Bullettin 30 ta’ Lulju 2017

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

IS-SALTNA TAS-SMEWWIET: TEŻOR U ĠAWHRA

It-teżor moħbi fl-għalqa u l-ġawhra prezzjuża li ntilfet ipoġġuna llum il-Ħadd fil-pożizzjoni ta’ tfittxija.  Tfittxija.

Tfittxija għas-Saltna ta’ Alla.  Huwa ferm importanti li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ma nieqfu qatt nagħmlu din it-tfittxija.  Għaliex?  Għaliex ħafna drabi aħna, aljenati minn dak kollu li jdur madwarna,  NITILFU L-AKTAR ĦAĠA ESSENZJALI.  Din hija li nsegwu r-rieda tal-Mulej.  Kemm-il darba mmorru l-knisja u ma nindunawx bil-ġawhra prezzjuża tal-Kelma ta’ Alla u l-qawwa li tagħtina l-Ewkaristija?  Kemm-il darba għażilna dak kollu li hu materjali u ma ndunajniex li l-għażla tagħna, it-teżor tagħna, hi xi ħaġa li ma tispiċċax?  Kemm tassew f’ħajjitna qed nitolbu bħalma talab Salamun fl-Ewwel Qari tal-lum, fejn għamel rifjut tal-affarijiet materjali u talab lill-Mulej jagħtih l-għaqal, il-għerf u d-dehen?

Fil-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd, San Mattew jippreżentalna żewġ parabboli fuq is-Saltna ta’ Alla.  Ġesù joħroġ fil-beraħ li għan-nisrani s-Saltna ta’ Alla għandha tkun l-akbar teżor.

Nafu x’inhi s-Saltna ta’ Alla?  Hija importanti għalina b’mod personali? Kemm tassew qed naħdmu għal din is-Saltna u f’din is-Saltna ta’ Alla?

Kemm tassew qed nużaw dan id-dehen biex nifhmu aktar il-Kelma ta’ Alla u ngħixuha kuljum fil-qadi tad-dmirijiet tagħna?

     O Mulej

     nitolbok li matul il-ħajja tiegħi, minkejja d-difetti,

     nifhem tassew xi trid minni

     fil-ħidma għas-Saltna tiegħek.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 29 ta’ Lulju fil-knisja ta’ Kerċem fis-7pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 4 ta’ Awwissu l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 5 ta’ Awwissu fit-3.30pm rużarju u quddiesa fil-Knisja l-Qadima.

KATINA TA’ RUŻARJU

It-Tlieta 15 ta’ Awwissu. Dettalji fil-bullettin tal-ġimgħa li ġejja.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…dewwaqna  s-sbuħija tas-sema.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

SIBTIJIET BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju – Adorazzjoni – Sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA – AWWISSU

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-aħħar envelop għall-ġabra bieb bieb għall-festa ta’ din is-sena li kulma jmur qegħda dejjem toqrob. Xieraq li nagħtu offerta sabiħa lill-Madonna biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż kbar li tirrikjedi festa bħal tagħna. Il-voluntiera tal-parroċċa jiġu jiġbruhom lejn tmiem din il-ġimgħa.Grazzi mill-qalb lil kulħadd ta’ kull għajnuna.

Offerti BUKKETTI FJURI

Dawk li jixtiequ joffru bukkett fjuri (€20) għall-festa fil-Knisja Parrokkjali jistgħu jibdew minn din il-ġimgħa stess fl-Uffiċċju Parrokkjali.

RADJU LAURETANA 89.3FM

10 Snin miegħek!

L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tibda s-Sibt 5 ta’ Awwissu. Dakinhar infakkru l-għaxar anniversarju minn meta r-radju tagħna beda jxandar. Filgħaxija fil-knisja fis-7pm ikollna quddiesa ta’ radd il-ħajr. Wara bibita għall-voluntiera fiċ-Ċentru Parrokkjali. L-iskeda stampata titqassam mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla. Aktar tagħrif www.radjulauretana.com

GĦOTI TAD-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta l-1 t’Awwissu ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

IKONI U STATWI TAL-FIDDA

Tistgħu tarawhom u takkwistawhom mill-uffiċċju parrokkjali.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK

L-indafa hija sabiħa!… dejjem u kullimkien:

fid-djar tagħna, fit-toroq u fil-ġonna tagħna.

Ma ngħidux:“Hemm min inaddaf!”

Ma narmux fejn ġie ġie… l-aktar dawk id-dnub tas-sigaretti, tazzi tal-ġelat, flixken u kaxxi tal-ikel…  Ħu ħsieb ħabib!!!

STEDINA MINGĦAND IL-KLARISSI

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Klara t’Assisi s-Sorijiet Klarissi jistiednu lil kulħadd għall-quddiesa solenni mmexxija mill-W.R. Provinċjal  P. Richard Stanley Grech ofm nhar il-Ħamis 3 t’Awwissu 2017 fis-6.00pm fid-Dar tal-Irtiri Manresa, Rabat, Għawdex.

KURA TAS-SNIEN F’GĦAJNSIELEM

Il-Mobile Dental Unit ser tkun fil-Lokalità tagħna ta’ Għajnsielem quddiem il-Learning Hub it-Tnejn 31 ta’ Lulju mid-9am sa 12 pm.

NIGHT FUN GAMES

It-Tnejn 31 ta’ Lulju fit-8pm. Niltaqgħu iċ-Ċentru fit-7.45pm għall-aħħar serata ta’ dan il-logħob – water games fuq iz-zuntier.

GRADWATI Dawk li ggradwaw jew kisbu xi grad akkademiku fl-aħħar sena u jixtiequ jitniżżlu fuq ir-rivista Għajnsielem jistgħu jibagħtulna ritratt u informazzjoni fuq rivistaghajnsielem@gmail.com sat-Tlieta 1 ta’ Awwissu.

GRAZZI Esther Azzopardi $100 għal Radju Lauretana

GRAZZI mill-qalb lill-Voluntiera tal-parroċċa li joħorġu jiġbru għall-festa u dawk li jqassmu l-envelop tal-iskema għas-sagristiji. GRAZZI kbira lil dawk li ta’ kull xahar jagħtu għal dan il-proġett li issa beda jissawwar ġmielu.

ABBATINI ĠODDA

Dawk it-tfal subien li għamlu l-Ewwel Tqarbina u li jixtiequ jservu bħala abbatini fil-Knisja Parrokkjali jistgħu jinkitbu għand l-arċipriet. L-ewwel laqgħa tkun is-Sibt 29 ta’ Lulju fid-9.30am.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Ilqa’ fi ħdanek ir-ruħ għażiża ta’ Mariano Mifsud mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fit-22 ta’ Lulju 2017 fl-eta’ ta’ 67 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish