Monthly Archives: August 2017

Bullettin 26 ta’ Awwissu, 2017 – IL-FESTA T-TAJBA!

SLIEM GĦALIK MARIJA

Sliem għalik Marija, fid-Dar Imqaddsa ta’ Nazaret l-“Iva” tiegħek għamlet lil Alla ħuna għal dejjem! Itlob, o Marija, sabiex iż-żgħażagħ jiskopru l-“Iva” bħala triq tal-ħelsien veru u tal-ferħ veru li qatt ma jgħib u qatt ma jittradik.

Sliem għalik Marija, Int ħaffift lejn id-dar ta’ Eliżabetta, tgħanni n-noti dejjiema tal-‘Magnificat’! O Marija, bgħedna mit-triq mudlama tal-egoiżmu, biex nimxu fit-triq tal-imħabba u tal-ġest mimli ferħ tal-ħasil tar-riġlejn.

Sliem għalik Marija. Fid-dar tal-għarajjes ta’ Kana l-għajnejn materna tiegħek rat l-iskonfort u qalbek talbet il-grazzja! Agħmilna safja f’ qalbna sabiex naraw, o Marija! U agħti lill-familji tagħna l-perla tal-fedelta’ u tal-ferħ tal-ulied milqugħa, maħbuba u miftuħa għad-dawl t’ Alla.

Sliem għalik Marija. Fl-għar ta’ Betlem int l-ewwel li adurajt il-Misteru t’ Alla li ftaqar sabiex jagħtina l-vera rikezza! Marija, itlob għalina biex inħobbu ‘l faqar u lill-foqra, filwaqt li nfittxu f’Alla r-rikezza li tissodisfa u tibqa’ fl-eternita’.

Sliem għalik Marija. Maġenb is-salib int emmint fil-qawwa tal-imħabba u l-imħabba kkonsagratek omm mill-bnedmin kollha! Ħu jdejna f’ idejk, o Marija, u għinna nimxu fost is-slaleb tal-ħajja sodi fil-fidi, ngħixu fit-tama, nistennew is-siegħa żgura tal-qawmien.

Sliem għalik Marija. Fid-dar taċ-Ċenaklu int titlob lill-Ispirtu ta’ Ġesu’ u tħares bil-ferħ lejn l-Appostli li ser jitilqu għal missjoni! Idħol għalina, o Marija, sabiex l-Ispirtu jsibna ubbidjenti u lesti li ngħajtu l-fidi tagħna f’ Ġesu’: Salvatur waħdieni u tama waħdanija tal-bnedmin.

Sliem għalik Marija. Fid-dar ta’ qalbek kuljum u fis-skiet inti tgħix il-maternita’ filwaqt li tħaddan l-ulied li jirrikorru lejk. Għinna nisimgħu, o Marija, il-melodija tal-qalb tiegħek, sabiex wara li nitolbu, immorru lura fid-djar tagħna b’għajnejna mdawlin u b’qalbna tgħanni.

Sliem għalik Marija! Sliem Għalik Marija!

Sliem għalik Sultana tad-Dar Tagħna.

SEGWU L-FESTA kollha minn fuq Radju Lauretana u XEJK TV.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…

għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek!

IL-QOFOL TAL-FESTA

Nipparteċipaw b’mod sħiħ:

Is-Sibt  26 ta’ Awwissu:                 LEJLET IL-FESTA

9.00am Quddiesa tat-Te Deum fil-Knisja l-Qadima mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada

6.30pm Tranżlazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex. Takkumpanja l-Banda San Ġużepp.

7.00pm L-Ewwel Għasar Solenni mmexxi mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech.

Il-Ħadd 27 ta’ Awwissu:   JUM IL-FESTA  PARROKKJALI

9.00am                 Konċelebrazzjoni Pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons. Pawlu Cremona, Arċisqof Emeritu ta’ Malta,bil-prietka minn Mons.Dr.Joseph Farrugia.

