It-2 Ħadd tar-Randan
KUNTENT BISS FIL-GLORJA!
DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ, ISIMGĦU LILU.
Kemm huwa sabiħ li tgħix il-fidi tiegħek fil-kumdità u fil-fsied meta ħadd ma jittikak jew jostakolak u ħadd ma jagħtik trouble.
Sabiħ li tgħix il-ħajja nisranija fil-kwiet mingħajr fastidju. Fit-Trasfigurazzjoni naraw lil Ġesù fil-Glorja u saħansitra Pietru nesa lilu nnifsu. Ġesù, wara li wera u tahom il-garanzija li tassew se jagħtihom il-glorja, indikalhom li xogħolhom huwa ’l isfel mill-muntanja, fid-dinja, fil-ħajja ta’ kuljum. Mhuwiex faċli li tkun ma’ Kristu fit-tbatija, jum wara jum.
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi fejn il-fidi ta’ Abraham tilħaq il-quċċata tagħha meta jiġi mitlub joffri lil Alla l-egħżeż ħaġa li kellu – ibnu l-waħdieni.
Fis-Salm 115, is-Salm Repsonsorjali, insibu talba lill-Mulej biex, bħal Abraham, nimxu fir-rieda ta’ Alla.
Hekku l-BASTUN TAL-ĠIMGĦA:
Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin
Fit-Tieni Qari, fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, insibu li l-patt tiegħu magħna Alla wettqu bis-sħiħ bis-saħħa ta’ Ibnu stess, fejn Alla l-Missier wera li għandu mħabba bla tarf.
Fil-Vanġelu Ġesu jidher fil-glorja bħala l-Iben t’Alla.
- Fil-Ħajja tagħna ta’ kuljum, ejjew nifhmu l-kobor tal-glorja t’Alla li tidher kontinwament fina!!
- Niftakru fi kliem San Pawl lir-Rumani: Jekk Alla magħna min jista’ jkun kontra tagħna?
- F’dan ir-Randan inħoss aktar il-preżenża t’Alla miegħi!!!
- Abraham, fl-offerta ta’ Ibnu, wera li għandu fidi kbira f’Alla. Nitħeġġeġ jien ukoll fil-fidi tiegħi f’Alla l-Ħallieq li jieħu ħsiebi!!
Mulej Alla tagħna
agħmel li dak kollu li nwettaq
nagħmlu fir-rieda tiegħek.
Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna
Atti 17, 2
RANDAN 2018…. ieqaf… ħares madwarek… erġa’ lura
Lejn l-Għid il-Kbir fl-1 ta’ April
bl-ikbar sahra tal-Knisja nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu…
MIXJA TAR-RANDAN FLIMKIEN
- Kull nhar ta’ Ġimgħa
Is-Siegħa tad-Duluri Ġimgħa matul ir-Randan mit-3 sal-4 pm fil-Knisja l-Qadima.
- NHAR TA’ SIBT
Il-Knisja Parrokkjali tkun miftuħa għall-adorazzjoni wara l-quddiesa ta’ filgħaxija sa 9pm. Dan il-weekend ikun hemm possibilità ta’ qrar.
- NHAR TA’ ĦADD
Għat-tfal u l-istudenti kollha waqt il-quddiesa tal-10am nhar ta’ Ħadd. Sehem attiv fil-liturġija
Sejħa speċjali lill-ĠENITURI. Intom L-ewwel edukaturi ta’ wliedkom… L-eżempju tagħkom jiswa ĦAFNA.
ABBATINI Dawk it-tfal subien minn Year 4 ‘il fuq u li jixtiequ jingħaqdu mall-grupp tal-abbatini tal-parroċċa tagħna, ikellmu lill-arċipriet.
PELLEGRINAĠĠ LOURDES – 160 sena mid-Dehriet
Il-parroċċa ser torganizza tour għal Lourdes bejn it-13 u s-16 ta’ Lulju 2018. Ma’ kull booking jinġabar depożitu ta’ €250, il-ħlas tal-assigurazzjoni u kopja tal-passaport. Komplu bbukkjaw fl-uffiċċju parrokkjali.
Ma’ dan il-Bullettin qed jaslilkom ukoll il-programm dettaljat u informazzjoni oħra dwar dan il-pellegrinaġġ. Dawk li jixtiequ jiġu, jistgħu jibdew jagħmlu l-booking u l-ħlas minn din il-ġimgħa. Aħsbu kmieni peress li l-postijiet li għandna huma limitati.
GRAZZI MILL-QALB
STRINA TAL-MADONNA – Kien fadal xi envelopes x’jinġabru u l-ġabra issa laħqet €4525. Prosit tassew!!…u Grazzi Kbira.
OFFERTI GĦALL-BULLETTIN
- Miriam Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Maria Muscat f’għeluq it-18-il sena mill-mewt tagħha fid-29 ta’ Frar.
- Carmela Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Loreta Buttigieg f’għeluq il-45 sena mill-mewt tagħha fl-24 ta’ Frar.
- Giacinta Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Antonia Xuereb f’għeluq is-6 snin mill-mewt tagħha fit-23 ta’ Frar.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem
GĦOTI TAL-MINISTERU TAL-LETTORAT
Is-Seminarista Andrew Grima, li qiegħed fil-parroċċa tagħna għall-esperjenza pastorali, ser jingħata l-Ministeru tal-Lettorat flimkien ma’ żewġ seminaristi oħra, Daniel Mercieca u Mario Mercieca nhar il-Ħadd 4 ta’ Marzu fil-Knisja tan-Nadur waqt il-quddiesa fis-7pm. Nakkumpanjawhom bit-talb tagħna matul din il-ġimgħa u, jekk nistgħu, immorru wkoll għal din il-funzjoni. Noffru t-talb tagħna għall-vokazzjonijiet.
IL-PROĠETT TAL-ORGNI
GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa:
€250: Salvina Cascun, Joe u Laura Gatt, Loreto u Ursola Grima, Frankie Debono, Victor u Catherine Bajada u l-Familja; €150 Loreto u Antonia Zerafa; €100: Lorraine Cauchi u l-Familja, NN, Fredu Xuereb.
NAGĦTU D-DEMM fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex – it-Tlieta 27 ta’ Frar:1pm -5pm.
ĦARĠA ANZJANI
It-Tlieta 6 u l-Ħamis 8 ta’ Marzu. Il-ħarġa ser issir fuq jumejn minħabba li l-post fejn sejrin jesa 40 persuna biss. Prezz €7. Bookings mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali sal-Ġimgħa 2 ta’ Marzu. 21561515.
MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI
OKKAŻJONI UNIKA – Valletta 2018 tasal Għajnsielem.
SHOW SPETTAKOLARI GĦAL KULĦADD.
Is-Sibt u l-Ħadd 3 u 4 ta’ Marzu. Araw il-flyer!
Biljetti online jew mill-bieb qabel ix-shows.
IMPORTANTI- Għandna bżonn ta’ għajnuna biex nillestu ċ-Ċentru. Min jista’ jiġi, niltaqgħu s-Sibt u l-Ħadd 24 u 25 ta’ Frar bejn id-9am u nofsinhar.Grazzi
Mill-KNISJA SANT’ANTNIN
COFFEE MORNING Nhar l-Erbgħa 28 ta’ Frar fid-9am fiċ-Ċentru Sant’Antnin b’risq l-istess ċentru.
BAKE SALE ħdejn il-knisja ta’ Sant’Antnin fit-2 u t-3 ta’ Marzu wara l-quddies. Min jixtieq joffri xi ħaġa jikkuntatja lill-helpers. Grazzi.
PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM
Dar Parrokkjali 21554615 Arċipriet 79710784
Ċentru Parr. 21561030 Radju Lauretana 21566965 http://www.radjulauretana.com/parish