Bullettin 30 ta’ Diċembru 2017

L-1 ta’ Jannar –

Marija Omm Alla

OMM IL-PAĊI

L-ewwel jum tas-sena.  L-ewwel jum ta’ tant proponimenti.  L-ewwel jum li l-Knisja tiddedikah lil Ommna Marija u tħeġġiġna għal talb għall-paċi.

Huwa jum simboliku li fih se nibdew ngħixu sena oħra minn ħajjitna. Sena oħra ta’ ħidma, sena oħra ta’ għajxien tal-fidi tagħna.  Huwa jum li fih il-Knisja tpoġġilna bħala mudell lil Ommna Marija, għaliex jekk din is-sena rridu tassew nikbru mhux biss fiż-żmien iżda wkoll fil-fidi rridu lkoll kemm aħna nifhmu li rridu bħal Marija niskopru kuljum il-pjan ta’ Alla għalina.  Matul din is-sena kuljum il-Mulej ser jagħtina biċċa xogħol fl-għalqa tiegħu.  X’ser nagħmlu… indawru wiċċna ’l bogħod mir-realtà u l-ħidma li suppost qed inwettqu, jew bħal Marija ngħidulu:  “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek?”  Huwa jum ta’ ferħ għax bdejna sena ġdida u dan il-ferħ irridu nżommuh tul il-jiem kollha tas-sena, għaliex li tiskopri lil Alla u r-rieda tiegħu fil-ħajja tiegħek, hija festa kontinwa, ferħ kontinwu minkejja s-slaleb tal-ħajja…. Li tgħix fuq il-passi ta’ Ġesù permezz tal-Mudell Marija hija ħidma kontinwa għall-paċi fina nfusna u fis-soċjetà.

Marija hija l-mudell tal-bniedem tal-fidi li l-kelma ta’ Alla jgħożżha, jaħseb fuqha u jħalliha tmexxih, għalkemm mhux dejjem jara kollox ċar.  Marija qalet IVA lil Alla minkejja li ma fehmitx kollox.  Ħafna drabi nġarrbu l-istess esperjenza aħna;  irridu ngħidu IVA lil Alla iżda  nixtiequ naraw ċar mill-ewwel.

Propju fil-bidu ta’ din is-sena aktar milli nagħmlu proponimenti ejjew nintelqu f’idejn Alla, ejjew nintelqu fiH biex inwettqu r-rieda tiegħu. ejjew nintelqu biex ilkoll kemm aħna nifhmu li Alla huwa magħna. Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna.  ma għandniex għalfejn nibżgħu u naqtgħu qalbna, ma għandniex għalfejn nitkaxkru minn qtiegħ il-qalb.  Mhux dejjem naraw ċar iżda bħal Marija rridu ngħidu IVA fix-xogħol u l-missjoni li Alla tana biex inwettqu.  Minn hawn tibda l-paċi fil-qalb, fil-familja u fis-soċjetà tagħna.  L-inkwiet ħafna drabi jinġema’ u jinżera’ meta l-egoiżmu tagħna jibda jmexxina hu u titwarrab minna kull tfittxija biex ngħixu r-rieda ta’ Alla bħal Marija.

Għażiża Ommna Marija, Kun int l-mudell tal-ħajja tagħna

     Għinna fil-mixja tagħna.

IL-KWARANTURI

Żmien ta’ Adorazzjoni

u Qima pubblika

lejn Ġesù Ħaj fl-Ewkaristija

Is-Sibt 30 ta’ Diċembru: Bidu tal-Kwaranturi

9.30am-6.00pm: Adorazzjoni Ewkaristika solenni

Il-Ħadd 31 ta’ Diċembru: Jum ta’ Radd il-Ħajr

11.00am-5.00pm: Adorazzjoni Ewkaristika solenni

5.00pm: Quddiesa solenni tat-Te Deum

6.00pm-10.00pm: Adorazzjoni Ewkaristika solenni

10.00pm: Quddiesa tal-aħħar tas-sena

Wara nistennew is-sena l-ġdida 2018 fiċ-Ċentru Parrokkjali.

It-Tnejn l-1 ta’ Jannar: L-EWWEL TAS-SENA

Solennità ta’ Marija, Omm Alla

Il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd

11.00am-5.00pm: Adorazzjoni Ewkaristika Solenni

5.00pm: Quddiesa u purċissjoni b’Ġesù Ewkaristija madwar iz-zuntier tal-knisja

KALENDARJU PARROKKJALI

Ma’ dal-bullettin qed jitqassam il-Kalendarju parrokkjali. Fih ritratt sabiħ u professjonali tal-inkwatru tal-Kunċizzjoni ta’ Giuseppe Calì li ġie rrestawrat bħala parti mill-proġett ta’ restawr li għadu għaddej fil-Knisja l-Qadima tagħna. Hemm ukoll dati mportanti fil-ħajja tal-komunità parrokkjali tagħna. Qed jitqassam b’xejn imma napprezzaw kull offerta li tistgħu tagħmlu u tgħadduha lil dawk li jqassmulkom il-bullettin stess.

Fil-Kenn ta’ Darek Marija Ferraħna bil-Preżenza ta’ Ibnek Ġesù

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna!        Atti 17, 2                                                                  2018

Grazzi Mulej tal-2017! … Ibqa’ magħna għall-2018

RADJU LAURETANA  

L-iskeda tal-Milied tkompli anke fis-sena l-ġdida. Komplu segwu x-xandiriet speċjali li hemm imħejjija fuq 89.3FM.

SIĠRA TAL-KARITÀ

GRAZZI lil dawk li diġa ħadu sehem f’din il-kampanja.  Inkomplu ngħinu fil-knisja u fil-ħwienet il-karità li ssir mill-PARROĊĊA u mill-Uffiċċju tal-CARITAS tad-DJOĊESI ta’ GĦAWDEX.

Bl-għotja tiegħek tista’ tagħmel lil xi ħadd ferħan           … verament!

IKLA TAL-MILIED:

Il-Parroċċa tagħna qed torganizza l-ikla tal-Milied nhar l-Erbgħa li ġejja, 3 ta’ Jannar 2018 fil-Grand Hotel. Dakinhar ser jiġi varat uffiċċjalment il-proġett tal-orgni għall-Knisja tagħna. Stiednu ħbieb tagħkom anke barranin.  Għall-biljetti (kbar €25) – ċemplu 21554615.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

Wasalna f’punt fejn nistgħu, bil-mod il-mod nibdew nordnaw parti parti, ix-xogħol kbir li jrid isir biex jinbena l-orgni li għandna pproġettat għall-knisja tagħna. Ser ikun uniku fil-gżejjer tagħna. Imma rridu ħafna xogħol, spejjeż u żmien. Kemm ser ikun fih kanen? Kif ser nimxu? Dan u aktar jitħabbar fit-3 ta’ Jannar waqt l-ikla parrokkjali.

Il-PROĠETT TAL-ARLOĠĠI waslu l-minutieri proprja tal-arloġġi u qed isir ix-xogħol ta’ induratura fuqhom. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq id-dwal minn barra tal-kampnar kif ukoll minn ġewwa.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Carmela Ciantar u Joseph joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Pawlu Ciantar f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fil-5 ta’ Jannar u ta’ ħuha Joe Buttigieg f’għeluq is-seba’ snin minn mewtu fis-6 ta’ Jannar.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK…

Jekk ser issuq tixrobx. Mill-bqija, il-moderazzjoni tajba f’kollox!!!!