Bullettin 16 ta’ Settembru 2017

L-24 Ħadd Matul is-Sena

KEMM SE NDUM NAĦFER?

MA NGĦIDLIKX SA SEBA’ DARBIET, IMMA SA SEBGĦA U SEBGĦIN DARBA

Min jaf kemm-il darba staqsejna din id-domanda:  imma kemm se ndum naħfer, kemm se ndum naqla’ ġo fija?  Hija karba komuni ta’ nies li ħafna drabi ħassew li jkunu qed jagħmlu l-isforz ġenwin biex jaħfru u biex ikunu jgħixu l-ħajja tagħhom nisranija.  Ġesù llum fil-Vanġelu jagħtina l-faraġ u l-kuraġġ biex inkomplu naħfru mingħajr limitu. Ġesù jkompli jenfasizza li rridu naħfru minn qalbna.  Mhux ngħidu naħfer iva u ninsa le.  Irridu naħfru mingħajr limiti.  Diffiċli?  Iżda l-ħajja nisranija mhix faċli.  L-eżempju tagħna huwa Kristu Msallab li ġie maqtul għax ġie biex jagħmel il-ġid.

Fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, naraw li min irid jimxi fuq il-liġi ta’ Alla ma jistax jimxi fuq il-liġi “għajn b’għajn u sinna b’sinna”.  Is-Salm ifakkarna kemm tassew il-Mulej huwa ħanin u ta’ qalb tajba.

San Pawl,  jeżortana biex nirrispettaw id-drawwiet ta’ xulxin u fuq kollox li jagħtu l-ġieħ lil Kristu fl-azzjonijiet tagħhom.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna l-parabbola tal-qaddej li lilu ġiet maħfura piena iżda huwa ma ħafirx.

  • Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. Kemm aħna lesti li nkomplu naħfru?
  • F’ħajjitna nsellmu biss lil min isellem lilna u jaqbel magħna?

Inħarsu lejn Kristu Msallab fil-mumenti tar-rabja u tal-azzjonijiet ħżiena li nirċievu.  Hu jagħtina risposta mill-ewwel.

  Mulej għallimni naħfer mingħajr kundizzjoni.

  Rattab il-qalb tiegħi.

 TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 23 ta’ Settembru, 2017 fis-7.00pm fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

GRAZZI Għall-knisja: NN Awstralja Aus$500. Kelina Sultana Aus$100

L-EWWEL MINN 4 FAĊĊATI FOSTNA

IX-XOGĦOL FUQ L-ARLOĠĠI

Diġa għandna fostna l-ewwel mill-erba’ faċċati tal-arloġġ. Din tirrappreżenta lill-Evanġelista San Mark permezz tas-simbolu tiegħu li huwa l-iljun bil-ġwienaħ ta’ anġlu. Fuq ras l-iljun hemm fjamma li tfisser in-nar – wieħed mill-erba’ elementi li d-dinja antika kienet tqis bħala qawwa li tmexxi d-dinja. Il-ħġieg oħxon 20mm u l-irħam abjad 30mm jagħmlu minn dawn l-uċuħ opra  unika fl-istil u fl-għamla.Bil-lejl dawn is-simboli jkunu jixegħlu. Bejn it-3 u l-10 ta’ Ottubru li ġej se jkollna fostna l-ħaddiema tal-kumpanija tal-qniepen Cornille-Havard ta’ Franza biex iwaħħlu dawn l-arloġġi f’posthom fil-kampnar.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK… Ara wliedek adoloxxenti fejn u ma’ min ikunu. Nippreparaw biex l-adoloxxenti tagħna jattendu għal-laqgħat għalihom.

 Fil-Kenn ta’ Darek Marija… Erfgħalna ħsibijietna lejn Alla

LAQGĦAT TAL-AZZJONI KATTOLIKA: Il-laqgħat tal-fergħa tan-nisa jibdew il-Ħamis 28 ta’ Settembru, fit-8.15am. Dawk tal-irġiel it-Tnejn 2 ta’ Ottubru wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

NERĠGĦU NFAKKRU lil dawk il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, il-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja, huma mħeġġa japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali.

IL-LAQGĦAT FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI TAGĦNA SER JIBDEW IS-SIBT 23 TA’ SETTEMBRU-7.30pm  Ser isiru laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

Laqgħat bl-Ingliż.  Wara li fis-snin l-imgħoddija ġieli kien hemm talbiet minn koppji għarajjes għal-laqgħat ta’ preparazzjoni għaż-żwieġ bil-lingwa Ingliża, din is-sena ser jiġi offrut dan is-servizz.  Il-laqgħat ser jinżammu kull ħmistax, nhar ta’ Ġimgħa, fis-7pm, fl-Istitut tal-Familja.  L-ewwel laqgħa hi ppjanata li ssir nhar il-Gimgħa 6 ta’ Ottubru.

LAQGĦA NTERESSANTI GĦALL-ĠID TA’ WLIEDNA

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: Ngħinu lit-tfal ikollhom karattru sod. Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru bejn is-6.00pm u s-7.30pm u ser titmexxa minn Dun Anton Teuma.  Mistednin il-ġenituri u carers tat-tfal kollha.  Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 17 ta’ Settembru se jkun miftuħ għall-għoti tad-demm mit-8:00am sal-1:00pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • RIta Muscat toffri €20 b’suffraġju ta’ Menu, Loreta u Philip Grima f’għeluq is-snin mill-mewt tagħhom.
  • Maria Vella toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Susanna cassar Azzopardi f’għeluq is-snin mill-mewt tagħha.