6.30pm                 It-Tieni Għasar

7.30pm                 Ħruġ solenni tal-istatwa.

Nistiednu lil kulħadd biex waqt il-purċissjoni jakkumpanja lil Ommna Marija Lawretana permezz tat-talba tar-Rużarju.

10.15pm    Dħul tal-vara fil-Knisja.

Antifona u Barka Sagramentali.

It-Tlieta 29 ta’ Awwissu

6.30pm Rużarju u Barka Sagramentali.

7.00pm Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u wara jsir id-dħul tal-vara ta’ Ommna Marija ta’ Loreto fin-niċċa tagħha.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

… GAWDI L-FESTA!!! … Ftakar f’dak li qed niċċelebraw: L-imħabba ta’ Alla għalik… li saret bniedem fid-Dar ta’ Nazaret – id-Dar ta’ Loreto!!!

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa tintemm it-Tlieta 29 ta’ Awwissu. Grazzi kbira tas-sapport u tal-għajnuna kollha.

GRAZZI  

Ġabra Ħruġ min-niċċa – €2174.

Radju Lauretana: Grazzi lil Joe Galea u lil John Haber tal-ħidma b’xejn fl-istudios tagħna.

Donazzjonijiet: €851 u $Aus800.

Emigranti: George Xerri (Kanada), Ġuża Azzopardi (USA), Alex Pace, Salvina Mercieca u Tereża Vassallo, Marija Vella, Benna u John Camilleri (Australia).

Offerti Bott Ideal Store: €220.

Għall-Knisja: NN€200, NN €50.

MILL-KUNSILL LOKALI – Tilqima tal-Influenza

Nixtiequ navżaw li dawk li għandhom ‘il fuq minn 55 sena jew ibatu minn xi mard kroniku, jistgħu jirreġistraw għat-tilqima tal-influenza billi jċemplu l-Kunsill fuq in-numru 21561515 mhux aktar tard mid-9 ta’ Settembru.

GIOCHI – Serata ta’ Water Fun Games

Ser isiru kompetizzjonijiet divertenti għaż-żgħażagħ Għajnselmiżi minn 13-il sena ‘l fuq it-Tlieta 29 t’Awissu quddiem il-Każini mit-8pm ‘il quddiem. It-tim rebbieħ jipparteċipa fil-final minn Għawdex kollu. Inħeġġu liż-żgħażagħ minn 13-il sena ‘l fuq biex jipparteċipaw f’din l-attivita’ sportiva u divertenti. Inkitbu b’sms fuq 79561515, email:ghajnsielem.lc@gov.mt jew 21561515.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Guza Zerafa toffri €20 b’suffraġju tal-Erwieħ tal-Familja Zerafa u Spiteri.
  • Il-Familji Zerafa u Vella joffru €20 b’suffraġju ta’ oħthom Anni Gatt f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tagħha fit-30 ta’ Awwissu.
  • Maria Vella toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Felic u ħutu Ġużeppa u George Vella.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

 

Bullettin 19 ta’ Awwissu 2017

IL-FESTA WASLET

Wara tant preparamenti u taħbit, il-festa ta’ din is-sena waslet. Ser nibdew ġimgħa ta’ funzjonijiet u attivitajiet relatati li jwassluna għall-jum il-festa l-Ħadd 27 ta’ Awwissu.

Ejjew nieħdu sehem sħiħ fil-programm tal-festa u nagħmlu l-almu tagħna kollu biex nattendu għall-funzjonijiet tal-knisja u nieħdu sehem attiv. Nersqu għall-qrar u għat-tqarbin. Ma nħallux li tgħaddi l-festa u tħallina indifferenti. Ejjew nagħmlu mill-festa okkażjoni ta’ mixja spiritwali fejn bħala persuni u flimkien bħala komunita’ parrokkjali nagħmlu dak il-pass ‘il quddiem f’ħajjitna, f’sens ta’ altruwiżmu u għotja lil Alla u lil min jeħtieġ l-għajnuna tagħna.

