Bullettin 9 ta’ Lulju 2017

L-14-il Ħadd matul is-sena

FEJN SEJJER?

QED JGĦIDLEK TMUR GĦANDU…

F’liema direzzjoni sejjer fil-ħajja tiegħek?  Dejjem teqred… dejjem tgerger aktar ma jgħaddi ż-żmien?

Il-Mulej illum qed jagħmillek stedina li hija sfida kontra l-kurrent tal-ħajja.  Tipprova ssib mistrieħ f’kull rokna tad-dinja u ma tersaqx lejn il-qalb tiegħu.  Imma kemm ser indumu nagħmlu farsa mill-ħajja tagħna?  Kemm ser indumu nkunu boloh?

Fl-ewwel qari tal-lum għandna lil Żakkarija jeħodha kontra l-poplu Lhudi li wara l-eżilju kien qed jimmaġina xi ħaġa glorjuża… iżda Żakkarija jwiegħed li ġej Sultan Ġust li miegħu tasal il-ġustizzja.  Kemm-il darba aħna wkoll għamilna bħall-poplu Lhudi.  Min jaf x’immaġinajna li lest jagħmel magħna ħwejjeġ kbar u lanqas biss nindunaw.

Meta naqra l-Vanġelu tal-lum niftakar f’Santa Katerina ta’ Siena li għax intelqet f’idejn il-Mulej għamlet ħwejjeġ kbar u saħansitra l-Papa Pawlu VI għamilha Duttur tal-Knisja… u din kienet mara sempliċi u illitterata.

Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 144, għandna tifħir lill-Mulej li huwa ta’ qalb ħelwa u umli. Fit-tieni qari San Pawl lir-Rumani iwissina biex ngħixu fid-dawl tar-rieda t’Alla u mhux skont il-ġibdiet tal-ġisem.  Fil-Vanġelu Ġesù jfaħħar lil min hu ta’ qalbu ċkejkna kif ukoll jistieden lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu biex imorru għandu.

  • Kemm tassew qed nafda ħajti KOLLHA f’idejn Ġesù?
  • Kemm għandi kuntatt miegħu?
  • Kemm tassew qed ngħix mhux skont il-ġibdiet tal-ġisem? Kapaċi tikkontrolla lili nnifsi?
  • Ġesù jfaħħar l-umiltà.  Jien fejn wasalt?

Mulej, għallimni niġi għandek.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…dewwaqna  s-sbuħija tas-sema.

QUDDIES TAL-ĦADD FILGĦODU

Għall-Ħdud li ġejjin, mill-Ħadd 16 ta’ Lulju l-quddiesa tal-10am ser tibda ssir fl-10.30am. Dan minħabba domanda ġenerali biex il-quddiesa tal-10am titressaq ftit aktar tard. Dan it-tibdil żgħir ikun għal matul ix-xhur Sajfin biss u ser ikun bi prova. Il-ħin tal-quddies l-ieħor kollu jibqa’ l-istess

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

SIBTIJIET BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju – Adorazzjoni – Sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

  • Hi-Tea fiċ-Ċentru Parrokkjali b’risq il-festa: l-Erbgħa 12 ta’ Lulju fis-7.30pm.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra tkun b’risq il-festa tagħna li issa tinsab fil-qrib. Inkunu ġenerużi ħalli nkomplu ngħinu biex ikollna festa kbira u sabiħa. Grazzi ta’ kull offerta.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

L-envelopes qed jinġabru mill-voluntiera tal-parroċċa.

  • Nittamaw li f’kull triq tar-raħal tagħna n-numru ta’ familji li jagħtu f’dawn il-ġabriet jiżdied. Jekk ma tkunx id-dar waqt il-ġabra, tista’ tgħaddi l-envelop lill-voluntiera responsabbli mit-triq tiegħek wara, fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew waqt il-ġabra fil-quddies.
  • Nittamaw f’ġabra sabiħa. Grazzi tal-ġenerożità.

NIGHT FUN GAMES

Kull nhar ta’ Tnejn fit-8pm. Inkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali. Inħeġġu aktar tfal minn Year 3 ‘il fuq biex jieħdu sehem. Il-logħob ser isir f’postijiet differenti kull darba. Ikollna safari, mini olympics, water games eċċ.

KULL NHAR TA’ TNEJN sal-31 ta’ Lulju mit-8 sal-10pm.

  • Importanti: It-tfal li ser jieħdu sehem huma mitluba jġibu magħhom il-formola apposta li ġabru miċ-Ċentru jew mid-Dar Parrokkjali.

INFAKKRU L-MADONNA TAL-KARMNU

Fil-qalba tax-xahar ta’ Lulju nfakkru lil Ommna Marija taħt it-titlu tal-Karmnu. Billi s-sena taħbat il-Ħadd, fil-parroċċa tagħna ser infakkruha il-Ġimgħa 14 ta’ Lulju:

Fis-7.30pm Quddiesa fejn in-niċċa fi Triq Mġarr.

Fit-8.30pm Quddiesa fejn in-niċċa fi Triq Ħamri.

MUSEUM BNIET

Matul is-sajf ser ikun miftuħ ukoll nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa fis-6pm. Lezzjoni b’differenza u attivitajiet tas-sajf. Ġenituri ħudu ħsieb!!!

IR-REREDOS komplut

Ir-Reredos jiġifieri l-armatura tal-injam li hemm fil-kor tal-knisja, issa tlesta. Din il-ġimgħa tpoġġew il-kampnaretti li għaqqdu x-xogħol li kien sar is-sena l-oħra. Dawn ħadu tmien xhur sħaħ ta’ xogħol delikat u  ta’ paċenzja kbira. Grazzi kbira mill-qalb u Prosit tassew lil Toni Galea għax-xogħol kollu tal-injam kif ukoll lil Rudolph Cauchi tal-iskultura li ħadmuh minn qalbhom u bla ebda ħlas. Grazzi wkoll mill-qalb lil dawk kollha li għenuhom. Din hi opra oħra li kompliet issebbaħ il-knisja tagħna u tagħmel is-sagristiji tal-knisja tagħna aktar effiċċjenti.

Adozzjoni Spiritwali

Mal-Bullettin tal-ġimgħa li għaddiet irċevejtu fuljett b’aktar informazzjoni dwar dan l-impenn sabiħ. Dawk li jixtiequ jidħlu għalih huma mitluba jimlew il-formula apposta u jpoġġuha fil-benniena li ser tkun fil-Knisja tagħna sat-Tnejn, 10 ta’ Lulju.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 9 ta’ Lulju ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm:8:00am -1:00pm.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Min iggradwa jew kiseb xi suċċess akkademiku matul din is-sena huwa mistieden jibgħat id-dettalji u ritratt tiegħu/tagħha fuq rivistaghajnsielem@gmail.com ħalli jkun inkluż fil-ħarġa li jmiss tal-festa Awwissu 2017. Żmien sas-17 ta’ Lulju.

MILL-KUNSILL LOKALI GĦAJNSIELEM

Infakkru li l-Kunsill Lokali jixtieq jgħaqqad grupp ta’ nies biex insebbħu l-lokalita’ tagħna permezz tal-mużajk maħdum mill-voluntiera flimkien mal-artista Mary Portelli. Dettalji mill-Kunsill Lokali – 21561515.