Bullettin 2 ta’ Lulju 2017

It-13-il Ħadd matul is-sena

Siltiet mill-UDJENZA ĠENERALI tal-Papa Franġisku Pjazza San Pietru L-Erbgħa 28 ta’ Ġunju 2017

Meta, fil-Vanġelu, Ġesù jibgħat lid-dixxipli f’missjoni, ma joqgħodx jimlielhom moħħhom b’kastelli fl-arja ta’ suċċess faċli;

bil-maqlub, iwisshom ċar li t-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla dejjem sa jkun hemm min hu kontriha. U juża anki espressjoni qawwija: “U lilkom kulħadd isir jobgħodkom – jobgħodkom – minħabba f’ismi” (Mt 10:22). L-Insara jħobbu, imma mhux dejjem huma maħbuba. L-Insara huma rġiel u nisa “kontra l-kurrent”. Dan normali: ladarba d-dinja hi mċappsa mid-dnub, li jidher f’bosta xejriet ta’ egoiżmu u ta’ inġustizzja, min jimxi wara Kristu miexi f’direzzjoni kuntrarja.

Nisrani li mhux umli u fqir, maqtugħ mill-għana u mill-poter u fuq kollox maqtugħ minnu nnifsu, ma jixbahx lil Ġesù. In-Nisrani jimxi fit-triq tiegħu f’din id-dinja b’dak li hu essenzjali għall-mixja, imma b’qalbu mimlija mħabba. Il-vera telfa tkun meta jaqa’ fit-tentazzjoni tal-vendetta u tal-vjolenza, li jwieġeb għall-ħażen b’ħażen. Ġesù jgħidilna: “Qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Mt 10:16). Biex negħlbu l-ħażen, ma nistgħux ninqdew bl-istess metodi tal-ħażen.

In-Nisrani m’għandu qatt jitlef it-tama tiegħu, jew jaħseb li ġie abbandunat. Ġesù jiżgurana: “Sa x-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud” (Mt 10:30).  Għalhekk l-Insara għandhom ikunu dejjem fuq “in-naħa l-oħra” tad-dinja, dik magħżula minn Alla: mhux persekuturi, imma ppresegwitati; mhux arroganti, imma umli; mhux bejjiegħa tad-duħħan, imma sottomessi għall-verità; mhux imposturi, imma onesti.

Ħa jagħtina Alla dejjem il-qawwa li nkunu xhieda tiegħu. Jagħtina li ngħixu t-tama Nisranija fuq kollox fil-martirju moħbi li nwettqu tajjeb u bi mħabba d-dmirijiet tagħna ta’ kuljum. Grazzi.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…dewwaqna  s-sbuħija tas-sema.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES Infakkru li min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru u Diċembru 2017 jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju parrokkjali fil-ġranet tal-ftuħ tal-uffiċċju jiġifieri t-Tlieta u l-Ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

NAGĦTU MERĦBA lil Fr. Roberto Gauci li ġie assenjat mill-Isqof biex jgħin fil-ħidma pastorali fil-parroċċa tagħna.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

SIBTIJIET BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju mal-familja jew fil-knisja – Ngħaddu xi ħin quddiem Ġesù Sagramentat.

  • Nieħdu sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

Waslet ġabra oħra għall-festa tagħna li kull ma jmur qed toqrob ġmielha. Qed inwasslulkom envelope biex kulħadd jagħti l-offerta tiegħu. Aħna lkoll inħobbu l-festa u għalhekk hu meħtieġ li lkoll nagħtu l-għajnuna finanzjarja tagħna għal festa sabiħa. L-envelopes jinġabru mill-voluntiera tal-parroċċa fil-jiem li ġejjin.

  • Nittamaw li f’kull triq tar-raħal tagħna n-numru ta’ familji li jagħtu f’dawn il-ġabriet jiżdied. Jekk ma tkunx id-dar waqt il-ġabra, tista’ tgħaddi l-envelop lill-voluntiera responsabbli mit-triq tiegħek anke wara.
  • Nittamaw f’ġabra sabiħa għax għadna ftit lura. Grazzi ta’ kull donazzjoni.

NIGHT FUN GAMES

Nhar ta’ Tnejn fit-8pm. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali.

NIBDEW IT-TNEJN 3 TA’ LULJU @ 8pm b’BURGER NIGHT U XI LOGĦOB FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI.

  • Tkunu tistgħu tapplikaw dakinhar stess għall-erba’ serati sbieħ ta’ dan il-logħob.

NIFIRĦU

  • Lil Sr. Carmelina Borg tas-sorijiet Agostinjani li f’dan il-weekend qed tiċċelebra l-50 anniversarju mill-Ewwel Professjoni tagħha.
  • Lil Mons Ġużeppi Attard, li minbarra l-ħidma tiegħu bħala Vigarju Episkopali għall-katekezi mal-adulti, ġie maħtur ukoll Rettur tal-Knisja tar-Ritorn mill-Eġittu f’Kemmuna.     … Nitolbu għalihom.

GĦOTI TA’ DEMM    

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 4 ta’ Lulju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

GRAZZI Għall-offerti li nġabru waqt il-Car Wash organizzata mill-GSM Youths: €612.

Adorazzjoni Ewkaristika f’ġieħ Ġesù konċeput f’ġuf Marija

Nhar il-Ħamis, 6 ta’ Lulju se jkollna magħna l-membri tal-Komunità Anawim waqt il-Quddiesa tas-7pm u wara jmexxu Adorazzjoni Ewkaristika indirizzata lejn Ġesù mnissel fil-ġuf ta’ Marija sat-8.00pm.  Mistiedna b’mod speċjali dawk li qegħdin jistennew tarbija.

L-istedina tagħna tmur ukoll lill-adolexxenti li għadhom kemm irċevew il-Griżma tal-Isqof.

F’din l-okkażjoni qed tiġi proposta fil-parroċċa tagħna, l-Adozzjoni Spiritwali ta’ tarbija fil-ġuf.

Mal-Bullettin qed tirċievu fuljett b’aktar informazzjoni dwar dan l-impenn sabiħ. Dawk li jixtiequ jidħlu għalih huma mitluba jimlew il-formula apposta u jpoġġuha fil-benniena li ser tkun fil-Knisja sat-Tnejn, 10 ta’ Lulju.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Min iggradwa jew kiseb xi suċċess akkademiku matul din is-sena huwa mistieden jibgħat id-dettalji u ritratt tiegħu/tagħha fuq rivistaghajnsielem@gmail.com ħalli jkun inkluż fil-ħarġa li jmiss tal-festa Awwissu 2017.

GRAZZI lil Maria Zammit u l-familja li taw €1000 għall-proġett tal-orgni b’suffraġju ta’ Ġanni Grech f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju.

MILL-KUNSILL LOKALI GĦAJNSIELEM

Il-Kunsill Lokali jixtieq jgħaqqad grupp ta’ nies biex flimkien insebbħu l-lokalita’ tagħna permezz tal-mużajk maħdum mill-voluntiera flimkien mal-artista Mary Portelli biex insebbħu r-raħal tagħna u noħolqu attrazzjonijiet. Dettalji mill-Kunsill Lokali – 21561515. Kulħadd mistieden jipparteċipa. Napprezzaw ħafna li mal-grupp jingħaqdu anke nies anzjani jew irtirati. Din tista’ tkun esperjenza sabiħa ħafna għalihom.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Barbara Steffenhagen toffri €20 b’suffraġju ta’ Gerhard Steffenhagen f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Lulju.

Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.