Bullettin 26 ta’ Novembru 2017

Festa ta’ Kristu Sultan    –

SULTAN TA’ KULJUM

Fil-Vanġelu tal-lum insibu l-aħħar silta tad-diskors ta’ Kristu fuq l-aħħar żminijiet.  Ġesù huwa mxebbah mas-Sultan ragħaj li kontinwament isegwi n-nagħaġ tiegħu, jafhom personalment u jindukrahom.

Il-Mulej jagħmel l-istess ma’ kull wieħed u waħda minna u għalhekk huwa Sultan ta’ kuljum, mhux sultan għar-ritratti jew għall-pożi, mhux sultan ta’ rikkezzi materjali.  It-tron tiegħu kien is-salib u l-kuruna tiegħu hija dik tax-xewk.  Ried jurina kontinwament il-Mulej li s-Saltna tiegħu hija Saltna ta’ ħidma u mpenn u din għandha tkun l-istennija tagħna ta’ kuljum.  Il-Mulej se jifred dawk li ma tawx każ ta’ kliemu minn dawk li taw każ.  Dan għandu tabilħaqq jiftħilna għajnejna.  ISSA rridu nwettqu l-għażliet tagħna.  ISSA, fil-ħajja ta’ kuljum. TASSEW, NGĦIDILKOM, KULL MA GĦAMILTU MA’ WIEĦED MILL-IŻGĦAR FOST DAWN ĦUTI, GĦAMILTUH MIEGĦI.

L-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-profeta Eżekjel, jurina li se jkun l-istess Alla, li se jinżel biex jindokra n-ngħaġ tiegħu.  U din l-għajta tidwi fis-Salm 22 fejn intennu li l-Mulej huwa r-ragħaj tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, għandna lil San Pawl juri kif il-Mulej se jġib fit-tmiem is-Saltna li beda fuq din l-art meta jerġa’ jiġi.  Fil-Vanġelu għandna l-figura tas-Sultan – ragħaj li jagħmel ġustizzja ma’ dawk li jsegwu kliemu.

  • Kemm tassew ilkoll kemm aħna għandna fiduċja fi Kristu Sultan?
  • Kemm tassew qed nuru li aħna parti mis-Saltna tiegħu?
  • tkun il-ħidma tagħna fil-mument ta’ prova tal-ġurnata ta’ kuljum?

Mulej, grazzi li ħadtni f’idejk, fis-Saltna tiegħek.

     Tħallini qatt, Mulej, nitbiegħed minn saltnatek.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                                  NOVEMBRU 2017

Fakkarna  fil-Ħajja ta’ Dejjem

MIS-SEMINARJU TAL-QALB TA’ ĠESÙ

Is-SIbt 25 ta’ Novembru fis-7.30pm fis-Seminarju ser jittella’ għall-aħħar darba d-dramm fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Marija Vianney – Il-Ħmar ta’ Alla. Biljetti mis-Seminarju.

JUM IL-KARITÀ

Fid-Djoċesi tagħna, fil-festa ta’ Kristu Sultan, jinżamm ukoll Jum il-Karità. Din is-sena l-Papa Franġisku sejjaħ lill-kattoliċi kollha biex ifakkru Jum il-Fqar proprju Ħadd qabel din il-festa. Is-sejħa biex ngħinu lill-foqra tibqa’ dejjem magħna.

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet tqassam envelop apposta għal għotjiet ta’ karità li aħna msejħa nagħmlu. Ġibu magħkom dan l-envelop il-knisja u itfgħuh fil-ġabra li ssir waqt il-quddies Il-ġbir kollu dan il-weekend ikun għall-karità.

Il-parroċċa tagħna għandha fond għall-karità li tużaħ biex tagħti għotjiet ta’ ikel lil min ikun fil-bżonn. Dan il-fond huwa sostnut mill-ġbir li jsir waqt il-funerali. Din hi opra kontinwa ta’ karità li twettaq il-parroċċa permezz tal-kumitat tal-Promozzjoni Umana. Nirringrazzjawhom tal-ħidma kontinwa tagħhom favur min hu fil-bżonn.

Dalwaqt inniedu l-kampanja – Siġra tal-Karità – fil-knisja tagħna u anke fil-ħwienet tal-merċa.

Sejħa…Għandna bżonn ta’ għadd ta’ voluntiera biex jgħinu f’din il-kampanja. Tista’ tagħti mqar ftit ħin… u tkun tajt ħafna bla spejjeż… Kellmu lill-arċipriet fuq 79710784 jew 21554615.

Miċ-Ċentru Parrokkjali

THANKSGIVING     Is-Sibt 25 ta’ Novembru.

  • Fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.00pm ‘il quddiem
  • SER IKOLLNA WKOLL BEJGĦ TA’ XTIELI U PONSJETTI TAL-MILIED MATUL IL-Ġranet li ġejjin.
  • Tkunu tgħinu l-proġett taż-żgħażagħ GSM Youths biex isir lifter għall-persuni li jużaw il-wheelchair ħalli ċ-Ċentru Parrokkjali jkun aċċessibbli.

GOZO CHOIR FESTIVAL

Din it-Tieni Edizzjoni ser tkun tinkludi wkoll serata fil-Knisja Parrokkjali tagħna: Il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru fis-7.00pm. Ikollna erba’ korijiet – minn Għawdex, Franza, Italja u l-Ungerija. Titilfuhiex.

NAGĦTU D-DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 26 ta’ Novembru:  mit-8am sas-1pm.

INFAKKRU L-MEDALJA MIRAKOLUŻA

Nhar it-Tnejn li ġej, 27 ta’ Novembru, issir it-tifkira tal-Madonna tal-Medalja Mirakoluża… Għalhekk fil-quddiesa ta’ filgħaxija jkollna ħsieb qasir dwar din id- devozzjoni verament sabiħa lejn Ommna Marija. Wara jkollna wkoll it-tberik ta’ domni u titqassam lil dawk preżenti. Inħeġġu l-familji bit-tfal biex jiġu.

Is-SIĠRA TAL-MILIED FUQ IZ-ZUNTIER

Komplu iġbru

– għotjien tal-plastic – bottijiet tal-yoghurt ecc.

Anke cd’s qodma li ma għadhomx jintużaw.

Grazzi. Attività tal-adoloxxenti tagħna MTL youths.

BETLEHEM F’GĦAJNSIELEM

Ser issir laqgħa għall-atturi kollha l-Erbgħa 29 ta’ Novembru fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Hu importanti li kull min se jieħu sehem jattendi għal din il-laqgħa.

BAZAAR Fiċ-Ċentru Sant’Antnin Xtieli u ħelu b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin. (1, 2 u 3 ta’ Diċembru).

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Rose Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Mary Grech f’għeluq id-9 snin minn mewtha fil-21 ta’ Novembru.
  • Francis u Maria Sultana, flimkien ma’ uliedhom joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż binhom Albert f’għeluq l-ewwel sena minn mewtu fis-27 ta’ Novembru.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil JohnMary Dingli li sejjaħtlu għal għandek nhar id-19 ta’ Novembru fl-għomor ta’ 90 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Meta tkun ġej/ja l-knisja, ħudha bħala drawwa qaddisa li tibda taħseb f’Alla u titolbu mill-qalb anke mat-triq. Inġabar fit-talb meta tidħol il-knisja u llesti biex tisma’ l-Kelma tiegħu.