzi lill-Mulej!

Ħallielna ġismu u demmu.  X’seta’ jħallilna aktar sabiex ikun ċert li ma naqgħux, li se jibqa’ magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet?  Kemm tassew inkunu grati lejn il-Ħallieq meta nagħmlu ġimgħat, xhur u xi kultant snin ma nersqu biex nirċievu l-EWKARISTIJA – il-Ġisem u d-Demm ħaj ta’ Kristu għalina.

Min jaf kemm-il darba ersaqna għat-tqarbin b’indifferenza! Jew tlifna tqarbina għalxejn!!!  Ġesù ħallielna Ġismu u Demmu biex iħeġġiġna b’nar ta’ mħabba. EJJEW nersqu lejn l-artal mhux bi drawwa imma MĦEĠĠA biex nirċievu lil dak li sar KOLLOX għalina.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, Mosè jfakkar fl-opri kbar li wettaq magħhom Alla fid-deżert, l-ilma li ħareġ mill-blat kif ukoll il-manna li temagħhom.  Huwa għalhekk importanti li, aħna wkoll, bħall-poplu fid-deżert, nagħrfu l-kobor t’Alla għalina.  Fis-Salm 147 għandna lis-Salmista jkanta innu ta’ tifħir quddiem l-għeġubijiet li Alla għamel mal-poplu tiegħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Korintin, juri l-unità li toħroġ mill-Ewkaristija.  “La l-ħobża hi waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.  “Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jitkellem ċar li hu l-ħobż tal-ħajja.

  1. Ġesù jrid jagħtina ġismu u demmu biex nibqgħu ħajjin.  Għaliex nibqgħu nagħżlu l-mewt?
  2. Il-Mulej idawwalna u jgħinna fil-mixi tagħna permezz ta’ l-Ewkaristija.  Kemm qed niffrekwentaw u nifhmu dak li nirċievu?
  3. Kemm qed nafdaw l-imrar ta’ qalbna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija?
  4. Jekk trid bidla sħiħa u għajnuna kbira fil-ħajja tiegħek trid tersaq aktar u tifhem l-Ewkaristija.

Mulej Tiegħi u Alla Tiegħi!

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 17 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar fis-7.15pm. Trasport mill-Pjazza tagħna fis-6.45pm.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ … JIENA NAFDA FIK!!!

FESTA ta’ CORPUS DOMINI

Il-Ħadd 18 ta’ Ġunju hija s-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Ikollna l-Adorazzjoni Ewkaristika fil-knisja parrokkjali wara l-quddiesa tal-10am. Fil-5pm quddiesa u wara purċissjoni mill-Knisja Parrokkjali għall-Knisja ta’ Sant’Antnin. Ngħaddu mit-toroq: Fawwara, Pjazza tad-Dehra u Ħamri. Nakkumpanjaw lil Ġesù Ewkaristija fit-toroq tagħna. Il-fratelli u t-tfal li rċevew l-Ewwel Tqarbina huma mħeġġa jipparteċipaw. Inżejnu l-galleriji u t-twieqi tagħna minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Intellgħu l-bnadar.

N.B. Min għandu ward (bħal sardinell u bouganville) u weraq li jista’ jintuża waqt il-purċissjoni, ġibuh il-knisja s-Sibt filgħaxija jew il-Ħadd filgħodu.Grazzi.

JUM EWKARISTIKU FL-ISKOLA PRIMARJA TAGĦNA

Nhar it-Tlieta li ġejja 20 ta’ Ġunju. Quddiesa, adorazzjoni fis-sala tal-iskola u purċissjoni fl-iskola.

Ġenituri segwu l-programm li tgħaddilkom l-iskola.

LITTLE SISTERS OF THE POOR

Dan il-weekend hawn fostna sorijiet mil-Little Sisters of the Poor li ser ikunu jilqgħu l-offerti tagħna wara l-quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd. Inkunu ġenerużi.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA:

nhar l-Erbgħa 21 ta’ Ġunju mid-9am sa 12pm f’ Lourdes Home. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Alfred Sciberras ofm, kafe’ u tombla.

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Il-ħin tal-adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima qed ikun mit-8.30am san-12.30pm għal dawn ix-xhur tas-sajf. Fost il-ħafna affarijiet li nsibu ħin għalihom, ejjew ninkludu wkoll ftit ħin quddiem il-preżenza ta’ Ġesù. Kemm tkun xi ħaġa sabiħa kieku l-ġenituri jgħaddu jagħmlu viżta ċkejkna flimkien ma’ wliedhom.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

Ġbir bieb bieb għall-festa.

Ikollna ġabra fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u l-aħħar waħda fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu. Ngħinu kemm nistgħu għax l-ispejjeż dejjem jogħlew.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA …Ħabbibna  ma’ Ibnek.

22 ta’ ĠUNJU  –  IS-SEJĦA TA’ PINU

Il-Ħamis 22 ta’ Ġunju nfakkru s-sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima. Matul il-ġurnata nżuru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu u nwieġbu għas-sejħa li tagħmlilna Marija.

OKKAŻJONI SPEĊJALI: TBERIK TAL-MUŻAJĊI QUDDIEM IS-SANTWARJU TA’ PINU. Okkażjoni mhux ta’ min jitlifha. Tibda fis-7.30pm il-Ħadd 18 ta’ Ġunju. Tingħata kuruna b’tifkira tal-okkażjoni lil kull familja li tattendi. Is-Sibt 17 ta’Ġunju: Kunċert mill-isbaħ għall-familja kollha fit-8pm fuq iz-zuntier Ta’ Pinu.

FESTA TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ

Niċċelebrawha nhar il-Ġimgħa li ġejja. Ikollna l-adorazzjoni solenni fil-Knisja Parrokkjali minn wara l-quddiesa tad-9am sa filgħaxija.

Filgħaxija mbagħad ikollna l-quddiesa solenni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li fiha nagħlqu wkoll is-sena tal-Katekiżmu. It-tfal kollha flimkien mal-familji tagħhom u l-katekisti huma mistiedna jattendu.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 20 ta’ Ġunju ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

MILL-KUMMISSJONI DJOĊESANA FAMILJA

Infakkru li bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Ġimgħa 7 ta’ Lulju l-Kummissjoni Familja ser torganizza tliet korsijiet interessanti ħafna. Kull min jixtieq jattendi għal xi wieħed minn dawn it-tliet korsijiet jista’ japplika fl-uffiċċju parrokkjali tagħna. Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet waslitilkom formla apposta.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Mariella Cauchi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Maria Stella Xuereb f’għeluq id-19-il sena mill-mewt tagħha fis-17 ta’ Ġunju. Agħtiha O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.