Bullettin 14 ta’ Ottubru 2017

It-28 Ħadd Matul is-Sena

IR-RIFJUT TA’ STEDINA

ĦAFNA HUMA L-IMSEJĦIN, IMMA FTIT IL-MAGĦŻULIN

Iżda dawk ma tawx kas.

Hija frażi iebsa li tidher fil-Vanġelu tal-lum u tintuża biex tiddeskrivi r-rifjut tal-mistednin uffiċjali għall-istedina li għamel is-Sultan.  Huwa rifjut ċar għall-mument ta’ ikel u ferħ.  Il-ħsieb tal-lum huwa fuq ir-rifjut tagħna għall-grazzja ta’ Alla.  Kemm-il darba ngergru fil-ħajja tagħna?  Ingergru kontra affarijiet li ma naqblux magħhom u li ġejjin kontra tagħna.  Ingergru fuq it-teftufiet!!! Iżda kemm-il darba ndunajna li huwa aħna li kontinwament qed nirrifjutaw l-istediniet li qed jagħmlilna l-Mulej għall-ferħ u s-serħan?  L-istediniet li jagħmlilna l-Mulej huma okkażjonijiet biex nikbru fl-imħabba lejh u lilna jsaħħuna.

Kemm-il darba naċċettaw li nixorbu mill-għajn tad-disperazzjonijiet li toffrilna d-dinja flok mill-għajn li tagħti l-ħajja – Ġesù Kristu nnifsu?  …speċjalment fl-Ewkaristija Qaddisa?

Huwa wkoll importanti li meta naċċettaw li mmorru għall-ikla tat-tieġ immorru lebsin tajjeb u xieraq, jiġifieri li nkunu konvinti mit-twettiq tar-rieda ta’ Alla fil-proġetti ta’ ħajjitna.

  • Qatt indunajt kemm-il stedina ta’ Ġesù rrifjutajt f’ħajtek?
  • Fejn u kif qed tfittex il-ferħ fil-ħajja tiegħek?
  • Kemm qed tersaq mal-mejda tal-Mulej fl-Ewkaristija?

Mulej, agħmel li qatt ma ngħid le għas-sejħa tiegħek.

 

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                                  OTTUBRU 2017

Ressaqna  lejn il-Maħfra

 

Ix-Xahar t’OTTUBRU   …NGĦIDU RUŻARJU

Kuljum fil-5.30pm quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja Parrokkjali… stedina miftuħa lil kulħadd! Nhar ta’ Tlieta fil-5pm – Pjazza Tolfa.

Nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm – Triq il-Qigħan.

EWRO COLLECTION  Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġabra tkun b’risq il-festa Awwissu 2018. Ngħinu kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull offerta.

LEJN IL-ĠURNATA MISSJUNARJA  l-Ħadd 22 ta’ Ottubru. Qed jaslulkom l-envelops li mbagħad jinġabru bieb bieb fil-ġranet li ġejjin.

GĦALL-ADOLOXXENTI YRS 8 & 9 (forms 2&3):

8Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Ottubru – fiċ-Ċentru Parrokkjali @ 7pm.

IL-PROĠETT TAL-ARLOĠĠI

Bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ Ommna Marija Lawretana lestejna fażi mill-iktar kruċjali u delikata fil-proġett tal-arloġġi.  Tajjeb nimmaġinaw kemm xogħol kien u għadu jinvolvi dan il-proġett li laqqa’ tant snajja, arti u teknologiji ma’ xulxin. 

Aktar Xogħol – Issa li l-arloġġi jinsabu mwaħħlin fil-kampnar, fi ftit jiem oħra jibda l-proċess biex ikollna dwal professjonali li jdawlu dawn l-uċuħ minn barra u minn ġewwa u kif ukoll biex jinqalgħu t-travi proviżorji li hemm taħt il-kamra tal-arloġġ. Għad baqa’ anke li ssir l-induratura bid-deheb fuq il-minutieri biex ikunu jidhru isbaħ u aħjar.

