Bullettin 5 ta’ Novembru 2017

It-30 Ħadd Matul is-Sena

NOVEMBRU – AĦNA MAĦLUQA GĦALL-ĠENNA

Sakemm il-Mulej Ġesu’ jigi fil-glorja tiegħu, tinqered il-mewt u kollox jigi taħt is-setgħa tiegħu, xi uħud mid-dixxipli tiegħu huma pellegrini fuq din l-art.

Oħrajn li għaddew minn din il-ħajja għal oħra qed jissaffew minn xi ħtijiet li kienu mtabba’ magħhom meta għaddew għall-ħajja l-oħra u oħrajn qed igawdu fil-glorja dejjiema lil Alla, Sid ta’ kollox u ta’ kulħadd.

L-għan ta’ kull settur huwa wieħed: l-imħabba lejn Alla. L-għaqda ta’ dawk il-pellegrini hawn fid-dinja ma’ dawk ħuthom mejta ma tinkisirx iżda tissaħħaħ permezz ta’ opri spiritwali. Il-knisja sa mill-ewwel żminijiet kienet tgħożż b’imħabba kbira t-tifkira tal-mejtin għeżież tagħna u kienet toffri sufraġi għalihom. Huma li kienu saru membri ta’ Kristu Msallab u Rxoxt permezz tal-Magħmudija, tgħaqqadhom fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid sabiex jgħaddu mill-aktar fis miegħu għall-ħajja bla tmiem. Hija domma ta’ fidi li l-erwieħ ta’ dawk li telqu qabilna jkunu sufragati bit-talb tal-fidili hawn fid-dinja. Li titlob għall-mejtin huwa att ta’ karita’, ċertament obbligatorju għan-nisrani li jipprofessa l-imħabba lejn il-proxxmu. Meta nitolbu għall-mejtin tagħna żgur li nkunu qed nagħmlu ħbieb għalina fis-sema għaliex dawn jitolbu għalina. Niftakru li jum wieħed aħna lkoll nidħlu fit-tribunal tal-Imħallef Ġust biex inkunu ġudikati għall-għemejjel tagħna. Imberkin aħna jekk isibna bid-dawl f’idejna għax nimmeritaw il-premju etern, mhux għall-ħila tagħna iżda għall-merti tal-Feddej tagħna Gesu’ Kristu li kisbilna l-fidwa tagħna. Iżda minħabba d-difetti tagħna jkun jeħtiġilna li ngħaddu mill-piena tal-purgatorju. Kemm inkunu nixtiequ li xi ħadd jissufragana biex infittxu mmorru ngawdu lil Dak li mingħajru ma nistgħux ngħaddu. Għalhekk għandha tkun spiss fuq fommna din it-talba:

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem,

id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom,

jistrieħu fil-paċi

Hekk Ikun.

Matul Novembru nżuru ċ-ċimiterju ta’ spiss, nirriflettu u nitolbu.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                                  NOVEMBRU 2017

Fakkarna  fil-Ħajja ta’ Dejjem

NOVEMBRU

… ilaqqagħna fiċ-Ċimiterju

Matul il-jiem ta’ Novembru speċjalment fl-ewwel ġimgħa, kważi kollha kemm aħna nersqu lejn iċ-ċimiterju biex nagħtu tislima xierqa lill-għeżież tagħna.

Iċ-ċimiterji jsiru post ta’ laqgħa …laqgħa mal-fdalijiet ta’ ħutna li diġa għaddew għal ħajja aħjar u laqgħa ma’ xulxin.

Mingħajr ma rridu, allura, ċ-ċimiterju jlaqqagħna mar-realtà iebsa tal-firda minn ma’ ħutna li ħallewna u tal-fatt li xi darba aħna wkoll għad inħallu kollox warajna.

     Fuq kollox iċ-ċimiterju jlaqqagħna ma’ KRISTU

     RXUXTAT li miegħu u bih għad inqumu għall-

     eternità aħna wkoll!

Għalhekk nuru dejjem aktar ir-rispett tagħna lejn dan il-post qaddis billi nżommu ambjent ta’ skiet u talb flimkien ma’ għożża u mħabba lejn il-mejtin tagħna u lejn xulxin.

Prosit tassew lil kulħadd għall-mod tajjeb u sabiħ  kif jinżammu l-oqbra fiċ-ċimiterju tagħna.

Grazzi speċjali lil dawk li ta’ kull sena jagħtu l-offerta tagħhom għall-manutenzjoni ġenerali taċ-ċimiterju. Bdejna nduru ftit ftit il-kappella wara li konna ħadna ħsieb tal-passaġġi. Min jixtieq jgħin, tistgħu tagħmlu offerta fil-kaxxa fil-kappella taċ-ċimiterju stess.

Grazzi mill-qalb lil Loreto Debattista li b’tant dedikazzjoni jieħu ħsieb dan il-post tant għażiż.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’nofsinhar.

Nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mill-għaqdiet tal-parroċċa.

Kuljum – pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 4 ta’ Novembru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa. L-Adorazzjoni tkun mit-8.30am sa nofsinhar u mbagħad tkompli wara l-quddiesa sad-9 pm. Il-quddiesa tas-6pm fil-knisja parrokkjali ser tkun għall-katekisti u soċji Għawdxin offruta mill-Uffiċċju tal-Katekeżi tad-Djoċesi.

GRAZZI MILL-QALB

Ġabra speċjali għall-knisja – €717.40

N.N. B’ringrazzjament lill-Madonna €100.

Għas-sagristiji: Familja Farrugia-€200, N.N. €500.

SIĠRA TAL-MILIED FUQ IZ-ZUNTIER

Qegħdin niġbru a)kull tip ta’ għotjien tal-plastic tondi jew kwadri. b) Bottijiet tal-yoghurt ecc. Naddfuhom sew u ġibuhom wara t-taraġ tal-knisja (fejn qabel kienet issir it-tombla)

SEMINAR GĦAL KULĦADD 

Post: MUSEUM Nisa Xewkija nhar it-Tlieta 7 ta’ Novembru mid-9.30am sa 12.00pm. Tiġi ċċelebrata l-quddiesa.

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 7 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

MIS-SEMINARJU  

Is-Sibt 11 ta’ Novembru 2017 fis-7pm se ssir l-Ikla ta’ San Martin fis-Seminarju b’risq il-formazzjoni tas-seminaristi tagħna. Biljetti mis-Seminarju stess (21556479) jew mingħand l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju – il-kbar €15  u t-tfal €8.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ oħthom Loreta Xuereb f’għeluq ir-raba’ sena mill-mewt tagħha fit-8 ta’ Novembru.
  • Il-Familji Galea u Azzopardi joffru €20 b’suffraġju ta’ Loreta Galea f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tagħha fis-7 ta’ Novembru.
  • Carmela Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ ħuha Loreto Buttigieg f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Novembru.
  • N. toffri €30 b’suffraġju tal-erwieħ kollha tal-purgatorju.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

ħttp://www.radjulauretana.com/parisħ