Bullettin 5 ta’ Awwissu 2017

10 snin Miegħek!

Radju Lauretana 89.3 FM

Is-Sibt 5 ta’ Awwissu huwa l-għaxar anniversaju mit-twaqqif tar-radju tal-komunità parrokkjali tagħna – Radju Lauretana.

Iż-żmien jgħaddi malajr u dak li darba kien ħolma, illum sar parti importanti mill-ħajja tal-parroċċa. Ma’ opri oħra li saru f’dan l-aħħar żmien, Radju Lauretana kien dak il-leħen ħaj li ressaq aktar lill-parroċċa lejn in-nies u viċi versa u ta l-possibilita’ li dak li aħna nagħmlu u niċċelebraw jitwassal dirett mal-erbat irjieħ tad-dinja. Għaliex ir-radju tagħna baqa’ għaddej b’saħħtu? Għax sibna numru sabiħ ta’ voluntiera li ddedikaw tant ħin u enerġija biex iwasslulna tant programmi u xandiriet. Min-naħa l-oħra kien hemm is-semmiegħa li b’kull mod possibli sostnew lill-istazzjon. Kulħadd huwa konxju mill-piż finanzjarju li jġorr stazzjon tar-radju. Bla tlaqliq ngħidu li din l-għajnuna tul dawn l-aħħar għaxar snin ma ġiet nieqsa qatt, anke mill-emigranti tagħna li tant isegwu b’ħerqa u b’nostalġija. F’din l-okkażjoni sabiħa tal-għaxar snin mit-twaqqif ta’ Radju Lauretana, ngħidu grazzi kbira lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu hemm biex il-leħen tar-radju tagħna baqa’ għaddej. Sidtna Marija ta’ Loreto kompli żomm ħares lix-xandara u lis-semmiegħa ħalli flimkien permezz tax-xandir, jersqu dejjem aktar lejn Ibnek Ġesu’ permezz tiegħek. Ad multos annos!

Ser infakkru l-għaxar anniversarju minn meta r-radju tagħna beda jxandar is-Sibt 5 ta’ Awwissu fil-knisja fis-7pm fejn ikollna quddiesa ta’ radd il-ħajr. Wara bibita għall-voluntiera kollha fiċ-Ċentru Parrokkjali. L-iskeda stampata qed titqassam mal-bullettin. Aktar tagħrif www.radjulauretana.com.

Fil-Lejla Marjana li ssir l-Erbgħa 23 ta’ Awwissu nfakkru wkoll dan l-avveniment speċjali fi spirtu ta’ talb.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

Kull nhar ta’ Sibt: Ngħidu r-Rużarju – Adorazzjoni – Sehem fil-Quddiesa, fejn possibbli filgħaxija.

KATINA TA’ RUŻARJU

It-Tlieta 15 ta’ Awwissu. Dakinhar nirreċitaw ir-rużarju biex ikollna festa sabiħa li tixraq lil Ommna tas-Sema.

TLETT IJIEM TA’ TĦEJJIJA FERRIEĦA GĦALL-FESTA

Għat-Tfal u Adoloxxenti kollha. Niltaqgħu:

L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa 16, 17 u 18 ta’ Awwissu fid-9.00am għal quddiesa animata mit-tfal u l-istudenti stess (kif nagħmlu fin-novena tal-Milied). Ninġabru bi ħġarna.

FESTA FAMILJA – Il-Ħadd ta’ qabel il-festa huwa l-Ħadd li fih niċċelebraw il-familja nisranija u nitolbu għall-familji tagħna. Nistiednu lill-familji kollha għall-quddiesa tal-10.30am fil-knisja parrokkjali b’mod speċjali lill-kopji li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin. Nistiednu wkoll lill-Emigranti li qegħdin fostna biex huma wkoll jissieħbu f’din iċ-ċelebrazzjoni. Dawk l-emigranti li jixtiequ jimxu wara l-istendard tal-pajjiż fejn qegħdin fil-bidu tal-quddiesa jikkuntattjaw lil Frankie u Lorietta Buttigieg.

ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA – AWWISSU

Inkomplu nkunu ġenerużi meta l-voluntiera jiġu jħabbtu l-bieb għall-offerta tagħna. Tista’ twassal ukoll l-offerta tiegħek fil-ġbir fil-knisja jew fil-letter box tad-Dar Parrokkjali.

Offerti BUKKETTI FJURI  Infakkru li dawk li jixtiequ joffru bukkett fjuri (€20) għall-festa fil-Knisja Parrokkjali jistgħu jagħmlu dan fl-Uffiċċju Parrokkjali.

GĦAJNUNA

  • Għandna bżonn għajnuna biex inġorru xi affarijiet fil-knisja. Kellmu lill-Arċipriet.
  • Għandna bżonn ukoll għajnuna fit-tħejjija tal-armar fi Triq Ħamri biex imbagħad l-Għaqda tal-Armar tkun tista’ tarma l-pavaljuni f’din it-triq. Kellmu lil Loretu Debattista.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 5 ta’ Awwissu fit-3.30pm rużarju u quddiesa fil-Knisja l-Qadima. Adorazzjoni: 8.30am – 12.30pm

GĦALL-ĠID TIEGĦEK

Żomm nadif kullimkien! U Kollox!!! L-ambjent a’ madwarna, it-toroq u x-xtajtiet tagħna… u fuq kollox KLIEMNA! … ĦSIBIJIETNA… u ĦARSITNA!

Ħu ħsieb!!!

GRAZZI

  • Carmen Scicluna: $150 għal Radju Lauretana
  • Miriam Buttigieg li għamlet ġmiel ta’ diamond painting tal-Madonna ta’ Loreto biex tkun il-premju f’lotterija għar-radju.
  • NN Offerta għas-sagristiji €1000.
  • Loreta Magro: Offerta lil Madonna – €100.

GĦOTI TAD-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 6 t’Awwissu ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

TOMBLA It-Tlieta 8 ta’ Awissu 2017 ser issir tombla fil-parking tal-kunvent ta’ Sant Antnin fis-7.30pm għall-festa. Min irid trasport iċempel 99448921.

ĠABRA EXTRA TAL-BORŻA S-SEWDA

Wara li l-Kunsill Lokali rċieva diversi lmenti dwar il-ħtieġa tal-ġbir tal-borża s-sewda speċjalment għax-xhur tas-sajf, ġie deċiż li għax-xhur ta’ Awwissu u Settembru BISS, ser tibda ssir ġabra oħra tal-borża s-sewda kull nhar ta’ Sibt fid-9am. Importanti ħafna li ma jinħariġx skart wara dan il-ħin. Min jinqabad joħroġ l-iskart barra l-ħin stipulat ser jeħel multi kbar. Il-ġbir l-ieħor ser jibqa’ jsir fl-istess ġranet u ħiniijet.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Loreta Magro toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għażiża Maria Galea f’għeluq id-9 snin mill-mewt tagħħa l-4 ta’ Awwissu u għal Frans Magro f’għeluq it-28 sena mill-mewt tiegħu u Belin Magro u Marcella u Joseph Magro.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish