Bullettin 22 ta’ Ottubru 2017

Id-29 Ħadd Matul is-Sena

AGĦTU LIL ĊESARI DAK LI HU TA’ ĊESARI,

U LIL ALLA DAK LI HU TA’ ALLA

Il-kompromessi li nagħmlu kull ħin fil-ħajja tagħna ħafna drabi jwassluna biex nippruvaw inġarrbu anki lil Alla.

Nippruvaw inraqqdu wkoll il-kuxjenza tagħna.  Il-każ tal-ħlas tat-taxxi, li permezz tiegħu l-Fariżej ippruvaw jonsbu lil Ġesù, mhuwiex xi każ iżolat, iżda każ li kontinwament nagħmlu bħalu lkoll kemm aħna meta nkunu nafu li qed inwettqu l-ħażin waqt li nippruvaw insibu ġustifikazzjoni għal dak il-ħażin.  Ma nsellimx għax ma jsellmulix, nisraq mix-xogħol għax kulħadd jagħmel hekk, eċċ.

Ġesù jobgħod dan il-logħob bil-kliem u dan l-insib u għalhekk jitkellem ċar.  Agħtu lill-Istat dak li huwa tal-Istat… iżda agħtu wkoll lil Alla dak li huwa ta’ Alla u fil-fehma tiegħi t-tieni parti hija aktar iebsa għaliex l-Istat jiġri warajk bil-liġi li jekk ma tobdix tbati l-konsegwenzi, iżda Ġesù jrid li l-għażliet tagħna nagħmluhom fil-libertà.

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, iħabbar li wara l-eżilju kiefer tal-poplu f’Babel Alla kien se jikseb il-ħelsien permezz ta’ Ċiru Sultan tal-Persja.  L-assigurazzjoni li jagħti l-Mulej hija ċara:  “Jien il-Mulej u ma hemm ħadd ħliefi.”

Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 95, huwa innu ta’ tifħir lill-Mulej għal dak li għamel magħna.

Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lit-Tessalonkin, isejjaħ KNISJA lill-Ewwel Insara tat-Tessalonika għaliex huma magħqudin fil-qawwa tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Fil-Vanġelu tal-lum nassistu għal nasba li l-għedewwa ta’ Ġesù għamlulu biex jaraw jekk għandhomx iħallsu t-taxxa lil Ċesare.  Ġesù jtenni kif għandha tkun l-imġieba tan-nisrani quddien is-setgħa ċivili.

In-Nisrani jrid joqgħod għas-setgħa ċivili u jaqdi dmiru bħala ċittadin onest. Iżda fuq kollox irid jara li jaqdi dmiru bħala Nisrani fil-qadi tar-rieda ta’ Alla. L-impenn Kristjan fis-soċjetà għandu jkun il-missjoni ewlenija tan-Nisrani.

Mulej, għallimni nagħraf ngħix ta’ nisrani

u nkun ċittadin tajjeb u onest.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                                  OTTUBRU 2017

Ressaqna  lejn il-Maħfra

NAĦSBU fil-MISSJONI

Fil-Ġurnata Missjunarja, il-Knisja tistedinna niftakru fl-impenn li għandha biex twassal ma’ kullimkien l-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju. Anke l-arloġġi li qed nagħmlu fil-kampnar tal-knisja tagħna, qabel u minbarra li juruna l-ħin, għandhom ifakkruna ma’ kull minuta li tgħaddi f’dan l-impenn nisrani li għandna.

Naħsbu b’mod speċjali f’tant persuni li ddedikaw ħajjithom, ħallew pajjiżhom, poġġew ħajjithom fil-periklu … dan kollu biex iwasslu l-Vanġelu ta’ Kristu.

U int?…. U jien? … U aħna?

Ix-Xahar t’OTTUBRU   …NGĦIDU RUŻARJU

Kuljum fil-5.30pm quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja Parrokkjali… stedina miftuħa lil kulħadd! Nhar ta’ Tlieta fil-5pm – Pjazza Tolfa.

Nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm – Triq il-Qigħan.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

F’Lourdes Home t-Tlieta 24 ta’ Ottubru: 9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Simon Cachia, kafè u tombla. Inħeġġu n-nisa kollha biex jattendu.

IL-HOSPICE MALTA TIRRINGRAZZJA lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom fil-ġbir li sar fil-parroċċa tagħna. Is-somma miġbura kienet €1845.93.

GRAZZI MILL-QALB lil

Lilian Mercieca Melbourne Aust – Offerta lill-Madonna Aus$100. Fonzina Galea – Melbourne Aust – Aus$50.  NN – Us$2500 għas-sagristiji.

NAGĦTU D-DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 24 t’Ottubru Jkun miftuh għall-għoti tad-demm:1-5pm.

QUDDIESA FAMILJA – il-Ħadd 22 ta’ Ottubru, il-quddiesa tal-10am tkun animata mill-familji għall-familji. Mistiedna speċjali l-familji li għandhom it-tfal li qegħdin Yr 1 u 2. 

KOMUNITÀ EWKARISTIKA

Waħda nhar ta’ Sibt fis-7.15pm.  U oħra nhar ta’ Tlieta fis-6.30pm (nibdew nhar it-Tlieta li ġejja 24 ta’ Ottubru).

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

GAWDI S-SBUĦIJA TAL-MISTERI TA’ KRISTU U L-IMĦABBA TIEGĦU GĦALIK!

IMQAR POSTA WAĦDA RUŻARJU XĦIN TKUN TISTA’. Ara ftit f’ĠURNATA WAĦDA KEMM TISTA’ TIMMEDITA..ħafna!

ĠENITURI SIBU ĦIN GĦAL DAN IL-ĠID KBIR U AQSMUH MAT-TFAL TAGĦKOM!!!

Kif nipprevjeni d-depressjoni?

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: Kif nipprevjeni d-depressjoni? Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ottubru bejn is-6.00pm u s-7.30pm u ser titmexxa minn Dr. Marlene Cauchi (counselling psychologist u lecturer fl-Università).  Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

ĦARĠA GHALL-ANZJANI

L-Erbgħa 25 t’Ottubru. Tluq fit-8am. It-trasport jgħaddi minn Triq il-Ġnien, mill-Pjazza, Triq Ħamri u Triq Sant’Antnin. Ser nisimgħu quddiesa fil-Knisja Parrokjali tan-Nadur fit-8:30am u wara ftit ħin fuq il-monti. Ikel u tombla fl-Eldorado Restaurant. Prezz €5. Dawk interessati jibbukjaw fil-Kunsill Lokali sat-Tnejn 23 t’Ottubru.

MAJJALATA U TOMBLA fiċ-ċentru Sant’ Antnin it-Tlieta 31 ta’ Ottubru fis-6.30pm. Bookings sal-Ħadd 29 ta’ Ottubru fuq 79448921 jew 99285912

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Ġorġa Galea toffri €20 b’suffraġju ta’ oħtha Carmena f’għeluq il-25 sena mill-mewt tagħha fit-23 ta’ Ottubru.
  • Mananni Debono toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Salvu Debono f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Ottubru.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.