Bullettin 19 ta’ Novembru 2017

It-33 Ħadd Matul is-Sena

AĦDMU BLA WAQFIEN!

INT KONT FIDIL FIL-FTIT, U JIEN SE NAFDAK FUQ ĦAFNA;

IDĦOL FL-HENA TA’ SIDEK

F’dawn l-aħħar Ħdud tas-sena liturġika l-Mulej Ġesù, permezz tal-parabboli, irid jimliena bil-kuraġġ u fl-istess ħin jiftħilna għajnejna.

Filwaqt li jgħidilna biex NISHRU, jgħidilna wkoll biex NAĦDMU u NĦADDMU t-talenti li l-Mulej jagħtina.  Ilkoll kemm aħna nafu li ma nistgħux inkunu veri nsara jekk ma naħdmux ilkoll biex il-Mulej jidher aktar permezz tagħna fis-soċjetà u fl-ambjent li fih ngħixu lkoll kemm aħna.  Il-Mulej iridna lkoll kemm aħna li nagħtu fil-ħidma tagħna dak kollu li nistgħu.  Ma jridx miegħu l-Mulej nies ta’ skużi, nies li jaħbu minnu, nies li kontinwament isibu skużi fil-ħidma  tagħhom ta’ kuljum.  Dak li l-Mulej jagħtina rridu nagħtuh lura mhux kif inhu iżda aħjar billi nkunu mpenjajna ruħna b’mod qawwi fis-soċjetà.  Il-Mulej mhux se jistaqsi jekk żbaljajniex iżda jekk ħdimniex.

Fil-Vanġelu tal-lum għandna l-parabbola tat-talenti fejn Ġesù jurina kif għandha tkun l-istennija tagħna. Ġesù ma jridx nies reqdin u għażżiena miegħu iżda nies li jishru u jaħdmu. Hi x’inhi l-età tagħna rridu nkunu nies li nisimgħu leħen il-Mulej u nwettqu r-rieda tiegħu fl-għemil tagħna. Il-Mulej jurina li jrid jara l-isforz tagħna bħala Nsara jinħadem kontinwament bil-għodda li tana hu stess, il-Kelma ta’ Alla, is-sagramenti u t-tagħlim tal-Knisja.

Kemm qegħdin tassew nużaw il-ħajja tagħna għat-twettiq ta’ dak li jrid minna Ġesù bil-għajnuna li tana?

Mulej, urini kuljum xi trid minni,

u kif inħaddem sew it-talenti li fdajtli.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                  NOVEMBRU 2017

Fakkarna  fil-Ħajja ta’ Dejjem

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Apprezza l-ħin li tiddedika biex tkun il-knisja. Approfitta kemm tista’ minnu !!! Hu ħin qaddis li fih tiltaqa’ ma’ Alla fil-Kelma tiegħu u ma’ Ibnu Ġesù fl-Ewkaristija. Itlob!  Inġabar! Ħu sehem sħiħ!…

L-EWWEL JUM DINJI TAL-FOQRA

Imniedi mill-Papa Franġisku

Il-Ħadd 19 ta’ Novembru, 2017

Messaġġ Qawwi ħiereġ minn qalb il-Papa

  1. 1. “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3:18). Dawn il-kelmiet tal-Appostlu Ġwanni jesprimu kmand li l-ebda Nisrani ma jista’ jaħrab minnu. Is-serjetà li biha d-“dixxiplu l-maħbub” jittrasmetti sa żminijietna l-amar ta’ Ġesù hi aktar enfasizzata fil-kuntrast li joħroġ bejn il-kliem u t-tpaċpiċ li spiss issib fuq fommna u l-għemil u s-sewwa li bihom imsejħin nitqiesu. L-imħabba ma tafx bi skużi: min irid iħobb kif ħabb Ġesù, għandu jimxi fuq l-eżempju tiegħu; fuq kollox meta nkunu msejħin inħobbu lill-foqra. Wara kollox, il-mod kif ħabb l-Iben ta’ Alla hu magħruf sewwa, u Ġwanni dan ifakkarhulna b’ittri ċari. Dan jinbena fuq żewġ kolonni ewlenin: Alla l-ewwel li ħabbna (1 Ġw 4:10,19); u ħabbna billi tana lilu nnifsu kollu kemm hu, anki l-istess ħajtu (1 Ġw 3:16).

Imħabba bħal din ma tistax tibqa’ bla tweġiba. Anki jekk ingħatat b’mod sħiħ, bla ma talbet xejn lura, xorta waħda tkebbes lill-qalb b’mod li, ikun min ikun, iħoss li għandu jpatti għaliha minkejja l-limiti u d-dnubiet tiegħu.

Tista’ tara l-messaġġ sħiħ bil-Malti fuq:  http://laikos.org/

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 21 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

QUDDIESA FESTA SANTA ĊEĊILJA

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp tistiednek għal quddiesa fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja patruna tal-mużiċisti u l-baned Maltin l-Erbgħa 22 ta’ Novembru fis-7pm. Kulħadd mistieden.

NOFS TA’ NHAR FLIMKIEN

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 22 ta’ Novembru (9am –  12pm). Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Roberto Gauci, kafe’ u tombla.

GRAZZI Familja Azzopardi. Offerta lill-Madonna ta’ Loreto – €200.

STEDINA miċ-Ċentru Parrokkjali

THANKSGIVING

Is-Sibt 25 ta’ Novembru, 2017

  • Fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.00pm ‘il quddiem
  • 3 course meal organizzata miż-żgħażagħ tagħna – GSM Youths.

Biljetti (kbar €12, żgħar minn yr5 sa form1 €6. Family ticket- omm u missier u żewġt itfal yr 5-form 1 – €30). Ċemplu 79964537 jew  21554615.

LAQGĦA MPORTANTI GĦALL-KOPPJI

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: Kif nibdew iż-żwieġ b’pass tajjeb? POST: fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Novembru bejn is-6.00pm u s-7.15pm. Titkellem Tanya Farrugia (clinical psychologist).  Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

MIS-SEMINARJU TAL-QALB TA’ ĠESÙ

Il-Ħadd 19 ta’ Novembru fit-3pm u s-SIbt 25 ta’ Novembru fis-7.30pm. fis-Seminarju ser jittella’ dramm interessanti fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Marija Vianney – Il-Ħmar ta’ Alla. Biljetti €5 il-kbar u €3 it-tfal u jinkisbu mis-Seminarju (t. 21556479).

SIĠRA TAL-MILIED FUQ IZ-ZUNTIER

Infakkru li qegħdin niġbru a)kull tip ta’ għotjien tal-plastic tondi jew kwadri. b) bottijiet tal-yoghurt ecc. Naddfuhom sew u ġibuhom il-knisja fil-kaxxa fejn il-bieb tas-sagristija. Grazzi.

Din hija attività tal-grupp tal-adoloxxenti tagħna MTL youths.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil Pawla Haber li daħlet għall-ħajja ta’ dejjem nhar it-3 ta’ Novembru, 2017 fl-etȧ ta’ 89 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.