Monthly Archives: November 2017

Bullettin 19 ta’ Novembru 2017

It-33 Ħadd Matul is-Sena

AĦDMU BLA WAQFIEN!

INT KONT FIDIL FIL-FTIT, U JIEN SE NAFDAK FUQ ĦAFNA;

IDĦOL FL-HENA TA’ SIDEK

F’dawn l-aħħar Ħdud tas-sena liturġika l-Mulej Ġesù, permezz tal-parabboli, irid jimliena bil-kuraġġ u fl-istess ħin jiftħilna għajnejna.

Filwaqt li jgħidilna biex NISHRU, jgħidilna wkoll biex NAĦDMU u NĦADDMU t-talenti li l-Mulej jagħtina.  Ilkoll kemm aħna nafu li ma nistgħux inkunu veri nsara jekk ma naħdmux ilkoll biex il-Mulej jidher aktar permezz tagħna fis-soċjetà u fl-ambjent li fih ngħixu lkoll kemm aħna.  Il-Mulej iridna lkoll kemm aħna li nagħtu fil-ħidma tagħna dak kollu li nistgħu.  Ma jridx miegħu l-Mulej nies ta’ skużi, nies li jaħbu minnu, nies li kontinwament isibu skużi fil-ħidma  tagħhom ta’ kuljum.  Dak li l-Mulej jagħtina rridu nagħtuh lura mhux kif inhu iżda aħjar billi nkunu mpenjajna ruħna b’mod qawwi fis-soċjetà.  Il-Mulej mhux se jistaqsi jekk żbaljajniex iżda jekk ħdimniex.

Fil-Vanġelu tal-lum għandna l-parabbola tat-talenti fejn Ġesù jurina kif għandha tkun l-istennija tagħna. Ġesù ma jridx nies reqdin u għażżiena miegħu iżda nies li jishru u jaħdmu. Hi x’inhi l-età tagħna rridu nkunu nies li nisimgħu leħen il-Mulej u nwettqu r-rieda tiegħu fl-għemil tagħna. Il-Mulej jurina li jrid jara l-isforz tagħna bħala Nsara jinħadem kontinwament bil-għodda li tana hu stess, il-Kelma ta’ Alla, is-sagramenti u t-tagħlim tal-Knisja.

Kemm qegħdin tassew nużaw il-ħajja tagħna għat-twettiq ta’ dak li jrid minna Ġesù bil-għajnuna li tana?

Mulej, urini kuljum xi trid minni,

u kif inħaddem sew it-talenti li fdajtli.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                  NOVEMBRU 2017

Fakkarna  fil-Ħajja ta’ Dejjem

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Apprezza l-ħin li tiddedika biex tkun il-knisja. Approfitta kemm tista’ minnu !!! Hu ħin qaddis li fih tiltaqa’ ma’ Alla fil-Kelma tiegħu u ma’ Ibnu Ġesù fl-Ewkaristija. Itlob!  Inġabar! Ħu sehem sħiħ!…

L-EWWEL JUM DINJI TAL-FOQRA

Imniedi mill-Papa Franġisku

Il-Ħadd 19 ta’ Novembru, 2017

Messaġġ Qawwi ħiereġ minn qalb il-Papa

  1. 1. “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3:18). Dawn il-kelmiet tal-Appostlu Ġwanni jesprimu kmand li l-ebda Nisrani ma jista’ jaħrab minnu. Is-serjetà li biha d-“dixxiplu l-maħbub” jittrasmetti sa żminijietna l-amar ta’ Ġesù hi aktar enfasizzata fil-kuntrast li joħroġ bejn il-kliem u t-tpaċpiċ li spiss issib fuq fommna u l-għemil u s-sewwa li bihom imsejħin nitqiesu. L-imħabba ma tafx bi skużi: min irid iħobb kif ħabb Ġesù, għandu jimxi fuq l-eżempju tiegħu; fuq kollox meta nkunu msejħin inħobbu lill-foqra. Wara kollox, il-mod kif ħabb l-Iben ta’ Alla hu magħruf sewwa, u Ġwanni dan ifakkarhulna b’ittri ċari. Dan jinbena fuq żewġ kolonni ewlenin: Alla l-ewwel li ħabbna (1 Ġw 4:10,19); u ħabbna billi tana lilu nnifsu kollu kemm hu, anki l-istess ħajtu (1 Ġw 3:16).

Imħabba bħal din ma tistax tibqa’ bla tweġiba. Anki jekk ingħatat b’mod sħiħ, bla ma talbet xejn lura, xorta waħda tkebbes lill-qalb b’mod li, ikun min ikun, iħoss li għandu jpatti għaliha minkejja l-limiti u d-dnubiet tiegħu.

Tista’ tara l-messaġġ sħiħ bil-Malti fuq:  http://laikos.org/

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 21 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

QUDDIESA FESTA SANTA ĊEĊILJA

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp tistiednek għal quddiesa fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja patruna tal-mużiċisti u l-baned Maltin l-Erbgħa 22 ta’ Novembru fis-7pm. Kulħadd mistieden.

NOFS TA’ NHAR FLIMKIEN

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 22 ta’ Novembru (9am –  12pm). Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Roberto Gauci, kafe’ u tombla.

GRAZZI Familja Azzopardi. Offerta lill-Madonna ta’ Loreto – €200.

STEDINA miċ-Ċentru Parrokkjali

THANKSGIVING

Is-Sibt 25 ta’ Novembru, 2017

  • Fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.00pm ‘il quddiem
  • 3 course meal organizzata miż-żgħażagħ tagħna – GSM Youths.

Biljetti (kbar €12, żgħar minn yr5 sa form1 €6. Family ticket- omm u missier u żewġt itfal yr 5-form 1 – €30). Ċemplu 79964537 jew  21554615.

LAQGĦA MPORTANTI GĦALL-KOPPJI

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: Kif nibdew iż-żwieġ b’pass tajjeb? POST: fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Novembru bejn is-6.00pm u s-7.15pm. Titkellem Tanya Farrugia (clinical psychologist).  Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

MIS-SEMINARJU TAL-QALB TA’ ĠESÙ

Il-Ħadd 19 ta’ Novembru fit-3pm u s-SIbt 25 ta’ Novembru fis-7.30pm. fis-Seminarju ser jittella’ dramm interessanti fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Marija Vianney – Il-Ħmar ta’ Alla. Biljetti €5 il-kbar u €3 it-tfal u jinkisbu mis-Seminarju (t. 21556479).

SIĠRA TAL-MILIED FUQ IZ-ZUNTIER

Infakkru li qegħdin niġbru a)kull tip ta’ għotjien tal-plastic tondi jew kwadri. b) bottijiet tal-yoghurt ecc. Naddfuhom sew u ġibuhom il-knisja fil-kaxxa fejn il-bieb tas-sagristija. Grazzi.

Din hija attività tal-grupp tal-adoloxxenti tagħna MTL youths.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil Pawla Haber li daħlet għall-ħajja ta’ dejjem nhar it-3 ta’ Novembru, 2017 fl-etȧ ta’ 89 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 11 ta’ Novembru 2017

Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum

Bħala Nsara, ilkoll għandna t-tama li għad niltaqgħu ma’ Alla, li għad nerġgħu niltaqgħu kollha kemm aħna, bħal aħwa.

Pawlu għandu dik l-espressjoni qawwija fit-Tieni Qari: “It-tama ma tqarraqx bina”.

Imma t-tama ħafna drabi titnissel u tniżżel għeruqha f’tant ġrieħi umani, f’tant tbatijiet tal-bnedmin, u dak il-mument ta’ wġigħ, ta’ ġerħa, ta’ tbatija jġagħalna nħarsu ’l fuq lejn is-Sema u ngħidu: “Jien nemmen li l-Feddej tiegħi ħaj. Imma ieqaf, Mulej”. U din hi t-talba li forsi toħroġ minn fommna lkoll, meta nħarsu lejn l-oqbra mżejnin fiċ-ċimiterju. “Jiena żgur, Mulej, li dawn ħutna jinsabu miegħek. Jiena ċert”, hekk ngħidu aħna. “Imma, jekk jogħġbok, Mulej, ieqaf. Daqshekk. Daqshekk gwerra. Daqshekk straġijiet bla siwi”, kif kien qal Benedittu XV. Aħjar nittamaw mingħajr dawn il-qerdiet: żgħażagħ… eluf, eluf, eluf, eluf… tamiet imkissra. “Daqshekk, Mulej”.