Dan ix-xogħol jibqa’ jsir taħt is-superviżjoni tal-inġiniera tal-funderija Cornille-Havard li dalwaqt jerġgħu jkunu fostna fuq proġetti oħrajn f’Għawdex u għar-restawr tal-imrietel, travi u ilsna tal-qniepen tal-Knisja l-qadima tagħna li ilhom ħafna fi stat ħażin.

Għalkemm kulħadd jinsab fuq ix-xwiek biex jara dan il-proġett mitmum, irridu nifhmu li baqa’ l-aħħar irtokki sabiex jintlaħaq l-effett mixtieq fuq l-arloġġi….. Ftit paċenzja!

Jibqa’ l-fatt li l-ikbar u l-aqwa proġett hu dak li jxandru dawn l-istess arloġġi – L-AĦBAR IT-TAJBA TAL-EVANĠELJU. Ma ninfixlux fuq ħafna affarijiet li jgħaddu imma nagħmlu moħħna hemm biex inkomplu ta’ kuljum insiru ħbieb tal-Evanġelju, kif jistedinna San Ġorġ Preca.

GRAZZI KBIRA mill-qalb lil:

  • Dawk li taw tant offerti sew permezz tal-iskema ta’ kull xahar li kellna għall-arloġġi u għotjiet oħra.
  • Voluntiera kollha li taw u dejjem jagħtu tant għajnuna
  • Vince Caruana li tana din l-opra mill-isbaħ għall-knisja tagħna b’tant ħeġġa u bla interessi.
  • Rudolph Cauchi u l-Għaqda tal-Armar li taw kull għajnuna meħtieġa f’kull fażi tal-proġett.
  • Lil Dawk kollha li ħadmu fih li lkoll ħadmu mill-qalb u għamlu aktar minn dak li kienu obbligati.
  • Lil Dawk kollha li kontinwament isostnuna bit-talb u l-appoġġ ġenwin tagħhom.

ISSA BAQAGĦLNA L-AĦĦAR IMBUTTATURA BIEX INKUNU NISTGĦU NGĦIDU LESTI!!!

INKOMPLU NURU TANT ĦEĠĠA U MATURITÀ

biex, jekk Alla jrid – għax jista’ jinqala’ minn kollox – inkunu nistgħu ninawguraw dan il-proġett il-Ħadd 10 ta’ Diċembru.

Żgur li l-Mulej, f’dawn l-aħħar ġranet, ħarisna minn tant perikli u tana s-saħħa biex inkomplu nwettqu proġett ieħor kbir u sabiħ għall-knisja tagħna.

GĦALHEKK, B’RADD IL-ĦAJR LIL ALLA U LILL-MADONNA GĦAX-XOGĦOL LI SAR DAN l-AĦĦAR NERSQU BI ĦĠARNA BIEX NIĊĊELEBRAW LIL OMMNA MARIJA TAR-RUŻARJU

Is-Sibt 14 ta’ Ottubru l-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tkun mit-8.30am sad-9pm. Nersqu nitolbu ħafna għall-qdusija tal-familji tal-parroċċa tagħna.

Il-ĦADD 15 ta’ OTTUBRU

5pm Quddiesa u wara l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju.

Nitolbu u nirringrazzjaw bit-Talba tar-RUŻARJU.

STEDINA BIEX NAGĦTU D-DEMM fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 15 t’Ottubru mit-8am sas-1pm.

IL-KUNSILL LOKALI javża li b’effett mis-Sibt 14 t’Ottubru l-borża s-sewda mhix ser tibqa’ tinġabar is-Sibt imma tibqa’ tinġabar it-Tnejn u l-Ħamis biss.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familji Galea u Azzopardi joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża ommhom Geswalda Galea f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha fis-16 ta’ Ottubru.
  • Salvina Tabone u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Emanuel Tabone f’għeluq l-14-il sena minn mewtu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ  Lil Roy William Hillberg mill-parroċċa tagħna li sejjaħtlu għal għandek fl-4 ta’ Ottubru. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.