  • FESTA FAMILJA Il-Ħadd 20 ta’ Awwissu. Stedina lill-familji kollha għall-quddiesa tal-10.30am fil-knisja parrokkjali b’mod speċjali lill-kopji li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin.

Nistiednu wkoll lill-Emigranti li qegħdin fostna biex huma wkoll jissieħbu f’din iċ-ċelebrazzjoni.

  • L-AĦĦAR ĠABRA GĦALL-FESTA. Din tkun it-Tnejn 21 ta’ Awwissu waqt il-ħruġ tal-vara min-niċċa tagħha fil-knisja. Inkunu ġenerużi.
  • SEJĦA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ għall-quddiesa tat-Tlieta 22 ta’ Awwissu fis-7pm. Imexxi Fr. Michael Grima, saċerdot novell.

Wara l-quddiesa – TQASSIM TAĊ-ĊERTIFIKATI    tal-Mixja tħejjija għaż-żwieġ.

PREŻENTAZZJONI TAT-TFAL U T-TRABI.

  • L-ERBGĦA, il-ĦAMIS u l-ĠIMGĦA 23, 24 u 25 ta’ AWWISSU huma l-jiem tat-TRIDU.

Nieħdu sehem fil-quddiesa ta’ filgħaxija u nisimgħu b’attenzjoni l-kelma ta’ Dun Samuel Grech.

  • IL-LEJLA MARJANA l-Erbgħa 23 ta’ Awwissu fid-9pm. Fuq iz-zuntier tal-knisja tagħna. Nitolbu flimkien filwaqt li nfakkru l-għaxar snin mit-twaqqif ta’ Radju Lauretana.
  • IS-SIBT 26 ta’ Awwissu, lejlet il-festa, nattendu għall-quddiesa tat-TE DEUM fil-Knisja l-Qadima fid-9am u filgħaxija għat-Translazzjoni li ser titmexxa mill-ET Mons Isqof Mario Grech.

 SEGWU L-FESTA kollha minn fuq Radju Lauretana u XEJK TV.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek.

OFFERTI BUKKETTI FJURI  

L-aħħar sejħa biex tkomplu tagħmlu l-offerti tagħkom għall-bukkett tal-festa (€20) fl-Uffiċċju Parrokkjali. Tistgħu wkoll titfgħu l-offerta tagħkom flimkien mal-isem u n-numru tat-telefon fil-letterbox tal-Uffiċċju.

RADJU LAURETANA 89.3FM

Inkomplu nsegwu l-iskeda tal-festa fuq Radju Lauretana u x-xandiriet speċjali marbuta mal-festa ta’ din is-sena.

LOTTERIJA b’risq ir-RADJU

Biljetti €2 mir-radju u mill-Uffiċċju Parrokkjali. Grazzi tal-għajnuna.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

Infakkru lil dawk il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, il-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja, huma mħeġġa japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali.  Ser isiru laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

WIRJA f’minjatura tal-Vara Titulari mit-Tnejn 21 sal-Ħadd 27 ta’ Awwissu fid-Dar Parrokkjali Pjazza Indipendenza mit-8.30pm sa 12am.

WERAQ għall-bukketti: min jista’ joffri ġibuh nhar it-Tlieta u l-Erbgħa. Grazzi.

GRAZZI  Ewro Collection Awwissu – €564.

Offerta ta’ €100-NN fil-ferta tal-Knisja.

Għall-Knisja – €100 NN Triq Ħamri, Aus$300 – Salvina Mercieca Awstralja,Aus$250 – Theresa Vassallo Awstralja.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 22 t’Awwissu ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

GAWDI L-FAMILJA U L-ĦBIEB! GAWDI ‘L KRISTU U L-MADONNA! … GAWDI L-FESTA!!!

TĦALLIX IX-XORB U D-DROGA JISIRQULEK KOLLOX!!!…Ħu ħsieb!!!

QRAR BI TĦEJJIJA GĦALL-FESTA

Il-Ħadd 20 ta’ Awwissu fl-10 ta’ filgħodu, qabel il-quddiesa tal-Familji.

It-Tlieta 22 ta’ Awwissu mis-6pm ‘il quddiem għaż-żgħażagħ.

Imbagħad mill-Erbgħa sas-Sibt 23 – 26 ta’ Awwissu: kuljum mis-6.30pm ‘l quddiem.

Naħsbu kmieni!

Qrara tajba

flimkien ma’ Tqarbina mill-qalb…

l-aqwa ngredjenti

għal festa ġenwina u tajba.

BIDU TAL-KATEKIŻMU TAT-TFAL

Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li ser ikunu Year 1 fis-sena skolastika li jmiss huma mistiedna jiktbu lit-tfal tagħhom biex, bl-għajnuna t’Alla, jibdew il-katekiżmu f’Ottubru li ġej. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali. Il-ġenituri tat-tfal li ser ikunu Year 2 u 3 ser jiġu mgħarrfa personalment dwar il-ġranet u l-ħinijiet tal-laqgħat tal-katekiżmu tat-tfal tagħhom.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Galea joffru €20 b’suffraġju ta’ Toni u Loreta Galea.
  • Sally Borg u t-tfal joffru €20 b’suffraġju ta’ Mario Borg f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Awwissu.
  • Mariella Cauchi toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Xuereb u Carmelo Cauchi fl-anniversarju mill-mewt tagħ
  • Salvina Mercieca toffri $Aus100 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Lewis Mercieca fl-okkażjoni tat-23 anniversarju mill-mewt tiegħu nhar it-22 ta’ Awwissu kif ukoll b’suffraġju tal-erwieħ tal-familja Xuereb.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

 

Bullettin 12 ta’ Awwissu 2017

FESTA LAWRETANA 2017

Wara tant preparamenti u tħejjijiet, nistgħu ngħidu li l-festa waslet. Din is-sena, il-programm tal-festa jibda l-Erbgħa 16 ta’ Awwissu permezz tal-quddiesa tad-9am.

Il-festa fiha ħafna elementi li kollha flimkien isawru l-festa kif nafuha aħna. L-importanti pero’ huwa li ma nintilfux fuq it-tlellix u nitilfu l-essenzjal. Aħna qed niċċelebraw festa reliġjuża. Qegħdin niċċelebraw lill-Madonna ta’ Loreto. U għalhekk il-funzjonijiet li jsiru fil-knisja għandhom jingħataw l-akbar importanza. Is-sehem tagħna fil-liturġija huwa meħtieġ u importanti. Ser ikunu ħafna dawk l-okkażjonijiet fejn ser inkunu mistiedna nersqu għas-sagramenti tal-qrar u tat-tqarbin. Ma nħallux il-festa tgħaddi mingħajr ma nqerru u nitqarbnu.

Ejjew flimkien ngħixu l-festa li ġejja bħala esperjenza sabiħa li tqarribna lejn xulxin bħala komunita’ parrokkjali u lejn il-Mulej Ġesu’ permezz ta’ Sidtna Marija ta’ Loreto.

TIFKIRA TAL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA PARROKKJALI

Il-Ħadd 13 ta’ Awwissu ser inkunu nfakkru il-128 Anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali tagħna. NIFTAKRU kemm ħadmu u stinkaw missirijietna biex bnew dan it-tempju sabiħ. EJJEW inroddu ħajr lil Alla għal tant u tant ġid li jsir fil-knisja tagħna u NKOMPLU U NTEMMU l-ħolma ta’ dawk ta’ qabilna.

FESTA TA’ SANTA MARIJA

It-Tlieta 15 ta’ Awwissu nirreċitaw ir-rużarju, aktar mis-soltu, biex ikollna festa sabiħa li tixraq lil Ommna tas-Sema. Il-quddies fil-knisja tagħna jkun bħal tal-Ħadd.

VELJA F’TA’ PINU

It-Tnejn 14 ta’ Awwissu. Ikollna trasport mill-Pjazza fis-7.30pm.

TOMBLA B’RISQ IL-FESTA nhar it-Tlieta 15 ta’ Awwissu minn nofsinhar ‘il quddiem fiċ-Ċentru Parrokkjali

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend issir l-aħħar Ewro Collection għall-festa ta’ din is-sena. Ejja nagħmlu sforz ġenwin ħalli tkun waħda tajba. Grazzi ta’ kull offerta.

Offerti BUKKETTI FJURI   Komplu għamlu l-offerti tagħkom għall-bukkett tal-festa (€20) fl-Uffiċċju Parrokkjali.

Tistgħu wkoll titfgħu l-offerta tagħkom flimkien mal-isem u n-numru tat-telefon fil-letterbox tal-Uffiċċju.

IL-FESTA TAGĦNA. Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom il-programm tal-festa – tant ċelebrazzjonijiet sbieħ. Għal din is-sena għandna bħala motto

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek

Kemm għandna bżonn aktar għaqda… speċjalment ma’ Alla, għaqda li mbagħad twassalna biex inħobbu lilu fuq kollox u lil għajrna bħalna nfusna.

Marija, Omm tagħna, għallimna nħobbu bħalek!!

TLETT IJIEM TA’ TĦEJJIJA FERRIEĦA GĦALL-FESTA

Inħeġġu lit-Tfal u l-Adoloxxenti kollha. Niltaqgħu:

L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa 16, 17 u 18 ta’ Awwissu fid-9.00am għall-quddiesa animata mit-tfal u l-istudenti stess. Din hija xi ħaġa li qed issir għall-ewwel darba. Nemmnu li t-tfal u l-istudenti tagħna jeħtieġ ikunu jafu aktar dwar il-Madonna taħt it-titlu ta’ Loreto u li din ser isservi ta’ preparazzjoni spiritwali għall-festa.Ninġabru bi ħġarna.

IL-FESTA FUQ IT-TELEVIXIN

Għall-ewwel darba f’Għawdex, il-festa tagħna ser tixxandar dirett fuq XEJK TV mit-Tnejn sal-Ħadd. Ix-xandiriet ikunu biss mill-knisja u jinkludu wkoll il-purċissjoni. Dan qed isir mill-Fondazzjoni U bil-kollaborazzjoni ta’ Radju Lauretana. Għandna bżonn żgħażagħ u nies oħra biex jagħtu daqqa t’id minn wara l-cameras. Kellmu lill-Arċipriet.

FESTA FAMILJA

Il-Ħadd 13 ta’ Awwissu nistiednu lill-familji kollha għall-quddiesa tal-10.30am fil-knisja parrokkjali b’mod speċjali lill-kopji li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin.

Nistiednu wkoll lill-Emigranti li qegħdin fostna biex huma wkoll jissieħbu f’din iċ-ċelebrazzjoni. Kellmu lil Frankie u Lorietta Buttigieg jekk tixtiequ timxu wara l-istendard tal-pajjiż fejn qegħdin, fil-bidu tal-quddiesa

RADJU LAURETANA

Inkomplu nsegwu l-iskeda tal-festa fuq Radju Lauretana. Dalwaqt titwaħħal mill-ġdid webcam ġdida mal-faċċata tal-knisja għall-benefiċċju ta’ min ma jistax igawdi l-festa magħna, b’mod speċjali l-emigranti.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

Il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, l-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja huma mħeġġa japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali.  Ser ikunu qed jinżammu laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

LOTTERIJA b’risq ir-RADJU

Għinu lir-radju tagħna billi tieħdu sehem f’lotterija li l-premju tagħha huwa tpinġija partikulari tal-istatwa titulari tal-Madonna ta’ Loreto magħmula minn  Miriam Buttigieg. Hija biċċa xogħol li swiet ħafna flus u ħin. Kull biljett jiswa €2. Biljetti mir-radju u mill-Uffiċċju Parrokkjali. Grazzi tal-għajnuna.