Tiġi f’moħħi dik l-anzjana li hija u tħares lejn it-tifrik ta’ Hiroshima, b’rassenjazzjoni kollha għerf imma ħafna tbatija, qalet: “Il-bnedmin jagħmlu minn kollox biex jiddikjaraw u jagħmlu gwerra, u fl-aħħar jeqirdu lilhom infushom”. Din hi l-gwerra: il-qerda tagħna nfusna. Żgur li dik il-mara li kienet tilfet minn uliedha u n-neputijiet tagħha; kien fadlilha biss il-ġerħa f’qalbha u d-dmugħ.

Kemm drabi fl-istorja l-bnedmin jaħsbu biex jagħmlu gwerra, huma konvinti li sa jġibu dinja ġdida, huma konvinti li ħa jġibu “rebbiegħa”. U tispiċċa tiġi xitwa, kerha, kiefra, bis-saltna tal-biża’ u tal-mewt. Illum nitolbu għall-mejtin kollha, imma b’mod speċjali għal dawn iż-żgħażagħ, meta ħafna qed imutu fil-battalji tal-gwerra, anki tfal, innoċenti. Dan hu l-frott tal-gwerra: il-mewt. U jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja li nibku.

QUDDIESA GĦALL-VITTMI MEJTIN KOLLHA TAL-GWERER, OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU Ċimiterju Amerikan ta’ Nettuno, Il-Ħamis 2 ta’ Novembru 2017

QUDDIESA GĦALL-VITTMI TAL-GWERRA

Illum il-Ħadd 12 ta’ Novembru, niftakru f’ħutna li temmew ħajjithom fil-gwerer waqt il-quddiesa tal-10 am fil-Knisja Parrokkjali tagħna. Wara jkun hemm il-fanfarra u t-tqegħid ta’ ward fejn il-monument tal-vittmi.

THANKSGIVING – RADD il-ĦAJR

STEDINA miċ-Ċentru Parrokkjali

X’HEMM ISBAĦ MILLI NGĦIDU GRAZZI LIL ALLA U LIL XULXIN għal tant ġid li HU jipprovdilna. Niċċelebraw flimkien din il-festa ta’ ringrazzjament lil Alla li oriġinat fl-Amerka.

  • Nhar is-Sibt 25 ta’ Novembru
  • Fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.00p.m. ‘il quddiem
  • 3 course meal organizzata miż-żgħażagħ tagħna – GSM Youths.

Biljetti miċ-Ċentru Parrokkjali jew mill-Uffiċċju Parrokkjali. (kbar €12, żgħar minn yr5 sa form1 €6. Family ticket- omm u missier u żewġt itfal yr5-form1 – €30). Cemplu 79964537 jew  21554615.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                  NOVEMBRU 2017

Fakkarna  fil-Ħajja ta’ Dejjem

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’nofsinhar.

Nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mill-għaqdiet tal-parroċċa.

Kuljum – pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2018 jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar it-Tlieta 14 ta’ Novembru u nhar il-Ħamis 16 ta’ Novembru bejn id-9.00am u nofsinhar. L-intenzjoni tal-quddies meta ordnat fl-uffiċċju parrokkjali fid-Djoċesi ta’ Għawdex ser tkun €10.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Tħallix il-mobile u l-internet jisirquk!!! Tant ħin, tant sforz mentali biex issegwi jew biex tistenna xi messaġġ dieħel.  Tħallihomx jikkontrollawk!! Lanqas jgħejjuk. Ipprova xi darba oħroġ ftit mingħajrhom. U tara kemm tistrieħ… Għaddi dal-messaġġ lil dawk li tridilhom il-ġid.!

MIS-SEMINARJU TAL-QALB TA’ ĠESÙ

Il-Ġimgħa li ġejja 17 ta’ Novembru fis-7.30pm u l-Ħadd li ġej 19 ta’ Novembru fit-3.00pm fis-Seminarju ser jitella’ dramm interessanti fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Marija Vianney intitolat Il-Ħmar ta’ Alla. Kulħadd imħeġġeġ jiġi għad-dramm sabiex jirċievi messaġġ li jdawwal il-ħajja tagħna llum filwaqt li nkunu qed ngħinu lis-Seminarju tagħna. Il-biljetti jiswew €5 il-kbar u €3 it-tfal u jinkisbu mis-Seminarju (t. 21556479). Id-dramm jerġa’ jsir għall-aħħar darba s-SIbt 25 ta’ Novembru fis-7.30pm. Titilfuhx!

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend, il-ġabra tkun b’risq il-festa 2018. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Grazzi ta’ kull offerta.

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 12 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8am sas-1pm.

SIĠRA TAL-MILIED FUQ IZ-ZUNTIER

Infakkru li qegħdin niġbru a)kull tip ta’ għotjien tal-plastic tondi jew kwadri. b) Bottijiet tal-yoghurt ecc. Naddfuhom sew u ġibuhom il-knisja fil-kaxxa fejn il-bieb tas-sagristija. Grazzi.

Din hija attività tal-grupp tal-adoloxxenti tagħna MTL youths.

ABBONAMENTI

Dawk kollha li jixtiequ jġeddu l-abbonament fir-rivista Regina et Mater ikellmu lil Terry Camilleri.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Eugenia Buttigieg toffri €20 b’suffraġju ta’ Stephen Xuereb f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ Novembru u għall-erwieħ tal-familja Xuereb.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 5 ta’ Novembru 2017

It-30 Ħadd Matul is-Sena

NOVEMBRU – AĦNA MAĦLUQA GĦALL-ĠENNA

Sakemm il-Mulej Ġesu’ jigi fil-glorja tiegħu, tinqered il-mewt u kollox jigi taħt is-setgħa tiegħu, xi uħud mid-dixxipli tiegħu huma pellegrini fuq din l-art.

Oħrajn li għaddew minn din il-ħajja għal oħra qed jissaffew minn xi ħtijiet li kienu mtabba’ magħhom meta għaddew għall-ħajja l-oħra u oħrajn qed igawdu fil-glorja dejjiema lil Alla, Sid ta’ kollox u ta’ kulħadd.

L-għan ta’ kull settur huwa wieħed: l-imħabba lejn Alla. L-għaqda ta’ dawk il-pellegrini hawn fid-dinja ma’ dawk ħuthom mejta ma tinkisirx iżda tissaħħaħ permezz ta’ opri spiritwali. Il-knisja sa mill-ewwel żminijiet kienet tgħożż b’imħabba kbira t-tifkira tal-mejtin għeżież tagħna u kienet toffri sufraġi għalihom. Huma li kienu saru membri ta’ Kristu Msallab u Rxoxt permezz tal-Magħmudija, tgħaqqadhom fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid sabiex jgħaddu mill-aktar fis miegħu għall-ħajja bla tmiem. Hija domma ta’ fidi li l-erwieħ ta’ dawk li telqu qabilna jkunu sufragati bit-talb tal-fidili hawn fid-dinja. Li titlob għall-mejtin huwa att ta’ karita’, ċertament obbligatorju għan-nisrani li jipprofessa l-imħabba lejn il-proxxmu. Meta nitolbu għall-mejtin tagħna żgur li nkunu qed nagħmlu ħbieb għalina fis-sema għaliex dawn jitolbu għalina. Niftakru li jum wieħed aħna lkoll nidħlu fit-tribunal tal-Imħallef Ġust biex inkunu ġudikati għall-għemejjel tagħna. Imberkin aħna jekk isibna bid-dawl f’idejna għax nimmeritaw il-premju etern, mhux għall-ħila tagħna iżda għall-merti tal-Feddej tagħna Gesu’ Kristu li kisbilna l-fidwa tagħna. Iżda minħabba d-difetti tagħna jkun jeħtiġilna li ngħaddu mill-piena tal-purgatorju. Kemm inkunu nixtiequ li xi ħadd jissufragana biex infittxu mmorru ngawdu lil Dak li mingħajru ma nistgħux ngħaddu. Għalhekk għandha tkun spiss fuq fommna din it-talba:

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem,

id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom,

jistrieħu fil-paċi

Hekk Ikun.

Matul Novembru nżuru ċ-ċimiterju ta’ spiss, nirriflettu u nitolbu.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                                  NOVEMBRU 2017

Fakkarna  fil-Ħajja ta’ Dejjem

NOVEMBRU

… ilaqqagħna fiċ-Ċimiterju

Matul il-jiem ta’ Novembru speċjalment fl-ewwel ġimgħa, kważi kollha kemm aħna nersqu lejn iċ-ċimiterju biex nagħtu tislima xierqa lill-għeżież tagħna.

Iċ-ċimiterji jsiru post ta’ laqgħa …laqgħa mal-fdalijiet ta’ ħutna li diġa għaddew għal ħajja aħjar u laqgħa ma’ xulxin.

Mingħajr ma rridu, allura, ċ-ċimiterju jlaqqagħna mar-realtà iebsa tal-firda minn ma’ ħutna li ħallewna u tal-fatt li xi darba aħna wkoll għad inħallu kollox warajna.

     Fuq kollox iċ-ċimiterju jlaqqagħna ma’ KRISTU

     RXUXTAT li miegħu u bih għad inqumu għall-

     eternità aħna wkoll!

Għalhekk nuru dejjem aktar ir-rispett tagħna lejn dan il-post qaddis billi nżommu ambjent ta’ skiet u talb flimkien ma’ għożża u mħabba lejn il-mejtin tagħna u lejn xulxin.

Prosit tassew lil kulħadd għall-mod tajjeb u sabiħ  kif jinżammu l-oqbra fiċ-ċimiterju tagħna.

Grazzi speċjali lil dawk li ta’ kull sena jagħtu l-offerta tagħhom għall-manutenzjoni ġenerali taċ-ċimiterju. Bdejna nduru ftit ftit il-kappella wara li konna ħadna ħsieb tal-passaġġi. Min jixtieq jgħin, tistgħu tagħmlu offerta fil-kaxxa fil-kappella taċ-ċimiterju stess.

Grazzi mill-qalb lil Loreto Debattista li b’tant dedikazzjoni jieħu ħsieb dan il-post tant għażiż.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’nofsinhar.

Nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mill-għaqdiet tal-parroċċa.

Kuljum – pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 4 ta’ Novembru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa. L-Adorazzjoni tkun mit-8.30am sa nofsinhar u mbagħad tkompli wara l-quddiesa sad-9 pm. Il-quddiesa tas-6pm fil-knisja parrokkjali ser tkun għall-katekisti u soċji Għawdxin offruta mill-Uffiċċju tal-Katekeżi tad-Djoċesi.

GRAZZI MILL-QALB

Ġabra speċjali għall-knisja – €717.40

N.N. B’ringrazzjament lill-Madonna €100.

Għas-sagristiji: Familja Farrugia-€200, N.N. €500.

SIĠRA TAL-MILIED FUQ IZ-ZUNTIER

Qegħdin niġbru a)kull tip ta’ għotjien tal-plastic tondi jew kwadri. b) Bottijiet tal-yoghurt ecc. Naddfuhom sew u ġibuhom wara t-taraġ tal-knisja (fejn qabel kienet issir it-tombla)

SEMINAR GĦAL KULĦADD 

Post: MUSEUM Nisa Xewkija nhar it-Tlieta 7 ta’ Novembru mid-9.30am sa 12.00pm. Tiġi ċċelebrata l-quddiesa.

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 7 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

MIS-SEMINARJU  

Is-Sibt 11 ta’ Novembru 2017 fis-7pm se ssir l-Ikla ta’ San Martin fis-Seminarju b’risq il-formazzjoni tas-seminaristi tagħna. Biljetti mis-Seminarju stess (21556479) jew mingħand l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju – il-kbar €15  u t-tfal €8.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ oħthom Loreta Xuereb f’għeluq ir-raba’ sena mill-mewt tagħha fit-8 ta’ Novembru.
  • Il-Familji Galea u Azzopardi joffru €20 b’suffraġju ta’ Loreta Galea f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tagħha fis-7 ta’ Novembru.
  • Carmela Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ ħuha Loreto Buttigieg f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Novembru.
  • N. toffri €30 b’suffraġju tal-erwieħ kollha tal-purgatorju.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

ħttp://www.radjulauretana.com/parisħ