Monthly Archives: September 2017

Bullettin 30 ta’ Settembru 2017

Is-26 Ħadd Matul is-Sena

IL-PUBBLIKANI U N-NISA TAT-TRIQ QABILKOM

Kontra l-faċċoliżmu!

Ġesù jridna ngħixu l-fidi tagħna b’mod ġenwin.

Iridna nuru l-awtentiċità tal-fidi tagħna fid-diskors u fl-għemil tagħna.  Alla jrid is-sinċerità tal-qalb tagħna u għalhekk importanti li lkoll kemm aħna nagħrfu nixmu bis-sinċerità ma’ Alla u mal-bnedmin.  Quddiem dinja li tipprietka l-gideb u tifga l-verità, il-ħajja tan-nisrani trid tkun waħda awtentika, li minnha nfisha tagħti xhieda u xxandar il-verità.

Fit-Tieni Qari tal-lum, għandna appell minn San Pawl biex l-nkunu qalb waħda u ruħ waħda u nħobbu lil Kristu b’qalb umli.

Alla jrid il-bidla tal-qalb.

  • Kemm-il darba fil-ħajja tagħna lill-Mulej ngħidulu iva u wara nagħmlu ta’ rasna?
  • Kemm tassew ir-reliġjon tagħna mmewtuha meta l-fidi tagħna ssir biss riti u tradizzjonijiet b’mod li l-qalb ma tirrispondix għas-sejħa ta’ Alla?
  • Kemm-il darba ħassejt il-ferħ tal-midneb li jerġà lura minn dnubietu?  Kemm qed ngħixu bil-ferħ is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni?
  • Kemm qed nemmnu t-tagħlim tal-Knisja, u kemm nafu dan it-tagħlim biex nifhmu r-rieda ta’ Alla fuqna?

Mulej, għallimni ngħix mingħajr ipokresija,

u mingħajr tidwir,  il-fidi tiegħi

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…

Ressaqna lejn il-Maħfra

FESTA SAN FRANĠISK

… matul din il-ġimgħa fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani.

PASTA NIGHT u TOMBLA fiċ-Ċentru Sant’Antnin is-Sibt 7 ta’ Ottubru fis-6.45pm.Kbar €12, żgħar €5 Booking mis-sagristija jew 79202172 sal-Ħamis 5 ta’ Ottubru.

LAQGĦAT TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Fergħa tal-irġiel:  Mit-Tnejn 2 ta’ Ottubru wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Nistiednu aktar irġiel biex jieħdu dan l-impenn sabiħ.

Ix-Xahar t’OTTUBRU

…NGĦIDU RUŻARJU

Kuljum fil-5.30pm quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja Parrokkjali… stedina miftuħa lil kulħadd!

Nhar ta’ Tlieta fil-5pm – Pjazza Tolfa.

Nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm – Triq il-Qigħan.

…NIBDEW il-KATEKIŻMU

ĊENTRU PARROKKJALI:

Years 1 sa 3: skont kif ġa nfurmati fil-gruppi.

QASAM MUSEUM SUBIEN:

Years 4,5 u 6 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fil-5.15pm.

Form 1 ‘il fuq:It-Tnejn,it-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa fis-6.45pm.

QASAM MUSEUM BNIET.

Years 4 u 5 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fl-4.30pm.

Year 6 u FORM 1 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fl-5.15pm

FORM 2 – Il-Ħamis fil-5.15pm.

L-ARLOĠĠI… DIN IL-ĠIMGĦA JSIBU POSTHOM FIL-KAMPNAR

SIMBOLI FLOK NUMRI

… ikomplu jagħmlu minn dan l-arloġġ opra unika fil-gżira tagħna.

NINGĦAQDU MAS-SORIJIET AGOSTINJANI

Niċċelebraw il-Venerabilità tal-Fundatriċi tagħhom M. Teresa Spinelli.

