Bullettin 10 ta’ Diċembru 2017

It-2 Ħadd tal-Avvent

IL-BIDLA – TĦEJJIJA TA’ TRIQ

Ħsieb dominanti fil-bidu tas-sena liturġika, b’mod speċjali fil-bidu ta’ l-Avvent, hija insistenza kbira fuq il-ħtieġa li ninbidlu.  Hemm bżonn li kull sena

ninbidlu u niġġeddu biex nikbru aktar ma’ Kristu u mal-Knisja fil-mixja u fl-eżempju li għandna nagħtu ta’ Nsara ħajjin.  U dan jitlob minna BIDLA RADIKALI.  Bidla li tfisser li ninqatgħu mill-passat, minn affarijiet li qed jagħmluna lsiera.  Il-figura ta’ Ġwanni l-Battista hija figura ta’ radikalità evanġelika fil-proċess ta’ tħejjija li lkoll irridu nagħmlu tul il-ħajja tagħna.  Hemm bżonn li lkoll, bħal Ġwanni l-Battista, ma nistħux nikkonfrontaw l-ambjent ta’ madwarna;  għax, minħabba l-mistħija, ħafna drabi nikkonformaw ma’ dak li jdur ma’ saqajna għax nistħu ngħidu li aħna nsara.

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, huwa espressjoni ta’ ferħ u hena għaliex il-Mulej se jeħles il-poplu tiegħu mill-eżilju.  Hija espressjoni ta’ hena għax il-Mulej qed iżomm il-wegħdiet li għamel mal-istess poplu.

Salm 84, li ntennu fis-Salm Responsorjali, jurina li għandna nitolbu lill-Mulej biex ilkoll kemm aħna nakkwistaw is-salvazzjoni.

Fit-Tieni Qari tal-lum, San Pietru jħeġġeġ lill-Insara biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-bini ta’  smewwiet ġodda.

Fil-Vanġelu ta’ San Mark, propju fil-bidu ta’ dan il-Vanġelu, għandna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista li qiegħed jgħajjat fid-deżert biex inħejju t-triq għall-Mulej.

Il-Mulej qed jistedinna ninbidlu bis-serjetà. 

Huwa l-isbaħ mod kif inħejju ruħna għat-twelid tiegħu.  Ġesù se jitwieled mill-ġdid biex iġedded lilna lkoll.  Ġesù jrid li lkoll kemm aħna nagħrfu li mingħajru ma nistgħu naslu mkien.  Huwa għalhekk li ħafna drabi nħossuna li qegħdin fid-deżert tal-indifferenza u ma nweġbux għall-karba tiegħu.  Hemm bżonn li nħejju t-triq għall-Mulej; hemm bżonn li niddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħrfu li l-magħmudija li rċevejna rridu nagħtu xhieda tagħha kontinwament fil-ħajja ta’ kuljum.  Huwa għal dan il-għan li rridu nfittxu niddrittaw il-mogħdijiet, anki jekk dan ifisser li nbiddlu l-mod li bih qed ngħixu.

Mulej, għinni niddritta l-mogħdijiet ta’ ħajti,

biex niftaħ ħajti beraħ għall-messaġġi tiegħek.

 

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna!        Atti 17, 2

Fil-Kenn ta’ Darek Marija…                     DIĊEMBRU 2017

Ferraħna  bil-Preżenza ta’ Ibnek Ġesù

 

IL-MADONNA TA’ LORETO

10 ta’ Diċembru – FESTA LITURĠIKA

Is-Sibt 9 ta’ Diċembru

5.30pm     Rużarju dirett mis-Santwarju ta’ Loreto li jixxandar fuq Radju Lauretana u anke Radju Marija. Jiġi mxandar ukoll fil-Knisja.

6pm           Quddiesa

7pm           Rużarju u Talb Marjan quddiem ix-xbieha tal-Madonna s-Sewda fil-Knisja Parrokkjali.

9pm           Festa della Venuta della Santa Casa. Xandira diretta minn Loreto fuq Radju Lauretana u Radju Marija tar-rużarju, il-quddiesa u l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna s-Sewda. Kummentarju bil-Malti.

Il-Ħadd 10 ta’ Diċembru

10am         Konċelebrazzjoni Solenni tal-Festa Liturġika ta’ Loreto mmexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada bis-sehem tal-orkestra u l-kor. Wara jsir it-tberik tar-Reredos fejn għandna l-istatwa tal-Madonna s-Sewda mill-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u kant tal-antifona.

NIBDEW IN-NOVENA tal-Milied

Nhar il-Ġimgħa li ġejja 15 ta’ Diċembru – sas-Sibt 23.

Niltaqgħu kuljum flimkien fis-6pm għall-quddiesa fil-Knisja animata mit-tfal u l-Katekisti.

Okkażjoni ta’ smiegħ tal-Kelma ta’ Alla, talb u kant.

It-tfal jiltaqgħu wkoll fl-oqsma tal-Museum u tad-duttrina qabel jew wara l-quddiesa skont il-programmi tal-istess oqsma.

Genituri ejjew ma’ wliedkom il-Knisja.

INĦALLU KOLLOX U NILTAQGĦU FLIMKIEN IL-KNISJA

SIĠRA TAL-KARITÀ Nibdew din il-ġimgħa sew fil-knisja kif ukoll fil-ħwienet tagħna. Kull għajnuna li nagħtu hija rigal sabiħ tal-Milied.

DIMOSTRAZZJONI BIL-BAMBIN:    Nattendu bi ħġarna Il-Ħadd 24 ta’ Diċembru fil-5pm.

EWRO COLLECTION

Il-ġabra matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend tkun b’risq il-festa 2018. Inkunu ġenerużi u ngħinu kif u kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull offerta.

RADJU LAURETANA  

L-iskeda tal-Milied bdiet. Segwu x-xandiriet u l-programmi li hemm imħejjija.

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 10 ta’ Diċembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8am sas-1pm.

IT-TFAL U BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM

Dawk it-tfal li għandhom ilbies ta’ tfal Lhud li huma tal-Għaqda Drammatika Għajnsielem jew tagħhom u li m’għadhomx jużaw, huma mitluba biex jieħdu dawn il-ħwejjeġ taħt il-knisja s-Sibt 9 ta’ Diċembrufit-3.30pm jew ikellmu lil Joanne Debrincat.

GRAZZI mill-Qalb: N.N. Offerta lill-Madonna ta’ Loreto €200.

Miċ-Ċentru Parrokkjali

SERATA tal-MILIED

Il-Ħamis 28 ta’ Diċembru. Min jixtieq jieħu sehem jikkuntattjana fuq 21554615, 79710784, 79964537

Għandna  BEJGĦ TA’ PONSJETTI TAL-MILIED.

IKLA TAL-MILIED: il-Parroċċa tagħna qed torganizza wkoll l-ikla tal-Milied nhar L-Erbgħa 3 ta’ Jannar 2018 fil-Grand Hotel. Ibbukkjaw fuq 21554615.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Ursola Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Anthony Azzopardi f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ Diċembru.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Ipprepara minn issa biex tersaq għall-qrar dan il-Milied u agħmel esperjenza tal-Ħniena Kbira ta’ Alla miegħek.