GRAZZI

  • Radju Lauretana: Donazzjonijiet u reklami €625
  • Ġabra Festa bieb bieb €3348 u Us$1.
  • Offerta lill-Madonna NN Triq Ħamri €50.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

IBŻA GĦAL SAĦĦTEK! U għal ĦAJTEK!! U ĦAJJET ĦADDIEĦOR… SUQ BIL-GĦAQAL..Ħu ħsieb!!!

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Xuereb joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża ommhom Loreta Xuereb f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha u għal missierhom George fl-anniversarju tal-mewt tiegħu f’Settembru.
  • Lora u l-Familja Zerafa joffru €20 b’suffraġju ta’ Salvinu Zerafa f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fl-10 ta’ Awwissu.
  • Maria Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Grech f’għeluq l-anniversarju mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ Awwissu.
  • Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju ta’ Joe Scicluna f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tiegħu fil-15 ta’ Awwissu u b’suffraġju ta’ ħuh Frankie u ta’ missieru Carmelo Scicluna.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

Bullettin 5 ta’ Awwissu 2017

10 snin Miegħek!

Radju Lauretana 89.3 FM

Is-Sibt 5 ta’ Awwissu huwa l-għaxar anniversaju mit-twaqqif tar-radju tal-komunità parrokkjali tagħna – Radju Lauretana.

Iż-żmien jgħaddi malajr u dak li darba kien ħolma, illum sar parti importanti mill-ħajja tal-parroċċa. Ma’ opri oħra li saru f’dan l-aħħar żmien, Radju Lauretana kien dak il-leħen ħaj li ressaq aktar lill-parroċċa lejn in-nies u viċi versa u ta l-possibilita’ li dak li aħna nagħmlu u niċċelebraw jitwassal dirett mal-erbat irjieħ tad-dinja. Għaliex ir-radju tagħna baqa’ għaddej b’saħħtu? Għax sibna numru sabiħ ta’ voluntiera li ddedikaw tant ħin u enerġija biex iwasslulna tant programmi u xandiriet. Min-naħa l-oħra kien hemm is-semmiegħa li b’kull mod possibli sostnew lill-istazzjon. Kulħadd huwa konxju mill-piż finanzjarju li jġorr stazzjon tar-radju. Bla tlaqliq ngħidu li din l-għajnuna tul dawn l-aħħar għaxar snin ma ġiet nieqsa qatt, anke mill-emigranti tagħna li tant isegwu b’ħerqa u b’nostalġija. F’din l-okkażjoni sabiħa tal-għaxar snin mit-twaqqif ta’ Radju Lauretana, ngħidu grazzi kbira lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu hemm biex il-leħen tar-radju tagħna baqa’ għaddej. Sidtna Marija ta’ Loreto kompli żomm ħares lix-xandara u lis-semmiegħa ħalli flimkien permezz tax-xandir, jersqu dejjem aktar lejn Ibnek Ġesu’ permezz tiegħek. Ad multos annos!

Ser infakkru l-għaxar anniversarju minn meta r-radju tagħna beda jxandar is-Sibt 5 ta’ Awwissu fil-knisja fis-7pm fejn ikollna quddiesa ta’ radd il-ħajr. Wara bibita għall-voluntiera kollha fiċ-Ċentru Parrokkjali. L-iskeda stampata qed titqassam mal-bullettin. Aktar tagħrif www.radjulauretana.com.

Fil-Lejla Marjana li ssir l-Erbgħa 23 ta’ Awwissu nfakkru wkoll dan l-avveniment speċjali fi spirtu ta’ talb.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju – Adorazzjoni – Sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

KATINA TA’ RUŻARJU

It-Tlieta 15 ta’ Awwissu. Dakinhar nirreċitaw ir-rużarju biex ikollna festa sabiħa li tixraq lil Ommna tas-Sema.

TLETT IJIEM TA’ TĦEJJIJA FERRIEĦA GĦALL-FESTA

Għat-Tfal u Adoloxxenti kollha. Niltaqgħu:

L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa 16, 17 u 18 ta’ Awwissu fid-9.00am għal quddiesa animata mit-tfal u l-istudenti stess (kif nagħmlu fin-novena tal-Milied). Ninġabru bi ħġarna.

