Bullettin 12 ta’ Awwissu 2017

FESTA LAWRETANA 2017

Wara tant preparamenti u tħejjijiet, nistgħu ngħidu li l-festa waslet. Din is-sena, il-programm tal-festa jibda l-Erbgħa 16 ta’ Awwissu permezz tal-quddiesa tad-9am.

Il-festa fiha ħafna elementi li kollha flimkien isawru l-festa kif nafuha aħna. L-importanti pero’ huwa li ma nintilfux fuq it-tlellix u nitilfu l-essenzjal. Aħna qed niċċelebraw festa reliġjuża. Qegħdin niċċelebraw lill-Madonna ta’ Loreto. U għalhekk il-funzjonijiet li jsiru fil-knisja għandhom jingħataw l-akbar importanza. Is-sehem tagħna fil-liturġija huwa meħtieġ u importanti. Ser ikunu ħafna dawk l-okkażjonijiet fejn ser inkunu mistiedna nersqu għas-sagramenti tal-qrar u tat-tqarbin. Ma nħallux il-festa tgħaddi mingħajr ma nqerru u nitqarbnu.

Ejjew flimkien ngħixu l-festa li ġejja bħala esperjenza sabiħa li tqarribna lejn xulxin bħala komunita’ parrokkjali u lejn il-Mulej Ġesu’ permezz ta’ Sidtna Marija ta’ Loreto.

TIFKIRA TAL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA PARROKKJALI

Il-Ħadd 13 ta’ Awwissu ser inkunu nfakkru il-128 Anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali tagħna. NIFTAKRU kemm ħadmu u stinkaw missirijietna biex bnew dan it-tempju sabiħ. EJJEW inroddu ħajr lil Alla għal tant u tant ġid li jsir fil-knisja tagħna u NKOMPLU U NTEMMU l-ħolma ta’ dawk ta’ qabilna.

FESTA TA’ SANTA MARIJA

It-Tlieta 15 ta’ Awwissu nirreċitaw ir-rużarju, aktar mis-soltu, biex ikollna festa sabiħa li tixraq lil Ommna tas-Sema. Il-quddies fil-knisja tagħna jkun bħal tal-Ħadd.

VELJA F’TA’ PINU

It-Tnejn 14 ta’ Awwissu. Ikollna trasport mill-Pjazza fis-7.30pm.

TOMBLA B’RISQ IL-FESTA nhar it-Tlieta 15 ta’ Awwissu minn nofsinhar ‘il quddiem fiċ-Ċentru Parrokkjali

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend issir l-aħħar Ewro Collection għall-festa ta’ din is-sena. Ejja nagħmlu sforz ġenwin ħalli tkun waħda tajba. Grazzi ta’ kull offerta.

Offerti BUKKETTI FJURI   Komplu għamlu l-offerti tagħkom għall-bukkett tal-festa (€20) fl-Uffiċċju Parrokkjali.

Tistgħu wkoll titfgħu l-offerta tagħkom flimkien mal-isem u n-numru tat-telefon fil-letterbox tal-Uffiċċju.

IL-FESTA TAGĦNA. Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom il-programm tal-festa – tant ċelebrazzjonijiet sbieħ. Għal din is-sena għandna bħala motto

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA

…għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek

Kemm għandna bżonn aktar għaqda… speċjalment ma’ Alla, għaqda li mbagħad twassalna biex inħobbu lilu fuq kollox u lil għajrna bħalna nfusna.

Marija, Omm tagħna, għallimna nħobbu bħalek!!

TLETT IJIEM TA’ TĦEJJIJA FERRIEĦA GĦALL-FESTA

Inħeġġu lit-Tfal u l-Adoloxxenti kollha. Niltaqgħu:

L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa 16, 17 u 18 ta’ Awwissu fid-9.00am għall-quddiesa animata mit-tfal u l-istudenti stess. Din hija xi ħaġa li qed issir għall-ewwel darba. Nemmnu li t-tfal u l-istudenti tagħna jeħtieġ ikunu jafu aktar dwar il-Madonna taħt it-titlu ta’ Loreto u li din ser isservi ta’ preparazzjoni spiritwali għall-festa.Ninġabru bi ħġarna.

IL-FESTA FUQ IT-TELEVIXIN

Għall-ewwel darba f’Għawdex, il-festa tagħna ser tixxandar dirett fuq XEJK TV mit-Tnejn sal-Ħadd. Ix-xandiriet ikunu biss mill-knisja u jinkludu wkoll il-purċissjoni. Dan qed isir mill-Fondazzjoni U bil-kollaborazzjoni ta’ Radju Lauretana. Għandna bżonn żgħażagħ u nies oħra biex jagħtu daqqa t’id minn wara l-cameras. Kellmu lill-Arċipriet.

FESTA FAMILJA

Il-Ħadd 13 ta’ Awwissu nistiednu lill-familji kollha għall-quddiesa tal-10.30am fil-knisja parrokkjali b’mod speċjali lill-kopji li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin.

Nistiednu wkoll lill-Emigranti li qegħdin fostna biex huma wkoll jissieħbu f’din iċ-ċelebrazzjoni. Kellmu lil Frankie u Lorietta Buttigieg jekk tixtiequ timxu wara l-istendard tal-pajjiż fejn qegħdin, fil-bidu tal-quddiesa

RADJU LAURETANA

Inkomplu nsegwu l-iskeda tal-festa fuq Radju Lauretana. Dalwaqt titwaħħal mill-ġdid webcam ġdida mal-faċċata tal-knisja għall-benefiċċju ta’ min ma jistax igawdi l-festa magħna, b’mod speċjali l-emigranti.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

Il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, l-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja huma mħeġġa japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali.  Ser ikunu qed jinżammu laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

LOTTERIJA b’risq ir-RADJU

Għinu lir-radju tagħna billi tieħdu sehem f’lotterija li l-premju tagħha huwa tpinġija partikulari tal-istatwa titulari tal-Madonna ta’ Loreto magħmula minn  Miriam Buttigieg. Hija biċċa xogħol li swiet ħafna flus u ħin. Kull biljett jiswa €2. Biljetti mir-radju u mill-Uffiċċju Parrokkjali. Grazzi tal-għajnuna.

GRAZZI

  • Radju Lauretana: Donazzjonijiet u reklami €625
  • Ġabra Festa bieb bieb €3348 u Us$1.
  • Offerta lill-Madonna NN Triq Ħamri €50.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

IBŻA GĦAL SAĦĦTEK! U għal ĦAJTEK!! U ĦAJJET ĦADDIEĦOR… SUQ BIL-GĦAQAL..Ħu ħsieb!!!

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Xuereb joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża ommhom Loreta Xuereb f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha u għal missierhom George fl-anniversarju tal-mewt tiegħu f’Settembru.
  • Lora u l-Familja Zerafa joffru €20 b’suffraġju ta’ Salvinu Zerafa f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fl-10 ta’ Awwissu.
  • Maria Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Grech f’għeluq l-anniversarju mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ Awwissu.
  • Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju ta’ Joe Scicluna f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tiegħu fil-15 ta’ Awwissu u b’suffraġju ta’ ħuh Frankie u ta’ missieru Carmelo Scicluna.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish