Bullettin 4 ta’ Frar 2018

Il-5 Ħadd Matul is-Sena

FEJQAN KONTINWU

Fejjaq il-kunjata ta’ Pietru, fejjaq tant morda u ħareġ ix-xjaten.  Il-missjoni ta’ Ġesù hija waħda ċara ta’ fejqan favur il-bniedem.

Il-bniedem huwa fiċ-ċentru mhux biss tat-tagħlim ta’ Ġesù iżda anki tal-azzjoni ta’ fejqan ta’ Ġesù.  Il-ħarsa ta’ Ġesù lejn il-bniedem mhix dik li titħassar iżda li tgħin mill-ewwel.

Ġesù huwa dak li jinteressa ruħu mill-ħajja tagħna kollha.  Mhux ser iħares biss lejn l-affarijiet spiritwali.  Il-Vanġelu tal-lum juri biċ-ċar li Ġesù jinteresa ruħu mill-bniedem sħiħ.  Għalhekk iħares lejn il-bniedem kontinwament biex isalvah mid-dgħufija tiegħu kemm fir-ruħ kif ukoll fil-ġisem.

Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb ta’ Ġob għandna meditazzjoni dwar it-tbatija li l-bniedem ikollu jħabbat wiċċu magħha.

Is-Salm Responsorjali huwa innu ta’ tifħir lill-Mulej li jfejjaq lil dawk ta’ qalbhom maqsuma.

Fit-Tieni Qari għandna silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin fejn juri l-qawwa u r-responsabbiltà tax-xandir tal-Vanġelu.  Il-Vanġelu ta’ San Mark jippreżenta lil Ġesù bħala t-tabib tar-ruħ u l-ġisem.

  • Kemm qed nersaq b’umiltà lejn Ġesù biex ifejjaqni?
  • Kemm qed nafda fil-Mulej fil-mard tiegħi tar-ruħ u tal-ġisem?
  • Ġesù kontinwament jiġri warajna biex ifejjaqna. Qed inwasslu nies oħrajn għandu għall-fejqan?
  • San Pawl illum jurina r-responsabbiltà tad-dmir li nxandru l-Vanġelu. Kemm qed tħoss li dan huwa dmir bħala nisrani?

Mulej, għallimni nersaq lejk

  bil-ġrieħi tiegħi.  Fejjaqni Mulej.

 

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna 

Atti 17, 2

 

AĦNA LKOLL DIXXIPLI u MISSJUNARJI

fil-ħajja ta’ kuljum.

L-ISTRINA TAL-MADONNA

Ma’ dan il-bullettin qed jitqassmu l-envelopes b’sejħa u appell biex inkunu ġenerużi. Il-proġett tal-orgni mhux ċajta. Huwa proġett kbir ħafna, sew għaliex l-orgni fih innifsu huwa kbir, kif jixraq lill-knisja tagħna, u sew minħabba li ċ-ċirkustanzi wassluna biex naħdmuh mal-proġett tas-sagristiji.

GĦALHEKK, barra l-finanzi, għandna bżonn ukoll

  • Ħafna u ħafna għaqal fl-ippjanar u x-xogħol u anke fl-infieq l-ieħor li tagħmel il-parroċċa.
  • Perseveranza fix-xogħol u fil-ħidma
  • Attenzjoni biex inkomplu nissaħħu fil-ħajja tal-parroċċa u tal-fidi tagħna fi Kristu.
  • Kuraġġ ħalli nkomplu mexjin minkejja tant diffikultajiet li niltaqgħu magħhom.

Proġett kbir u li jieħu fit-tul

– Imma ma naqtgħu qatt qalbna għax nemmnu    fil-

ġenerożita’ tal-poplu tagħna.

Triq twila imma naslu żgur

kif wasalna f’tant proġetti kbar oħra

Il-voluntiera ser jiġbru l-envelop wara t-2 ta’ Frar u titqassam ukoll ix-xemgħa tal-kandlora.

Min jixtieq jagħti offerta għal  xi kanna tal-orgni, jikteb ismu fuq karta, jikteb jekk iridx li tidher fuq il-bullettin jew le u jpoġġiha fl-envelop tal-istrina.

Grazzi Kbira mill-Qalb lil kulħadd speċjalment dawk li diġa taw b’tant ġenerożità għal dawn il-proġetti.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

NINVESTU fuq proġetti li jibqgħu għal ta’ warajna kif għamlu ta’ qabilna.

Tista’ tagħti offerta billi tisponsorja kanna mill-2700 li ser ikun fih – investiment kbir għall-knisja u r-raħal tagħna.

KANEN hemm tal-€250, €200, €150 u €100 u ta’ €50, €25 u €10. Kull offerta hija apprezzata ħafna.

GRAZZI KBIRA MILL-QALB:

€250 – Toni u Stella Attard, N.N., N.N.; €50 – N.N.;  €100 – Leli u Rose Spiteri, N.N.;  €60 – Benna Vassallo. Carmena u Joseph Ciantar – €500.

JUMEJN MAL-MULEJ

L-Azzjoni Kattolika Għawdex qed torganizza jumejn irtir għal kulħadd ġewwa Manresa. Jibda t-Tlieta 6 ta’ Frar fid-9am u jintemm l-Erbgħa 7 ta’ Frar fl-4pm. Min jixtieq iduq din l-esperjenza sabiħa għandu jċempel lil Josette Vassallo (79702273, 21553944) għal aktar informazzjoni.

IN-NAWFRAĠJU ta’ san pawl

Nhar is-Sibt 10 ta’ Frar, il-quddies ikun hekk 6, 8 u 10 ta’ filgħodu u fis-6 pm.

TOMBLA  Il-Ġimgħa 9 ta’ Frar fis-6.45pm ser issir tombla fiċ-ċentru ta’ Sant’ Antnin b’risq in-nar tal-istess festa.

NAGĦTU D-DEMM 

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 4 ta’ Frar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

SANTA RITA – ĦAMISIJIET

Ikomplu l-Ħamis li ġej għand is-Sorijiet Agostinjani Għajnsielem. Nibdew fil-5.30pm.

ABBONA FIR-RIVISTA TA’ GĦAWDEX

Din is-sena r-Rivista Il-Ħajja f’Għawdex qed tiċċelebra l-elf ħarġa! Agħti rigal lilek innifsek, lill-familja jew lil xi ħadd li taf, u ġedded/abbona issa. Bi €15 biss ikollok f’idejk għaxar ħarġiet fis-sena. Tista’ tħalli d-dettalji tiegħek u l-flus ġo envelop fl-Uffiċċju Parrokkjali jew tixħtu mal-ġabra tal-Ħadd, inkella ibgħat ċekk indirizzat lil: Id-Direzzjoni “Il-Ħajja f’Għawdex”, Lumen Christi Media Centre, Triq Fortunato Mizzi, Victoria, Għawdex.

Il-weekend  li ġej, 10 u 11 ta’ Frar, ikollna ċans nabbonaw anke wara l-quddies fis-sagristija.

INTENZJONIJIET QUDDIES-KNISJA PARROKKJALI Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur April-Ġunju 2018, jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju Parrokkjali.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965 http://www.radjulauretana.com/parish