FESTA FAMILJA – Il-Ħadd ta’ qabel il-festa huwa l-Ħadd li fih niċċelebraw il-familja nisranija u nitolbu għall-familji tagħna. Nistiednu lill-familji kollha għall-quddiesa tal-10.30am fil-knisja parrokkjali b’mod speċjali lill-kopji li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin. Nistiednu wkoll lill-Emigranti li qegħdin fostna biex huma wkoll jissieħbu f’din iċ-ċelebrazzjoni. Dawk l-emigranti li jixtiequ jimxu wara l-istendard tal-pajjiż fejn qegħdin fil-bidu tal-quddiesa jikkuntattjaw lil Frankie u Lorietta Buttigieg.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA – AWWISSU

Inkomplu nkunu ġenerużi meta l-voluntiera jiġu jħabbtu l-bieb għall-offerta tagħna. Tista’ twassal ukoll l-offerta tiegħek fil-ġbir fil-knisja jew fil-letter box tad-Dar Parrokkjali.

Offerti BUKKETTI FJURI  Infakkru li dawk li jixtiequ joffru bukkett fjuri (€20) għall-festa fil-Knisja Parrokkjali jistgħu jagħmlu dan fl-Uffiċċju Parrokkjali.

GĦAJNUNA

  • Għandna bżonn għajnuna biex inġorru xi affarijiet fil-knisja. Kellmu lill-Arċipriet.
  • Għandna bżonn ukoll għajnuna fit-tħejjija tal-armar fi Triq Ħamri biex imbagħad l-Għaqda tal-Armar tkun tista’ tarma l-pavaljuni f’din it-triq. Kellmu lil Loretu Debattista.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 5 ta’ Awwissu fit-3.30pm rużarju u quddiesa fil-Knisja l-Qadima. Adorazzjoni: 8.30am – 12.30pm

GĦALL-ĠID TIEGĦEK

Żomm nadif kullimkien! U Kollox!!! L-ambjent a’ madwarna, it-toroq u x-xtajtiet tagħna… u fuq kollox KLIEMNA! … ĦSIBIJIETNA… u ĦARSITNA!

Ħu ħsieb!!!

GRAZZI

  • Carmen Scicluna: $150 għal Radju Lauretana
  • Miriam Buttigieg li għamlet ġmiel ta’ diamond painting tal-Madonna ta’ Loreto biex tkun il-premju f’lotterija għar-radju.
  • NN Offerta għas-sagristiji €1000.
  • Loreta Magro: Offerta lil Madonna – €100.

GĦOTI TAD-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 6 t’Awwissu ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

TOMBLA It-Tlieta 8 ta’ Awissu 2017 ser issir tombla fil-parking tal-kunvent ta’ Sant Antnin fis-7.30pm għall-festa. Min irid trasport iċempel 99448921.

ĠABRA EXTRA TAL-BORŻA S-SEWDA

Wara li l-Kunsill Lokali rċieva diversi lmenti dwar il-ħtieġa tal-ġbir tal-borża s-sewda speċjalment għax-xhur tas-sajf, ġie deċiż li għax-xhur ta’ Awwissu u Settembru BISS, ser tibda ssir ġabra oħra tal-borża s-sewda kull nhar ta’ Sibt fid-9am. Importanti ħafna li ma jinħariġx skart wara dan il-ħin. Min jinqabad joħroġ l-iskart barra l-ħin stipulat ser jeħel multi kbar. Il-ġbir l-ieħor ser jibqa’ jsir fl-istess ġranet u ħiniijet.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Loreta Magro toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għażiża Maria Galea f’għeluq id-9 snin mill-mewt tagħħa l-4 ta’ Awwissu u għal Frans Magro f’għeluq it-28 sena mill-mewt tiegħu u Belin Magro u Marcella u Joseph Magro.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish