Bullettin 29 ta’ Ottubru 2017

It-30 Ħadd Matul is-Sena

ĦOBB MINGĦAJR LIMITI!

Kemm nisimgħu fuq l-imħabba!  Kemm ħarġu diski, kartolini eċċ!  Kemm insibu gadgets fi ħwienet bi qlub!

Qisu aktar ma d-dinja tisfrutta u tikkumerċjalizza l-imħabba, aktar id-dinja titlef il-veru sens tal-imħabba.  Ġesù qed jgħidilna biex inħobu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u bil-qawwa tagħna kollha u nħobbu lil għajrna bħalna nfusna.  Huwa stess jagħti eżempju xi tfisser l-imħabba, għax issallab għalina.  Din hija l-imħabba, din hija l-akbar imħabba.  Kemm s’issa fil-ħajja tagħna għexna tassew l-imħabba?  Kemm tassew ħabbejna bl-għemil tagħna?  L-imħabba tfisser li tgħix il-ħajja tiegħek b’sens ta’ sagrifiċċju, għaliex fis-sagrifiċċju joħroġ l-altruwiżmu u jinħonoq l-egoiżmu.  Huwa għal dan il-għan li l-Mulej iridna wkoll inħobbu lil għajrna bħalna nfusna.  It-tnejn huma importanti, kemm li tħobb lill-proxxmu tiegħek, anki lil dak li ma jaqbilx miegħek, kif ukoll li tħobb lilek innifsek.  Huwa ferm importanti li wieħed ma jkunx jitraskura l-istess ħajja tiegħu, il-familja tiegħu.  L-imħabba hija avventura ta’ sagrifiċċju u mpenn kull ħin.

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesù juri li l-akbar kmandament huwa l-kmandament tal-imħabba li jiġbor il-kmandamenti kollha.

Taf min huwa l-proxxmu tiegħek?  Kif qed turih imħabbtek?

X’tip ta’ mħabba turi mal-ambjent familjari tiegħek u ma’ dawk tax-xogħol jew skola?

Qiegħed tgħix l-imħabba ta’ Alla anki fil-persuna tiegħek?

Mulej, għallimni nħobb bis-serjetà.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                                  OTTUBRU 2017

Ressaqna  lejn il-Maħfra

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR

  • Il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am.
  • Is-Sibt 4 ta’ Novembru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa. L-Adorazzjoni tkun mit-8.30am sa nofsinhar u mbagħad wara l-quddiesa filgħaxija tkompli sad-9 pm.

ĦIN TAX-XITWA:

Il-Ħadd 29 ta’ Ottubru jibda l-ħin tax-xitwa. Il-Ħin tal-Quddies fil-knisja parrokkjali jibqa’ kollu kif inhu.

ĠABRA SPEĊJALI GĦALL-KNISJA

F’dan l-aħħar Ħadd tax-xahar ta’ Ottubru nagħmlu l-ġabra speċjali għall-Knisja Parrokkjali waqt il-quddies kollu tas-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Ottubru

  • Għadna kemm biddilna l-bozoz kollha tal-linef u għamilniehom LEDs peress li l-qodma m’għadhomx isiru u fl-istess ħin niffrankaw ħafna konsum.
  • Qed nagħmlu wkoll id-dwal professjonali fuq il-kwadri tal-knisja l-qadima. INKUNU ĠENERUŻI BĦAL DEJJEM. Grazzi bil-quddiem.

GRAZZI MILL-QALB Lil Gorga Galea li tat €100 għas-sagristiji b’suffraġju ta’ ommha Rosa Galea f’għeluq it-32 sena mill-mewt tagħha.

MIS-SEMINARJU

Nhar is-Sibt 11 ta’ Novembru 2017 fis-7pm se ssir l-Ikla ta’ San Martin fis-Seminarju. Min jattendi jkun jgħin fil-formazzjoni tas-seminaristi tagħna. Biljetti mingħand l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju jew mis-Seminarju stess (t. 21556479 – il-kbar€15  u t-tfal €8.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’nofsinhar.

Nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mill-għaqdiet tal-parroċċa.

  • Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru quddiesa tkun fil-5 pm organizzata mill-fergħat tan-Nisa u tal-Irġiel Azzjoni Kattolika.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Lil Angela Portelli li f’dawn l-aħħar snin kienet tgħix fil-parroċċa tagħna li sejjaħtilha għal għandek nhar it-18 ta’ Ottubru, 2017.
  • Lil Wenzu Galea li daħal għall-ħajja ta’ dejjem nhar il-25 ta’ Ottubru, 2017.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Ftakar li ż-żmien tagħna hawn f’din id-dinja huwa misluf …dejjem għaddej …imma għad jieqaf. Tintelaqx f’ruħek!

IX-XAHAR TA’ NOVEMBRU

Wasalna fix-xahar li fih niftakru aktar f’ħutna li diġa għaddew għall-ħajja eterna.

L-Erbgħa 1 ta’ Novembru

Solennità tal-Qaddisin kollha

Is-Solennità tal-Qaddisin kollha tfakkarna fis-sejħa li lkoll irċevejna biex inkunu qaddisin u f’dawk kollha li diġa qegħdin igawduh fil-Ġenna.

Il-Ħamis 2 ta’ Novembru

L-GĦID TAL-IMWIET

Quddies fil-knisja parrokkjali: 6, 7.45 u 9am u 5pm.

Fid-9.30 Pellegrinaġġ għat-tfal u l-ġenituri u quddiesa fiċ-ċimiterju.

Fil-5.30pm ikollna l-pellegrinaġġ parrokkjali għaċ-ċimiterju. Kif naslu jkollna l-quddiesa solenni u jitbierku l-oqbra. Nitolbu għal ħutna kollha li ħallewna. Ikollna siġġijiet barra (jekk it-temp ikun jippermetti)

Is-Sibt 4 ta’ Novembru il-quddiesa tas-6pm fil-knisja parrokkjali ser tkun għall-katekisti u soċji Għawdxin offruta mill-Uffiċċju tal-Katekeżi tad-Djoċesi.

MAJJALATA U TOMBLA fiċ-ċentru Sant’ Antnin it-Tlieta 31 ta’ Ottubru fis-6.30pm. Bookings sal-Ħadd 29 ta’ Ottubru fuq 79448921 jew 99285912

IL-ĦADD 29 ta’ Ottubru, biss, mhux ser ikun hemm tombla fiċ-Ċentru Parrokkjali.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Gorga Galea toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Toni Galea f’għeluq is-27 sena mill-mewt tiegħu fit-30 ta’ Ottubru.
  • Josette Zerafa u wlieda joffru €20 b’suffraġju ta’ Joseph Zerafa f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.