Bullettin 23 ta’ Settembru 2017

Il-25 Ħadd Matul is-Sena

IL-ĠUSTIZZJA TAL-MULEJ

TAL-AĦĦAR JIĠU L-EWWEL,

          …U TAL-EWWEL JIĠU L-AĦĦAR

Il-Mulej isejjaħ f’ħinijiet diversi u jħallas l-istess paga.

Tidher inġustizzja kbira mad-daqqa t’għajn.  Iżda propju minn dan il-Vanġelu toħroġ il-ġustizzja kbira ta’ Alla.  Alla jħares dak li jwiegħed u lill-ħaddiema kollha tahom dak li wegħidhom.  Kien hemm tgergir u tgemgim bħalma kien għamel ħu l-iben il-ħali meta ġie lura u missieru għamel festa lil ħuħ li kien berbaqlu flusu man-nisa tat-triq.  Ħafna drabi aħna nagħmlu l-istess.  Ma nifhmux u ma narawx il-ħniena kbira li Alla għandu għall-midinbin.  U ħafna drabi nippretendu li niġġudikaw aħna, aħna li xi drabi ma nindunawx bit-travu li għandna f’għajnejna.

  • Ħafna drabi moħħna biex niġġudikaw lil ħaddieħor. Irridu nifhmu li l-Mulej ma jimxix kif naħsbu aħna.
  • Il-ħniena tal-Mulej hija infinita u għalhekk importanti li nħallu lill-Mulej imexxina hu.
  • Aktar milli nkunu pronti li niġġudikaw fin-negattiv lil ħaddieħor, huwa importanti li ngħinu lil ħaddieħor.
  • Hemm bżonn niftħu qalbna beraħ għall-imħabba ta’ Kristu.

Mulej, għallimni nifhem aktar imħabbtek

u ma niġġudikax lil ta’ madwari.

NIBDEW IL-KATEKIŻMU

Erġajna wasalna għal sena kateketika oħra.

QUDDIESA TAL-BIDU nhar il-Ġimgħa li ġejja 29 ta’ Settembru fis-6pm. Niltaqgħu l-knisja parrokkjali – tfal (minn Year 1 sa 7), ġenituri u katekisti. F’din il-quddiesa jingħata l-mandat lill-katekisti kollha għal din is-sena flimkien ma’ informazzjoni oħra mportanti għat-tfal u ġenituri.

LAQGĦA GĦALL-ĠENITURI TFAL YEAR 1 – Nhar il-Ħamis li ġej 28 ta’ Settembru fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija… Erfgħalna ħsibijietna lejn Alla

LURA LEJN L-ISKOLA

It-Tnejn 25 ta’ Settembru t-tfal u l-istudenti jirritornaw lura lejn l-iskola wara l-vaganzi tas-sajf. NIBDEW bil-quddiesa fid-9am fil-knisja li fiha t-tfal iġibu l-basktijiet tal-iskola u jsir it-tberik. Il-ġenituri mistiedna.

Għal matul is-sena, inħeġġu lit-tfal li jattendu l-iskola primarja tagħna biex, flimkien mal-ġenituri, jattendu għall-quddiesa tat-7.45am.

ĦIN TAL-QUDDIES

Mill-25 ta’ Settembru l-quddiesa ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt tkun fis-6pm.

Mill-1 ta’ Ottubru l-quddies tal-Ħadd ikun fis-6, 8 u 10am u filgħaxija fil-5pm. Il-bqija  jibqa’ kollox l-istess.

IL-HOSPICE MALTA toffri servizzi ta’ kura palljattiva lil-persuni morda bil-kanċer, motor neuron disease u mard serju ieħor mingħajr ħlas. Fil-quddies ta’ dal-weekend se jkollna magħna voluntiera biex ikellmuna dwar dawn is-servizzi, joffrulna rikordju tal-World Hospice and Palliative Care Week u jilqgħu xi donazzjonijiet. Nagħmlu tagħna wkoll dan l-impenn u ngħinu minn qalbna.

LAQGĦAT TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Fergħa tan-nisa jibdew il-Ħamis 28 ta’ Settembru, fit-8.15am. Fergħa tal-irġiel it-Tnejn 2 ta’ Ottubru wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

LAQGĦA GĦALL-ĠID TA’ WLIEDNA

bis-suġġett: Ngħinu lit-tfal ikollhom karattru sod fl-Istitut tal-Familja r-Rabat, il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru mis-6.00pm sa 7.30pm  minn Dun Anton Teuma.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

NIBDEW IS-SIBT 23 ta’ Settembru FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI TAGĦNA FIS-7.30pm.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Sib ħin mal-ġurnata li fih tgawdi l-libertà mill-mobile, tablet, ecc.                           Ipprova mqar għal ftit ħin u tara kemm tħossok aħjar wara!!!!!

IX-XOGĦOL FUQ L-ARLOĠĠI – SAN MATTEW       

           L-ARLOĠĠ TAL-FAĊĊATA

Il-wiċċ tal-arloġġ li ser ikun fil-faċċata tal-knisja ser ikun jirrappreżenta lill-Evanġelista San Mattew li huwa dejjem raffigurat permezz ta’ Anġlu. L-element mill-qedem huwa l-arja li hija ppreżentata permezz ta’ mewġa ttir fuq ras l-anġlu. Il-kulur huwa vjola jagħti fir-roża magħmul minn ħġieg maħdum apposta biex ikun ta’ dan il-kulur u oħxon 20mm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 26 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm: 1:00pm – 5:00pm.

GRAZZI:

Lil dawk il-voluntiera li f’dawn il-ġranet għenu fit-tindif ta’ fuq il-bejt tal-knisja.

Offerta għall-knisja:Kelina Sultana Aus$200(bi żvista dehret differenti fl-aħħar bullettin).

Lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom għar-rivista Għajnsielem – €253.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish