Bullettin 3 ta’ Diċembru 2017

L-1 Ħadd tal-Avvent

ISHRU!      – L-Avvent

Illum bdejna sena liturġika ġdida.  Sena oħra mal-Mulej.  Sena li hija wkoll mixja ma’ Ġesù Kristu.

Hija sena li rridu nagħrfu ngħixuha minkejja li d-dgħufija u d-difetti tagħna ħafna drabi jorbtuna mal-art b’mod li ma nkunu nistgħu nagħmlu l-ebda progress spiritwali.  Din hija l-ġlieda li kuljum irridu nwettqu matul din is-sena liturġika

Il-Mulej illum jurina kif għandna nagħmlu dan billi NIFTĦU GĦAJNEJNA U NISHRU.  Inkunu konxji tar-realtajiet li hawn madwarna kif ukoll inkunu konxji li waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn.  Għalhekk hemm bżonn li jkollna djalogu kontinwu ma’ Alla permezz tat-talb.

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, nisimgħu lill-profeta jkellem lill-poplu Lhudi eżiljat u umiljat f’Babel.  Jurih lil dan il-poplu li ma jistax jinfeda jekk Alla nnifsu ma jidħolx għalih minn rajh.  Ma’ San Pawl fl-Ittra lill-Korintin infaħħru lil Alla f’innu sabih ta’ tifħir.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark Ġesù jwissina biex noqogħdu attenti u nitolbu għax ma nafux il-jum u s-siegħa li niltaqgħu għal dejjem mal-Mulej.

  • Kemm tassew bħala Nisrani ninsab b’għajnejja miftuħa dwar dak li qed jiġri madwari?
  • Kemm qed nieħu kull deċiżjoni f’għaqda sħiħa ma’ Alla?
  • Kemm tassew qed ikun hemm mumenti fil-ħajja tiegħi li nkun nishar fit-talb?
  • Kif se nimxi mal-Mulej matul din is-sena?  Kollox bil-qies?  Jiġifieri quddiesa tal-Ħadd għax bilfors, qrara għad-Duluri u daqshekk?
  • Kemm tassew qed nipprova nitkellem u ngħix li Alla huwa mħabba?

Mulej, agħmel li matul din is-sena liturġika ġdida

nikber aktar fil-fidi tiegħi fik u fl-għaqda tiegħi miegħek.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                     DIĊEMBRU 2017

Ferraħna  bil-Preżenza ta’ Ibnek Ġesù

NAGĦTU D-DEMM fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 5 ta’ Diċembru mis-1pm sal-5pm.

Nibdew

SENA LITURĠIKA ĠDIDA

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna!

Atti 17, 28

Dawn huma l-kelmiet li se jmexxuna matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Il-mira tagħna bħala parroċċa hi li, bħal Marija, nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù u nħalluh ikun hu il-bidu u t-tmiem (l-Alpha u l-Omega) ta’ kulma nagħmlu, tal-ferħ u n-niket tagħna… ta’ ħajjitna.

IL-MADONNA TA’ LORETO

10 ta’ Diċembru – FESTA LITURĠIKA

Is-Sibt 9 ta’ Diċembru

5.30pm Rużarju dirett mis-Santwarju ta’ Loreto li jixxandar fuq Radju Lauretana u anke Radju Marija. Jiġi mxandar ukoll fil-Knisja.

6pm Quddiesa

7pm       Rużarju u Talb Marjan quddiem ix-xbieha tal-Madonna s-Sewda fil-Knisja Parrokkjali.

9pm       Festa della Venuta della Santa Casa. Xandira diretta minn Loreto fuq Radju Lauretana u Radju Marija tar-rużarju, il-quddiesa u l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna s-Sewda. Kummentarju bil-Malti.

Il-Ħadd 10 ta’ Diċembru

10.00am: Konċelebrazzjoni Solenni tal-Festa Liturġika ta’ Loreto mmexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada bis-sehem tal-orkestra u l-kor.

Wara jsir it-tberik tar-Reredos fejn għandna l-istatwa tal-Madonna s-Sewda mill-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u kant tal-antifona.

WIRJA TAL-MILIED

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni Għajnsielem tistieden lil kulħadd għall-inawgurazzjoni tat-tielet edizzjoni tal-Wirja ‘Venite Adoremus’ – Wirja ta’  Presepji, Dioramas u Pasturi Artistiċi l-Ħadd 3 ta’ Diċembru fil-12.15pm. Il-wirja tinfetaħ mill-Ministru t’Għawdex Dr. Justyne Caruana u titbierek mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada.

FESTA KUNĊIZZJONI IMMAKULATA

Il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru l-quddies fil-knisja tagħna jkun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

Pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Qala

Filgħaxija fil-Knisja Parrokkjali tagħna –

GOZO CHOIR FESTIVAL

Din it-Tieni Edizzjoni ser tkun tinkludi wkoll serata fil-Knisja Parrokkjali tagħna: Nhar il-Ġimgħa li ġejja, fis-7.00pm. Ikollna erba’ korijiet – minn Għawdex, Franza, Italja u l-Ungerija. Titilfuhiex.

IKLA TAL-MILIED  b’risq il-patrijiet Franġiskani l-Ġimgħa 15 ta’ Diċembru l-Cornucopia Hotel. Booking fuq 79448921 jew 99285912. Aħsbu kmieni.

RADJU LAURETANA  

Mal-bullettin qed tirċievu l-iskeda tal-Milied ta’ Radju Lauretana. Tibda l-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru. Segwu l-ħafna programmi u xandiriet sbieħ li hemm imħejjija. Grazzi tas-sapport.

HIGH TEA b’risq il-missjoni tal-Ethiopia fis-Sala tal-Każin tal-Banda l-Erbgħa 6 ta’ Diċembru, fis-7pm.

Miċ-Ċentru Parrokkjali

SERATA tal-MILIED

Il-Ħamis 28 ta’ Diċembru. Min jixtieq jieħu sehem jikkuntattjana fuq 21554615, 79710784, 79964537

Għandna  BEJGĦ TA’ XTIELI U PONSJETTI TAL-MILIED.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil Loreto Cutajar li sejjaħtlu għal għandek nhar is-17 ta’ Novembru fl-għomor ta’ 76 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

F’dan l-avvent, ipprova oħloq mumenti ta’ skiet fir-ritmu tal-ġurnata: Skiet tal-kliem, skiet tal-ħsibijiet, Skiet tal-kurżità l-aktar fuq il-media soċjali, Skiet minn tant storbju li qed ifixklek milli tisma’ tabilħaqq il-leħen ta’ Alla ġo fik stess.