Is-Sibt 7 t’ Ottubru – 6.00pm Quddiesa mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech fil-Knisja Parrokkjali tagħna.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR

IMPORTANTI Il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja l-Qadima minħabba li dakinhar ser ikunu jittellgħu l-arloġġi fil-knisja parrokkjali. L-adorazzjoni tkun mit-8.30 sal-5pm.

Is-Sibt 7 ta’ Ottubru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4pm rużarju.

– – – – – – – – – – – – – – –

FESTA TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU

Il-ĦADD 15 ta’ OTTUBRU Tkun b’radd il-ħajr lil Alla wara x-xogħol fuq il-proġett tal-arloġġi.

Is-Sibt 14 ta’ Ottubru l-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tkun mit-8.30am sad-9pm.

QUDDIESA TA’ RADD IL-ĦAJR

F’għeluq ir-raba’ sena mit-twaqqif tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex – Sezzjoni Għajnsielem ser tiġi ċċelebrata quddiesa l-Erbgħa 4 t’Ottubru fil-Knisja Parrokkjali fis-6pm. Kulħadd mistieden.

MILL-UFFIĊĊJU TAL-ANZJANI

Il-korsijiet tal-Università tat-Tielet Età ser jibdew mill-Ġimgħa, 13 t’Ottubru fl- Università x-Xewkija. Applikazzjonijiet u aktar informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Anzjani, Pjazza San Franġisk ir-Rabat (22156626) jew mill-Kunsill Lokali. Trasport ikun provdut.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Sunta Bugeja toffri €20 b’suffraġju ta’ żewgha Toni f’għeluq it-3 snin mill-mewt tiegħu fid-29 ta’ Settembru.
  • Carmela Rapa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewgha Carmel Rapa f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tiegħu fit-28 ta’ Settembru.

 

Bullettin 23 ta’ Settembru 2017

Il-25 Ħadd Matul is-Sena

IL-ĠUSTIZZJA TAL-MULEJ

TAL-AĦĦAR JIĠU L-EWWEL,

          …U TAL-EWWEL JIĠU L-AĦĦAR

Il-Mulej isejjaħ f’ħinijiet diversi u jħallas l-istess paga.

Tidher inġustizzja kbira mad-daqqa t’għajn.  Iżda propju minn dan il-Vanġelu toħroġ il-ġustizzja kbira ta’ Alla.  Alla jħares dak li jwiegħed u lill-ħaddiema kollha tahom dak li wegħidhom.  Kien hemm tgergir u tgemgim bħalma kien għamel ħu l-iben il-ħali meta ġie lura u missieru għamel festa lil ħuħ li kien berbaqlu flusu man-nisa tat-triq.  Ħafna drabi aħna nagħmlu l-istess.  Ma nifhmux u ma narawx il-ħniena kbira li Alla għandu għall-midinbin.  U ħafna drabi nippretendu li niġġudikaw aħna, aħna li xi drabi ma nindunawx bit-travu li għandna f’għajnejna.

  • Ħafna drabi moħħna biex niġġudikaw lil ħaddieħor. Irridu nifhmu li l-Mulej ma jimxix kif naħsbu aħna.
  • Il-ħniena tal-Mulej hija infinita u għalhekk importanti li nħallu lill-Mulej imexxina hu.
  • Aktar milli nkunu pronti li niġġudikaw fin-negattiv lil ħaddieħor, huwa importanti li ngħinu lil ħaddieħor.
  • Hemm bżonn niftħu qalbna beraħ għall-imħabba ta’ Kristu.

Mulej, għallimni nifhem aktar imħabbtek

u ma niġġudikax lil ta’ madwari.

NIBDEW IL-KATEKIŻMU

Erġajna wasalna għal sena kateketika oħra.

QUDDIESA TAL-BIDU nhar il-Ġimgħa li ġejja 29 ta’ Settembru fis-6pm. Niltaqgħu l-knisja parrokkjali – tfal (minn Year 1 sa 7), ġenituri u katekisti. F’din il-quddiesa jingħata l-mandat lill-katekisti kollha għal din is-sena flimkien ma’ informazzjoni oħra mportanti għat-tfal u ġenituri.

LAQGĦA GĦALL-ĠENITURI TFAL YEAR 1 – Nhar il-Ħamis li ġej 28 ta’ Settembru fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija… Erfgħalna ħsibijietna lejn Alla

LURA LEJN L-ISKOLA

It-Tnejn 25 ta’ Settembru t-tfal u l-istudenti jirritornaw lura lejn l-iskola wara l-vaganzi tas-sajf. NIBDEW bil-quddiesa fid-9am fil-knisja li fiha t-tfal iġibu l-basktijiet tal-iskola u jsir it-tberik. Il-ġenituri mistiedna.

Għal matul is-sena, inħeġġu lit-tfal li jattendu l-iskola primarja tagħna biex, flimkien mal-ġenituri, jattendu għall-quddiesa tat-7.45am.

ĦIN TAL-QUDDIES

Mill-25 ta’ Settembru l-quddiesa ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt tkun fis-6pm.

Mill-1 ta’ Ottubru l-quddies tal-Ħadd ikun fis-6, 8 u 10am u filgħaxija fil-5pm. Il-bqija  jibqa’ kollox l-istess.

IL-HOSPICE MALTA toffri servizzi ta’ kura palljattiva lil-persuni morda bil-kanċer, motor neuron disease u mard serju ieħor mingħajr ħlas. Fil-quddies ta’ dal-weekend se jkollna magħna voluntiera biex ikellmuna dwar dawn is-servizzi, joffrulna rikordju tal-World Hospice and Palliative Care Week u jilqgħu xi donazzjonijiet. Nagħmlu tagħna wkoll dan l-impenn u ngħinu minn qalbna.

LAQGĦAT TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Fergħa tan-nisa jibdew il-Ħamis 28 ta’ Settembru, fit-8.15am. Fergħa tal-irġiel it-Tnejn 2 ta’ Ottubru wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

LAQGĦA GĦALL-ĠID TA’ WLIEDNA

bis-suġġett: Ngħinu lit-tfal ikollhom karattru sod fl-Istitut tal-Familja r-Rabat, il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru mis-6.00pm sa 7.30pm  minn Dun Anton Teuma.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

NIBDEW IS-SIBT 23 ta’ Settembru FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI TAGĦNA FIS-7.30pm.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Sib ħin mal-ġurnata li fih tgawdi l-libertà mill-mobile, tablet, ecc.                           Ipprova mqar għal ftit ħin u tara kemm tħossok aħjar wara!!!!!

IX-XOGĦOL FUQ L-ARLOĠĠI – SAN MATTEW       

           L-ARLOĠĠ TAL-FAĊĊATA

Il-wiċċ tal-arloġġ li ser ikun fil-faċċata tal-knisja ser ikun jirrappreżenta lill-Evanġelista San Mattew li huwa dejjem raffigurat permezz ta’ Anġlu. L-element mill-qedem huwa l-arja li hija ppreżentata permezz ta’ mewġa ttir fuq ras l-anġlu. Il-kulur huwa vjola jagħti fir-roża magħmul minn ħġieg maħdum apposta biex ikun ta’ dan il-kulur u oħxon 20mm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 26 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm: 1:00pm – 5:00pm.

GRAZZI:

Lil dawk il-voluntiera li f’dawn il-ġranet għenu fit-tindif ta’ fuq il-bejt tal-knisja.

Offerta għall-knisja:Kelina Sultana Aus$200(bi żvista dehret differenti fl-aħħar bullettin).

Lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom għar-rivista Għajnsielem – €253.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

 

Bullettin 16 ta’ Settembru 2017

L-24 Ħadd Matul is-Sena

KEMM SE NDUM NAĦFER?

MA NGĦIDLIKX SA SEBA’ DARBIET, IMMA SA SEBGĦA U SEBGĦIN DARBA

Min jaf kemm-il darba staqsejna din id-domanda:  imma kemm se ndum naħfer, kemm se ndum naqla’ ġo fija?  Hija karba komuni ta’ nies li ħafna drabi ħassew li jkunu qed jagħmlu l-isforz ġenwin biex jaħfru u biex ikunu jgħixu l-ħajja tagħhom nisranija.  Ġesù llum fil-Vanġelu jagħtina l-faraġ u l-kuraġġ biex inkomplu naħfru mingħajr limitu. Ġesù jkompli jenfasizza li rridu naħfru minn qalbna.  Mhux ngħidu naħfer iva u ninsa le.  Irridu naħfru mingħajr limiti.  Diffiċli?  Iżda l-ħajja nisranija mhix faċli.  L-eżempju tagħna huwa Kristu Msallab li ġie maqtul għax ġie biex jagħmel il-ġid.

Fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, naraw li min irid jimxi fuq il-liġi ta’ Alla ma jistax jimxi fuq il-liġi “għajn b’għajn u sinna b’sinna”.  Is-Salm ifakkarna kemm tassew il-Mulej huwa ħanin u ta’ qalb tajba.

San Pawl,  jeżortana biex nirrispettaw id-drawwiet ta’ xulxin u fuq kollox li jagħtu l-ġieħ lil Kristu fl-azzjonijiet tagħhom.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna l-parabbola tal-qaddej li lilu ġiet maħfura piena iżda huwa ma ħafirx.

  • Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. Kemm aħna lesti li nkomplu naħfru?
  • F’ħajjitna nsellmu biss lil min isellem lilna u jaqbel magħna?

Inħarsu lejn Kristu Msallab fil-mumenti tar-rabja u tal-azzjonijiet ħżiena li nirċievu.  Hu jagħtina risposta mill-ewwel.

  Mulej għallimni naħfer mingħajr kundizzjoni.

  Rattab il-qalb tiegħi.

 TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 23 ta’ Settembru, 2017 fis-7.00pm fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

GRAZZI Għall-knisja: NN Awstralja Aus$500. Kelina Sultana Aus$100

L-EWWEL MINN 4 FAĊĊATI FOSTNA

IX-XOGĦOL FUQ L-ARLOĠĠI

Diġa għandna fostna l-ewwel mill-erba’ faċċati tal-arloġġ. Din tirrappreżenta lill-Evanġelista San Mark permezz tas-simbolu tiegħu li huwa l-iljun bil-ġwienaħ ta’ anġlu. Fuq ras l-iljun hemm fjamma li tfisser in-nar – wieħed mill-erba’ elementi li d-dinja antika kienet tqis bħala qawwa li tmexxi d-dinja. Il-ħġieg oħxon 20mm u l-irħam abjad 30mm jagħmlu minn dawn l-uċuħ opra  unika fl-istil u fl-għamla.Bil-lejl dawn is-simboli jkunu jixegħlu. Bejn it-3 u l-10 ta’ Ottubru li ġej se jkollna fostna l-ħaddiema tal-kumpanija tal-qniepen Cornille-Havard ta’ Franza biex iwaħħlu dawn l-arloġġi f’posthom fil-kampnar.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK… Ara wliedek adoloxxenti fejn u ma’ min ikunu. Nippreparaw biex l-adoloxxenti tagħna jattendu għal-laqgħat għalihom.

 Fil-Kenn ta’ Darek Marija… Erfgħalna ħsibijietna lejn Alla

LAQGĦAT TAL-AZZJONI KATTOLIKA: Il-laqgħat tal-fergħa tan-nisa jibdew il-Ħamis 28 ta’ Settembru, fit-8.15am. Dawk tal-irġiel it-Tnejn 2 ta’ Ottubru wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

NERĠGĦU NFAKKRU lil dawk il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, il-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja, huma mħeġġa japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali.

IL-LAQGĦAT FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI TAGĦNA SER JIBDEW IS-SIBT 23 TA’ SETTEMBRU-7.30pm  Ser isiru laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

Laqgħat bl-Ingliż.  Wara li fis-snin l-imgħoddija ġieli kien hemm talbiet minn koppji għarajjes għal-laqgħat ta’ preparazzjoni għaż-żwieġ bil-lingwa Ingliża, din is-sena ser jiġi offrut dan is-servizz.  Il-laqgħat ser jinżammu kull ħmistax, nhar ta’ Ġimgħa, fis-7pm, fl-Istitut tal-Familja.  L-ewwel laqgħa hi ppjanata li ssir nhar il-Gimgħa 6 ta’ Ottubru.

LAQGĦA NTERESSANTI GĦALL-ĠID TA’ WLIEDNA

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: Ngħinu lit-tfal ikollhom karattru sod. Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru bejn is-6.00pm u s-7.30pm u ser titmexxa minn Dun Anton Teuma.  Mistednin il-ġenituri u carers tat-tfal kollha.  Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 17 ta’ Settembru se jkun miftuħ għall-għoti tad-demm mit-8:00am sal-1:00pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • RIta Muscat toffri €20 b’suffraġju ta’ Menu, Loreta u Philip Grima f’għeluq is-snin mill-mewt tagħhom.
  • Maria Vella toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Susanna cassar Azzopardi f’għeluq is-snin mill-mewt tagħha.

 

Bullettin 2 ta’ Settembru 2017

It-22 Ħadd Matul is-Sena

ERFA’ S-SALIB WARAJK

Is-Salib kulħadd jibża’ minnu.  Kulħadd jaħarbu.  Huwa skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.  Għalina jgħidu li huwa s-sinjal tar-rebħa.

Kif jista’ salib ikun ir-rebħa tiegħek?  Kif jista’ Ġesù msallab b’mod inġust juri r-rebħa fuq il-ħażen u jkun sinjal kontinwu għalina?  Fil-misteru tas-Salib tinsab ir-rebħa tagħna anki fuq id-dwejjaq u t-toqol tal-ħajja ta’ kuljum…  Dan id-diskors jidher bla sens sakemm wieħed ma jgħixux.  Xi kultant  kelli ċans li mmur inżur jew inqarben xi anzjan jew xi ħadd marid b’kanċer.  Tmur mingħalik se tikkonsla lil xi ħadd u toħroġ aktar ikkonslat inti meta l-persuna li tmur iżżur tkun tant aċċettat is-salib tagħha.  Sfortunatament aħna l-Maltin aktar nilħqu  salib xulxin milli ngħinu lil xulxin inġorru s-salib.  Is-Salib huwa l-qabża ta’ kwalità għan-nisrani.

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, hu stqarrija ta’ Ġeremeija dwar il-missjoni tiegħu bħala profeta.  Ġeremija obda lil Alla u beda jxandar, iżda n-nies ma laqgħuhx.  Minkejja l-persekuzzjoni huwa baqa’ jxandar.

Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 62, hu għanja ta’ talba lil Alla – GĦALIK GĦATXANA RUĦI, Mulej Alla tiegħi.

It-Tieni  Qari tal-lum, meħud minn San Pawl lir-Rumani, itenni li fil-ħniena tiegħu Alla seħibna fis-sagrifiċċju ta’ Ibnu Ġesù.

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, bis-silta tal-lum, Ġesù juri xi kwalità ta’ Messija kien tabilħaqq.  Wera wkoll il-missjoni tas-segwaċi ta’ Kristu.

  • Fil-Ħajja tagħna rridu naċċettaw Messija wieħed – ĠESÙ KRISTU.
  • Irridu naċċettaw kemm il-missjoni tiegħu kif ukoll dik li ta lilna.
  • Jekk xi ħadd irid jimxi warajja… x’se tagħmel?  Qed terfa’ s-Salib tiegħek?
  • Mingħajr sagrifċċju l-ħajja mhix sabiħa.

Mulej, għinni naċċetta s-salib tiegħi

u nerfgħu bil-għajnuna tiegħek.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…

għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek!

Wara l-FESTA

OMMNA MARIJA TA’ LORETO 2017

GRAZZI MILL-QALB LIL KULĦADD.

GRAZZI GĦALL-OFFERTI

  • Ġabra waqt il-Purċissjoni €2147, Us$500 u Aus$50.
  • €2000 għall-ġebel il-kbir tas-sagristiji mingħand persuna li diġa kienet tat €15,000.
  • NN €500 għas-Sagristiji.
  • Donazzjonijiet fil-kaxxa tal-Wirja ta’ Frankie u Lorietta Buttigieg fid-Dar Parrokkjali – €60.

RADJU LAURETANA

Id-direzzjoni tixtieq tirringrazzja lil kulħadd tas-sapport u l-għajnuna matul l-iskeda tal-festa ta’ din is-sena. Bl-għajnuna ta’ Alla, l-iskeda tal-Milied tibda l-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.

– GRAZZI  Donazzjonijiet fl-aħħar ġimgħa: €1,116.45 u $Aus100.   Emigranti: Kelina Sultana (Australia) Lauren Xuereb (UK) Marlene Rapa, Simon Sultana, Jonathan Curmi (USA)   – KWADRU TAL-MADONNA Ir-rebbieħa fost il-benefatturi ta’ Radjulauretana hija Edera Nugent bin-numru 134 kulur roza. Nifirħulha.

B’RINGRAZZJAMENT GĦALL-FESTA

… NAGĦTU D-DEMM

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jistiednek biex nhar Il-Ħadd 3 ta’ Settembru bejn it-8:00am u s-1:00pm tersaq u tagħti d-demm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. STEDINA SPEĊJALI LILNA TA’ GĦAJNSIELEM biex nagħtu d-demm b’ringrazzjament tal-festa li għaddiet. Ħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll!!!

FESTA TA’ SANT’ANTNIN

Il-festa f’ġieh il-qaddis tibda s-Sibt 2 ta’ Settembru u tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd 10 ta’ Settembru, Jum il-Festa. Ma’ dan il-bullettin qed jitqassam ukoll il-programm. Insegwuh kollu u nieħdu sehem sħiħ.

FESTA TAT-TWELID TAL-VERĠNI MARIJA

Il-Ġimgħa 8 ta’ Settembru niċċelebraw it-twelid tal-Verġni Mbierka Marija. Il-ħin tal-quddies fil-parroċċa tagħna jkun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

Infakkru lil dawk il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, il-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja, huma mħeġġa japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali.  Ser isiru laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

APPLIKAZZJONIJIET MILL-UFFIĊĊJU PARROKKJALI

BIDU TAL-KATEKIŻMU TAT-TFAL

Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li ser ikunu Year 1 fis-sena skolastika li jmiss huma mistiedna jiktbu lit-tfal tagħhom biex, bl-għajnuna t’Alla, jibdew il-katekiżmu f’Ottubru li ġej. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali. Il-ġenituri tat-tfal li ser ikunu Year 2 u 3 ser jiġu mgħarrfa personalment dwar il-ġranet u l-ħinijiet tal-laqgħat tal-katekiżmu tat-tfal tagħhom.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Id-Dekor, id-Dixxiplina u d-Dinjità huma 3 valuri li kontinwament trid tkun attent/a għalihom u taħdem biex iżżommhom – b’ġid għalik stess  u għall-oħrajn …Ħu ħsieb!!!

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Manwela Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Ġanni Azzopardi f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tiegħu fil-5 ta’ Settembru.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish