Bullettin 7 ta’ Ottubru 2017

Is-27 Ħadd Matul is-Sena

IL-ĠEBLA LI WARRBU L-BENNEJJA SARET IL-ĠEBLA TAX-XEWKA

Il-Mulej bagħat lil Ibnu stess u mhux talli ma smajniex minnu talli nkomplu nwarrbuh kuljum bl-għemil tagħna.

Huwa l-messaġġ qawwi ta’ ingratitudni li lkoll kemm aħna ngħaddu minnu fil-ħajja tagħna.  Mumenti fejn, minkejja li nafu l-grazzja kbira li Alla għandu għalina, nibqgħu nagħmlu għażliet ’il bogħod minn dak li jrid Alla minna.  Nafu li għandna għalqa ta’ frott minn fejn nitrejqu iżda nkomplu nagħżlu li noqtlu u nifgaw kemm il-profeti ta’ Alla kif ukoll lill-istess Ibnu.  Kif naraw ukoll fl-Ewwel Qari, l-għalqa tad-dwieli tfisser l-imħabba kbira li għandu Alla għall-poplu tiegħu u min-naħa l-oħra għandna l-infedeltà u l-ingratitudni li l-bniedem jirreċiproka l-imħabba ta’ Alla.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, għandna lil Isaija jispjega kif l-għalqa tad-dwieli hija sinjal tal-imħabba kbira li Alla għandu lejn il-poplu tiegħu.  Il-poplu iżda jirreċiproka bl-infedeltà u għalhekk l-għalqa tittieħed u tingħata lill-ġnus.

Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 79, għandna l-għalqa tal-Mulej, li hija aħna, u għalhekk hija għanja biex il-Mulej jieħu ħsiebna f’imħabbtu.

Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, għandna lil San Pawl iħeġġeġ lin-nies ta’ Filippi biex jitolbu sabiex jikbru fl-imħabba bejniethom u lejn Alla.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna l-parabbola simili għal ta’ Isaija bil-kastig li għadda minnu l-poplu Lhudi għax ma ndunax bil-grazzja tas-Saltna ta’ Alla.  Il-Mulej juri kif is-Saltna ta’ Alla għaddiet minn idejh għal idejn il-Knisja.

  • Kemm tassew tifhem il-grazzja li l-Mulej tak fis-Saltna tiegħu?
  • Kemm taħdem inti fl-għalqa tal-Mulej?  X’qed tagħmel kuljum?
  • Tarahom il-mumenti ta’ ingratitudni li tagħmel lill-Mulej?
  • Kif qed tindem minnhom?

Mulej, agħmel li nifhem ix-xogħol tiegħi

fl-għalqa tiegħek.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija… Ressaqna lejn il-Maħfra

OTTUBRU 2017

ĠIMGĦA MUSEUMINA

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom programm sabiħ tal-Ġimgħa Museumina fil-parroċċa tagħna. Araw sewwa d-dati u l-postijiet tal-attivitajiet sbieħ li hemm ippjanati. Ġenituri, ħallu kollox u ersqu għat-tagħlim ma’ wliedkom – l-aqwa eżempju.

ĠRANET U ĦINIJIET TAL-KATEKIŻMU

ĊENTRU PARROKKJALI:

Years 1 sa 3: skont kif infurmati fil-gruppi.

QASAM MUSEUM SUBIEN:

Years 4,5 u 6 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fil-5.15pm.

Form 1 ‘il fuq: It-Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa fis-6.45pm.

QASAM MUSEUM BNIET.

Years 4 u 5 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fl-4.30pm.

Year 6 u FORM 1 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fl-5.15pm

FORM 2 – Il-Ħamis fil-5.15pm

NINGĦAQDU MAS-SORIJIET AGOSTINJANI

Niċċelebraw il-Venerabilità tal-Fundatriċi tagħhom M. Teresa Spinelli

Is-Sibt 7 t’ Ottubru – 6.00pm Quddiesa mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech fil-Knisja Parrokkjali tagħna.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 7 ta’ Ottubru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4pm Quddiesa.

Ix-Xahar t’OTTUBRU   …NGĦIDU RUŻARJU

Kuljum fil-5.30pm quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja Parrokkjali… stedina miftuħa lil kulħadd!

Nhar ta’ Tlieta fil-5pm – Pjazza Tolfa.

Nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm – Triq il-Qigħan.

 – – –

FESTA TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU

Is-Sibt 14 ta’ Ottubru l-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tkun mit-8.30am sad-9pm.

Il-ĦADD 15 ta’ OTTUBRU. 5pm: Quddiesa  u wara jkollna l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. Tkun b’radd il-ħajr lil Alla wara x-xogħol fuq il-proġett tal-arloġġi.

 

Atturi Bethlehem f’Għajnsielem

Laqgħa il-Ħamis 12 ta’ Ottubru fis-7pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Din is-sena hemm numru ta’ attrazzjonijiet ġodda. Għalhekk neħtieġu ħafna atturi kbar u tfal.

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients  fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 10 t’Ottubru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.

GRAZZI  Mario Xuereb (Awstralja) €100 Radju Lauretana u €200 għall-knisja.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tar-ruħ għażiża ta’ binha Frankie f’għeluq it-tnax-il anniversarju mill-mewt tiegħu fl-14 ta’ Ottubru, kif ukoll ta’ missieru Carmelo u ħuh Joe Scicluna.
  • Frenċu Xuereb u wliedu joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża tagħhom Stella Xuereb f’għeluq l-4 snin mill-mewt tagħha fit-8 ta’ Ottubru.
  • Miriam Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ John Muscat f’għeluq l-40 sena mill-mewt tiegħu.
  • Ulied Carmela Spiteri joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża ommhom Carmela f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Ottubru u għal Loreto Spiteri.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.