Bullettin 16 ta’ Lulju 2017

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

ĦAREĠ JIŻRA’…

Il-Mulej illum jagħmlilna sfida:  “Min għandu widnejh ħa jisma’.”  Hija sfida iebsa iżda reali.

Ħafna drabi aħna ma rridux nisimgħu ’l-Mulej jew nagħmlu ta’ bir-ruħna li ma smajnihx għax ma rridux min jindaħlilna fit-tip u l-mod ta’ ħajja li qed ngħixu.  XEWK U FROTT huma ż-żewġ realtajiet tal-ħajja tagħna.  Frott u Xewk li jfissru mumenti sbieħ u oħrajn inqas sbieħ iżda li l-Mulej iridna ngħixuhom fid-dawl tal-kelma tiegħu.  Huwa Hu l-bidwi li jiżra’, huwa Hu li jsaqqi, huwa Hu li jaħsad.  Hemm bżonn li qalbna tkun qalb fertili għall-kelma tiegħu.

Ħajjitna tagħmel sens jekk nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha.  Dak biss jista’ jkun ta’ ġid u ta’ sens għall-ħajja tagħna.  Ma naħlux ħin niskandalizzaw irwieħna b’dak u bl-ieħor jekk wara kollox aħna stess m’aħniex ta’ eżempju tajjeb għal dawk ta’ madwarna.  Il-Kelma tal-Mulej hija ċara llum dwar dan.  Hemm bżonn li naċċettaw il-kelma ta’ Alla u nifhmuha sew.

Fl-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Isaija għandna lill-Profeta jħeġġeġ lil-Lhud fl-eżilju biex ifittxu lil Alla u jafdaw fih minħabba li l-kelma tiegħu għandha qawwa kbira.  Fis-Salm 64 għandna l-messaġġ li ż-żerriegħa hija l-Kelma ta’ Alla li jekk taqa’ f’art tajba tagħmel ħafna frott.  Fl-Ittra lir-Rumani għandna lil San Pawl jurina li meta dineb, il-bniedem kaxkar miegħu fil-ħażin il-ħolqien stess, b’mod li meta feda l-bniedem dan sar jaċċetta, jifhem u jgħix din il-kelma.

  • Kemm tassew għandek għal qalbek il-kelma ta’ Alla? Kemm tassew taf dwarha?
  • Kemm tassew din il-kelma qed tipprova tgħaddiha fl-għajxien tal-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
  • Kemm tassew qed tapprezza li permezz ta’ din il-kelma qed jasallek il-messaġġ ta’ salvazzjoni lilek u lill-ħolqien kollu?
  • Il-Kelma ta’ Alla għadha l-fanal li permezz tagħha qed nara fejn nimxi?
  • Kemm qegħdin ngħinu lil xulxin biex nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna?

Mulej, agħmel li nilqa’ l-kelma tiegħek

u ngħixha jum wara jum.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…dewwaqna  s-sbuħija tas-sema.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

SIBTIJIET BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju – Adorazzjoni – Sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

OFFERTI GĦAN-NAR TAL-FESTA

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet tqassam l-envelop mill-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru biex kull min jixtieq jista’ jagħti l-offerta tiegħu/tagħha għan-nar tal-festa. Membri tal-istess għaqda ser ikunu jiġbru dan l-envelop fil-ġranet li ġejjin.  Il-Parroċċa, mill-ġbir li jsir għall-Festa tagħti €4000 għan-nar u tħallas l-ispejjeż kollha marbutin man-nar: insurance, permessi, extra duty tal-pulizija u fire engines li jammontaw għal madwar €2500 oħra. Il-bqija tieħu ħsieb tiġbor u tordna l-Għaqda Piroteknika ta’ Għajnsielem. Inkunu ġenerużi.  Mill-għotjiet li tirċievi l-għaqda piroteknika jiddependi x’nar ikollna fil-festa tagħna. Grazzi mill-qalb.

OFFERTI GĦALL-BANDA MALTIJA

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp tkompli tilqa’ l-offerti tad-dilettanti tal-baned biex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż tal-Banda Maltija li hija stiednet għall-festa tagħna. Grazzi bil-quddiem tal-appoġġ.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA – Lulju

  • GRAZZI mill-qalb lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom fil-ġabra bieb bieb li għamilna għall-festa f’dan ix-xahar ta’ Lulju. Is-somma miġbura hija ta’ €3065. Min għadu ma tax l-offerta tiegħu tistgħu titfgħu fil-letterbox tad-dar parrokkjali jew fil-ferta l-knisja.

IKONI U STATWI TAL-FIDDA

Reġa’ għandna ikoni tal-fidda minn kull daqs li kellna s-sena l-oħra kif ukoll statwi tal-fidda replika tal-Istatwa tal-Madonna ta’ Loreto meqjuma fil-knisja tagħna. Tistgħu takkwistawhom mill-uffiċċju parrokkjali.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK

Tħallix dik il-qatra alkoħol li tibda biha twasslek fejn ma tridx int jew iġġiegħlek trid aktar, u aktar …u aktar, sa ma tasal għad-droga qerrieda.

QUDDIES TAL-ĦADD FILGĦODU

aINFAKKRU li għall-Ħdud li ġejjin, mill-Ħadd 16 ta’ Lulju l-quddiesa tal-10am ser tibda ssir fl-10.30am. Dan minħabba domanda ġenerali biex il-quddiesa tal-10am titressaq ftit aktar tard. Dan it-tibdil żgħir ikun għal matul ix-xhur Sajfin biss u bi prova. Il-ħin tal-quddies l-ieħor kollu jibqa’ l-istess.

NIGHT FUN GAMES Nhar ta’ Tnejn li ġej 17 ta’ Lulju fit-8pm. Niltaqgħu iċ-Ċentru fit-7.45pm. Il-logħob ikun fil-ground tal-football.

GRAZZI

NN Offerta lill-Madonna €50.  NN għall-Knisja €50.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 18 ta’ Lulju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Il-MUSEUM SUBIEN jistieden lit-tfal subien li s-sena l-oħra li kienu minn year 3 ‘il fuq għal-laqgħat li jsiru għalihom fil-museum tas-subien kif ukoll għal logħob is-sajf fl-istess qasam.

Il-LEGION OF MARY  f’Għajnsielem ser imexxi klassijiet ta’ xogħol tal-idejn għat-tfal u adolexxenti fiċ-Ċentru Parrokkjali nhar ta’ Erbgħa wara l-quddiesa tad-9.00am. It-tfal u l-adolexxenti kollha huma mistiedna.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Giacinta Buttigieg u l-familja joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għażiż tagħhom Nazzareno Buttigieg f’għeluq il-ħames snin mill-mewt tiegħu fit-13 ta’ Lulju.
  • Adelina Zerafa toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju Loreto Zerafa f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fil-21 ta’ Lulju.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish