Bullettin 2 ta’ Settembru 2017

It-22 Ħadd Matul is-Sena

ERFA’ S-SALIB WARAJK

Is-Salib kulħadd jibża’ minnu.  Kulħadd jaħarbu.  Huwa skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.  Għalina jgħidu li huwa s-sinjal tar-rebħa.

Kif jista’ salib ikun ir-rebħa tiegħek?  Kif jista’ Ġesù msallab b’mod inġust juri r-rebħa fuq il-ħażen u jkun sinjal kontinwu għalina?  Fil-misteru tas-Salib tinsab ir-rebħa tagħna anki fuq id-dwejjaq u t-toqol tal-ħajja ta’ kuljum…  Dan id-diskors jidher bla sens sakemm wieħed ma jgħixux.  Xi kultant  kelli ċans li mmur inżur jew inqarben xi anzjan jew xi ħadd marid b’kanċer.  Tmur mingħalik se tikkonsla lil xi ħadd u toħroġ aktar ikkonslat inti meta l-persuna li tmur iżżur tkun tant aċċettat is-salib tagħha.  Sfortunatament aħna l-Maltin aktar nilħqu  salib xulxin milli ngħinu lil xulxin inġorru s-salib.  Is-Salib huwa l-qabża ta’ kwalità għan-nisrani.

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, hu stqarrija ta’ Ġeremeija dwar il-missjoni tiegħu bħala profeta.  Ġeremija obda lil Alla u beda jxandar, iżda n-nies ma laqgħuhx.  Minkejja l-persekuzzjoni huwa baqa’ jxandar.

Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 62, hu għanja ta’ talba lil Alla – GĦALIK GĦATXANA RUĦI, Mulej Alla tiegħi.

It-Tieni  Qari tal-lum, meħud minn San Pawl lir-Rumani, itenni li fil-ħniena tiegħu Alla seħibna fis-sagrifiċċju ta’ Ibnu Ġesù.

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, bis-silta tal-lum, Ġesù juri xi kwalità ta’ Messija kien tabilħaqq.  Wera wkoll il-missjoni tas-segwaċi ta’ Kristu.

  • Fil-Ħajja tagħna rridu naċċettaw Messija wieħed – ĠESÙ KRISTU.
  • Irridu naċċettaw kemm il-missjoni tiegħu kif ukoll dik li ta lilna.
  • Jekk xi ħadd irid jimxi warajja… x’se tagħmel?  Qed terfa’ s-Salib tiegħek?
  • Mingħajr sagrifċċju l-ħajja mhix sabiħa.

Mulej, għinni naċċetta s-salib tiegħi

u nerfgħu bil-għajnuna tiegħek.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…

għaqqadna f’familja waħda f’Ibnek!

Wara l-FESTA

OMMNA MARIJA TA’ LORETO 2017

GRAZZI MILL-QALB LIL KULĦADD.

GRAZZI GĦALL-OFFERTI

  • Ġabra waqt il-Purċissjoni €2147, Us$500 u Aus$50.
  • €2000 għall-ġebel il-kbir tas-sagristiji mingħand persuna li diġa kienet tat €15,000.
  • NN €500 għas-Sagristiji.
  • Donazzjonijiet fil-kaxxa tal-Wirja ta’ Frankie u Lorietta Buttigieg fid-Dar Parrokkjali – €60.

RADJU LAURETANA

Id-direzzjoni tixtieq tirringrazzja lil kulħadd tas-sapport u l-għajnuna matul l-iskeda tal-festa ta’ din is-sena. Bl-għajnuna ta’ Alla, l-iskeda tal-Milied tibda l-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.

– GRAZZI  Donazzjonijiet fl-aħħar ġimgħa: €1,116.45 u $Aus100.   Emigranti: Kelina Sultana (Australia) Lauren Xuereb (UK) Marlene Rapa, Simon Sultana, Jonathan Curmi (USA)   – KWADRU TAL-MADONNA Ir-rebbieħa fost il-benefatturi ta’ Radjulauretana hija Edera Nugent bin-numru 134 kulur roza. Nifirħulha.

B’RINGRAZZJAMENT GĦALL-FESTA

… NAGĦTU D-DEMM

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jistiednek biex nhar Il-Ħadd 3 ta’ Settembru bejn it-8:00am u s-1:00pm tersaq u tagħti d-demm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. STEDINA SPEĊJALI LILNA TA’ GĦAJNSIELEM biex nagħtu d-demm b’ringrazzjament tal-festa li għaddiet. Ħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll!!!

FESTA TA’ SANT’ANTNIN

Il-festa f’ġieh il-qaddis tibda s-Sibt 2 ta’ Settembru u tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd 10 ta’ Settembru, Jum il-Festa. Ma’ dan il-bullettin qed jitqassam ukoll il-programm. Insegwuh kollu u nieħdu sehem sħiħ.

FESTA TAT-TWELID TAL-VERĠNI MARIJA

Il-Ġimgħa 8 ta’ Settembru niċċelebraw it-twelid tal-Verġni Mbierka Marija. Il-ħin tal-quddies fil-parroċċa tagħna jkun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

Infakkru lil dawk il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, il-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja, huma mħeġġa japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali.  Ser isiru laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

APPLIKAZZJONIJIET MILL-UFFIĊĊJU PARROKKJALI

BIDU TAL-KATEKIŻMU TAT-TFAL

Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li ser ikunu Year 1 fis-sena skolastika li jmiss huma mistiedna jiktbu lit-tfal tagħhom biex, bl-għajnuna t’Alla, jibdew il-katekiżmu f’Ottubru li ġej. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali. Il-ġenituri tat-tfal li ser ikunu Year 2 u 3 ser jiġu mgħarrfa personalment dwar il-ġranet u l-ħinijiet tal-laqgħat tal-katekiżmu tat-tfal tagħhom.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Id-Dekor, id-Dixxiplina u d-Dinjità huma 3 valuri li kontinwament trid tkun attent/a għalihom u taħdem biex iżżommhom – b’ġid għalik stess  u għall-oħrajn …Ħu ħsieb!!!

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Manwela Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Ġanni Azzopardi f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tiegħu fil-5 ta’ Settembru.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish