Bullettin 28 ta’ Jannar 2018

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena

L-IMXAJTAN U L-KELMA SETGĦANA

Fil-ġrajja tagħna ta’ kuljum ħafna drabi nħossuna mitlufin anki fl-istess fidi tagħna.  Inkunu nemmnu … iżda m’aħniex nemmnu biżżejjed.

Ħafna drabi nibdew nissuspettaw fl-istess fidi tagħna.  Qed nitlob għall-paċi u tfaqqa’ l-gwerra; qed nitlob għall-fejqan u nibqa’ marid… iżda fejn qed imur it-talb tiegħi?  It-talb tagħna jkun talb ħerqan lejn dak Ġesù li għandu s-setgħa u l-qawwa fl-istess kelma tiegħu.  Kemm hawn fostna li jippruvaw jaraw li jitolbu l-ħin kollu u mbagħad ikunu ferm ’il bogħod mill-Iskrittura Mqaddsa?  Hemm bżonn urġenti li nkunu nafu ħafna dwar l-Iskrittura Mqaddsa b’mod speċjali l-kliem ta’ Kristu, għax dan l-istess kliem għandu jkun għalina l-qawwa, tama, faraġ, kuraġġ kontra l-imxajtnin ta’ ġo fina u ta’ madwarna.  Kulħadd kien jibqa’ mistagħġeb meta jitkellem Ġesù.  Illum għadna nkunu mistagħġba bil-kliem ta’ Kristu li qed jitwassal lilna mill-Knisja?  Għadna nemmnu meta nisimgħu l-kliem ta’ Kristu, jew aħna biss ossessjonati f’talb li ħafna drabi joħroġ fil-beraħ l-egoiżmu sfrenat tagħna?

Il-kliem ta’ Kristu jgħinna naċċettaw kull sitwazzjoni fil-ħajja tagħna… għaliex m’aħniex naċċettawH u ngħixuH?

Il-Vanġelu ta’ San Mark jurina kif in-nies ta’ Kafarnahum baqgħu mistagħġba bil-qawwa u s-setgħa fil-kliem ta’ Ġesù.

  • Ir-reazzjoni tagħna għax-xitan qed tkun il-Kelma t’Alla?
  • Kemm nemmnu fil-qawwa tal-Kelma t’Alla?
  • Kemm għamilna deċiżjonijiet żbaljati għax ma afdajniex lil Alla u afdajna fi ħlejjaq inferjuri?
  • Qed nitolbuH ineħħi minna l-Ispirti mniġġsa ta’ tant vizzji u ħażen li jakkumulaw fina tul ħajjitna?

Mulej, il-Kelma tiegħek tagħtini l-ħajja!

JUM IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Il-Ħadd 28 ta’ Jannar infakkru jum iċ-Ċentru Parrokkjali.

Nieħdu din l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li jgħinu f’tant attivitajiet li jsiru fiċ-ċentru. Hija opra ħajja u mportanti fil-ħidma pastorali tal-parroċċa. Il-Mulej ibierek kull ħidma li ssir u Ommna Maria Lawretana, li lilha huwa ddedikat iċ-Ċentru tagħna, tħarisna bħala wliedha għeżież.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna 

Atti 17, 2

FESTA TAL-KANDLORA –

IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ FIT-TEMPJU

Nhar il-Ġimgħa li ġejja, 2 ta’ Frar, barra li hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, taħbat ukoll il-Festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju – Il-Kandlora.

ĠESÙ HUWA D-DAWL TAGĦNA.

Inħalluh idawwal il-Passi kollha ta’ ħajjitna.

Ikollna l-quddiesa filgħaxija bit-tberik tax-xemgħat, simboli tad-dawl li jagħtina l-Mulej.

IMPORTANTI. L-adorazzjoni tkun fil-Knisja parrokkjali.

L-ISTRINA TAL-MADONNA

Marbuta mal-festa tal-Kandlora, kull sena ssir il-ġabra b’risq il-knisja tagħna, it-tempju għażiż fir-raħal tagħna li fih aħna niltaqgħu flimkien biex niċċelebraw il-fidi tagħna u niltaqgħu ma’ Alla u ma’ Ommna Marija Lawretana, patruna tagħna.

Din is-sena, din il-ġabra ser tkun għall-proġett tal-orgni. Nirringrazzjaw lil dawk kollha li diġa taw l-offerta tagħhom s’issa għal dan il-proġett.

L-envelopes ser jitqassmu mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla.  Inħeġġukom tgħinu f’dan il-proġett kif tistgħu. Il-voluntiera ser jiġbru l-envelop wara t-2 ta’ Frar u titqassam ukoll ix-xemgħa tal-kandlora.

SANTA RITA – ĦAMISIJIET

Ikomplu l-Ħamis li ġej għand is-Sorijiet Agostinjani Għajnsielem. Nibdew fil-5.30pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR – nhar is-Sibt 3 ta’ Frar. Adorazzjoni fil-knisja l-qadima tkun mit-8.30am sa nofsinhar. Il-quddiesa tkun fil-5pm (mhux fl-4pm) u wara tkompli l-adorazzjoni sad-9pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Katrina Sammut u l-familja joffru €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Francis Sammut f’għeluq il-ħmistax-il sena mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Frar.
  • Luke Grech joffri €50 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Loreta u Frenċu Grech fl-anniversarju tal-mewt tagħhom u għal ruħ Tony Borg.
  • Miriam Buttigieg u l-familja joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-mejtin tal-familja Buttigieg.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

Triq twila imma naslu żgur kif wasalna f’tant proġetti kbar oħra

¿NINVESTU fuq proġetti li jibqgħu għal ta’ warajna kif għamlu ta’ qabilna.

Tista’ tagħti offerta billi tisponsorja kanna mill-2700 li ser ikun fih – investiment kbir għall-knisja u r-raħal tagħna.

KANEN hemm tal-€250, €200, €150 u €100 u ta’ €50, €25 u €10. Kull offerta hija apprezzata ħafna.

GRAZZI KBIRA MILL-QALB: €250 – Toni u Connie Galea; Ganni u Maria Azzopardi; Loreto u Loreta Galea; Marcell Mizzi; Lina Galea; Loreto Haber; €200 – 2NN;  €50 – Rosina Azzopardi; Karmena; Marija Vella; NN; NN Triq Għajnsielem; €100 – Karmena Camilleri, Familja Spiteri; NN; Ursula Azzopardi. €25 Marilise Vella u Nathan Vella (mill-pocket money tagħhom).

John u Pauline Vella-€1000;   Familja Grech-€1000.

Kien hemm għotjiet oħra li jidhru f’ħarġa oħra. Grazzi tassew.

Il-Kummissarjat tal-Art Imqaddsa

Grazzi mill-qalb lill-parroċċa għall-offerta sabiħa ta’ €962.53 li saret b’risq il-missjoni tagħhom fil-quddies tal-weekend li għadda.

TOMBLA Il-Ġimgħa 2 ta’ Frar fiċ-Ċentru Sant’Antnin fis-7.30pm b’risq l-istess ċentru.

NAGĦTU D-DEMM  – Fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 30 ta’ Jannar mis-1pm sal-5pm.

Bolol u Kartolini għall-Missjoni

Ġibuhom il-knisja u poġġuhom fil-kaxxi apposta fejn kien hemm is-siġra tal-milied. Grazzi.

INTENZJONIJIET QUDDIES-KNISJA PARROKKJALI

Min għadu jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur April-Ġunju 2018, jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju Parrokkjali tul din il-ġimgħa.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ lil oħtna Jane Vella li inti sejjaħtilha għal għandek minn ħdan il-parroċċa tagħna nhar il-21 ta’ Jannar.

Agħtiha Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965 http://www.radjulauretana.com/parish