Bullettin 23 ta’ Lulju 2017

Is-16-il Ħadd Matul is-Sena

ARA, ALLA L-GĦAJNUNA TIEGĦI

Aħna wlied is-Saltna ta’ Alla, imma wlied li rridu noqogħdu b’seba’ għajnejn li ma nitilfux is-sens ta’ direzzjoni tagħna.

Dan huwa t-tifsir tas-sikrana.  Irridu ngħixu fid-dinja spalla ma’ spalla mal-ħażen iżda ma nsirux ħżiena.  Din hija l-isfida kbira li għandu n-nisrani tal-lum, sfida li  trid tidher aktar meta nqisu li l-Knisja li tagħha aħna membri Ġesù jqabbilha maż-żerriegħa tal-mustarda, żerriegħa ċkejkna li tifrex ħafna l-friegħi kollha.

Fl-ewwel qari mill-Ktieb ta’ l-Għerf għandna l-frażi li rridu nżommuha fuq fommna ħajjitna kollha.  M’hemmx Alla ħliefek li tieħu ħsieb kollox.  Kemm aħna konvinti minn din il-frażi, kemm aħna konvinti li Alla ma jħallina qatt waħedna?  Il-għajn tal-ġustizzja hija l-qawwa t’Alla, itenni l-Ktieb ta’ l-Għerf.  Is-Salm Responsorjali meħud minn Salm 85 itenni li l-Mulej huwa tajjeb u jaħfer. Fit-tieni qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, insibu li l-akbar għajnuna fil-ħajja tagħna huwa l-istess Spirtu s-Santu li jidħol għalina. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew inkomplu nisimgħu l-parobboli tas-Saltna t’Alla.  Is-Saltna li hija mqabbla maż-Żerriegħa tal-Mustarda kif ukoll mal-qamħ u s-sikrana.

Hemm bżonn li nifhmu li l-ħajja tagħna jeħtieġ li ngħixuha fid-dinja spalla ma’ spalla mal-ħażen.

Iżda Alla ħaseb għal kollox.  Tana l-għajnuna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Hemm bżonn nifhmu aktar u nħossuna aktar KNISJA.

Fid-dinja n-nisrani jrid jgħix il-ħajja tiegħu b’mod sempliċi li jinfirex fuq l-eżempju tal-mustarda.

Mulej, għinni ngħix il-fidi tiegħi fis-sempliċità.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 23 ta’ Lulju ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm-8:00am-1:00pm.

QUDDIES TAL-ĦADD FILGĦODU

INFAKKRU li għall-Ħdud li ġejjin, il-quddiesa tal-10am ser tibda ssir fl-10.30am.

ABBATINI ĠODDA

Dawk it-tfal subien li jixtiequ jservu bħala abbatini fil-Knisja Parrokkjali tagħna jistgħu jinkitbu għand l-arċipriet biex jibdew il-programm ta’ tħejjija. It-Tfal iridu jkunu għamlu l-Ewwel Tqarbina.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…dewwaqna  s-sbuħija tas-sema.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

SIBTIJIET BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju – Adorazzjoni – Sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

RALLY mill-GĦAQDA tal-ARMAR nhar il-Ħadd 23 ta’ Lulju wara l-quddiesa tal-10.30am fit-terrazzin tal-Każin tal-Banda. Ikun hemm il-bejgħ tad-drapp tal-festa.

HI-TEA b’RISQ IL-FESTA Nhar l-Erbgħa li ġejja 26 ta’ Lulju 2017 fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.30pm. Ejjew u ġibu oħrajn magħkom.

INFAKKRUKOM U NĦEĠĠUKOM tkomplu tagħtu l-offerta tagħkom għan-nar lill-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru u għall-banda Maltija lill-Għaqda Mużikali San Ġużepp.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA – AWWISSU

Dalwaqt ikollna l-aħħar ġabra bieb bieb għall-festa tagħna li kull ma jmur qiegħda dejjem toqrob. Naħsbu minn issa għal offerta sabiħa u li tixraq biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż kbar li tirrekjiedi festa bħal tagħna. Grazzi lil kulħadd ta’ kull għajnuna.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tibda s-Sibt 5 ta’ Awwissu. Dakinhar infakkru l-għaxar anniversarju minn meta r-radju tagħna beda jxandar. Filgħaxija fil-knisja fis-7pm ikollna quddiesa ta’ radd il-ħajr.

IKONI U STATWI TAL-FIDDA

Reġa’ għandna ikoni tal-fidda minn kull daqs li kellna s-sena l-oħra kif ukoll statwi tal-fidda replika tal-Istatwa tal-Madonna ta’ Loreto meqjuma fil-knisja tagħna. Tistgħu tarawhom u takkwistawhom mill-uffiċċju parrokkjali.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK

Tħallix dik il-qatra żejda ta’ alkoħol tikkontrollak u ġġiegħlek tgħid dak li ma tridx u tagħmel dak li jbaxxik…  Ħu ħsieb ħabib!!!

KURA TAS-SNIEN F’GĦAJNSIELEM

Il-Fakultà tad-Dentistrija tal-Università ta’ Malta qed torganizza numru ta’ attivitajiet f’Għawdex fejn il-Mobile Dental Unit ser iżur bosta rħula fix-xahar ta’ Lulju 2017.

Il-Mobile Dental Unit joffri eżami tal-ħalq u s-snien kif ukoll informazzjoni u pariri dwar is-saħħa tal-ħalq u s-saħħa nġenerali. Dan is-servizz ser ikun offrut lill-pubbliku b’xejn fil-Lokalità tagħna ta’ Għajnsielem (quddiem il-Learning Hub) nhar it-Tnejn 31 ta’ Lulju mid-9.00am sa 12 pm. Narawkom.

NIGHT FUN GAMES

Kull nhar ta’ Tnejn fit-8pm. Niltaqgħu iċ-Ċentru fit-7.45pm.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 29 ta’ Lulju, 2017 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kerċem fis-7pm. Trasport bħas-soltu mill-Pjazza fis-6.30pm.

GRAZZI Lill-Familja Azzopardi – Offerta lill-Madonna ta’ Loreto – €200.

Il-LEGION OF MARY  f’Għajnsielem qed imexxi klassijiet ta’ xogħol tal-idejn għat-tfal u adolexxenti fiċ-Ċentru Parrokkjali kull nhar ta’ Erbgħa wara l-quddiesa tad-9.00am. It-tfal u l-adolexxenti kollha huma mistiedna.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

lill-qaddej tiegħek Johnny Saliba li sejjaħtlu għal għandek ġewwa l-Awstralja.

Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Ciantar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Salvu Ciantar f’għeluq id-9 snin mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Lulju.

Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.