Bullettin 4 ta’ Marzu 2018

It-3 Ħadd tar-Randan

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI

Huma ħafna dawk li jaħsbu li llum jaqbillek tkun Nisrani tal-KONVENJENZA milli tal-KONVINZJONI.  Għaliex li tkun Nisrani konvint ifisser li trid tirfes il-kallijiet;

trid toqros fil-laħam il-ħaj ibda minnek stess.  F’dinja li tipprietka l-konvenjenza u l-kompromessi, din hi mixja kbira kontra l-kurrent.  Ġesù llum jitkellem u jaġixxi b’mod ċar u aggressiv.  Huwa Ġesù radikali mhux għall-fatt li kaxkar ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq, iżda fuq kollox għax iċanfar il-mod ta’ ipokresija li ħafna nsara qed jgħixu l-ħajja tagħhom.  Tajjeb naraw jekk ħajjitna wkoll saritx suq ta’ kompromessi, suq fejn qed naċċettaw kollox; suq fejn qed naċċettaw dak li toffri d-dinja, mingħajr lanqas biss nistaqsu jekk dak li qed inwettqu jmurx tajjeb mal-fidi tagħna.

Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb tal-Eżodu, insibu r-rakkont li, wara l-ħelsien tal-poplu mill-jasar tal-Eġittu, Alla ried jidħol mal-poplu f’patt ta’ ħbiberija.  Fuq il-muntanja Sinai, permezz ta’ Mosè, Alla ntrabat li jagħżel il-poplu Lhudi bħala l-Poplu tiegħu, kemm-il darba l-poplu jaċċetta li jimxi fuq il-liġi tiegħu.

Hekku l-BASTUN TAL-ĠIMGĦA:

Mulej, int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

Fit-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna l-predikazzjoni Nisranija tas-Salib.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jżur it-tempju u jqaċċat ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq.  Dawk li marru kontra r-rieda ta’ Alla.  Huwa jħabbar li se jmut u jqum wara tlett ijiem.

  • Il-Mulej qaċċathom ’il barra mit-tempju għax għamlu mit- tempju suq.  X’se jgħid il-Mulej fuq it-tip ta’ ħajja li qed  ngħix? Tingħaraf fija l-marka tan-Nisrani?
  • Kemm tassew qed inxandar bil-ħajja tiegħi lil Kristu Msallab? Kemm jien kapaċi ngħix is-salib ta’ kuljum?
  • Il-Mulej illum iridna nagħmlu għażla ċara. Jekk se nimxu warajh nitfgħu ’l barra l-kompromessi.
  • Il-Mulej daħal f’patt ta’ mħabba u ħbiberija magħna. X’qed nagħmlu biex nirreċiprokaw dan il-patt?

Mulej, inti tħobbni,  dħalt f’patt ta’ mħabba miegħi.

  Għinni, Mulej, biex fil-jiem li fadal tar-Randan

  nagħraf nitnaddaf mill-kompromessi,

  biex inkun Nisrani konvint

 u nagħti xhieda tiegħek.

RANDAN 2018….   ieqaf… ħares madwarek… erġa’ lura

Lejn l-Għid il-Kbir fl-1 ta’ April

bl-ikbar sahra tal-Knisja nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu…

MIXJA TAR-RANDAN FLIMKIEN

  • Kull nhar ta’ Ġimgħa Is-Siegħa tad-Duluri mit-3 sal-4 pm fil-Knisja l-Qadima.
  • NHAR TA’ SIBT Il-Knisja Parrokkjali tkun miftuħa għall-adorazzjoni sad-9pm.
  • NHAR TA’ ĦADD Għat-tfal u l-istudenti kollha waqt il-quddiesa tal-10am nhar ta’ Ħadd. Sehem attiv fil-liturġija

Sejħa speċjali lill-ĠENITURI. Intom L-ewwel edukaturi ta’ wliedkom…  L-eżempju tagħkom jiswa ĦAFNA.

EŻERĊIZZI SPIRITWALI GĦAL KULĦADD

Mit-Tnejn 12 sal-Ġimgħa 16 ta’ Marzu fil-Knisja Parrokkjali fis-6.30pm. Iwassal il-kelma Fr Joe Buttigieg ofm cap.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tibda s-Sibt 17 ta’ Marzu. Tinkludi bosta programmi u xandiriet marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa. L-iskeda stampata titqassam mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla.

GĦOTI TA’ DEMM fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 4 ta’ Marzu mit-8am sas-1pm.

Matul din il-ġimgħa mhux ser ikun hemm katekiżmu fil-qasam tal-museum tal-bniet peress li s-soċji ser ikollhom l-eżerċizzi tagħhom.

GRAZZI MILL-QALB – Fr. Raymond Portelli jirringrazzja lil dawk li tawh l-offerta tagħhom. Il-ġabra kienet €615.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna             Atti 17, 2

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Helen Sultana toffri €20 b’suffraġju ta’ Kelinu Debono u Gorga Sultana fl-anniversarju mill-mewt tagħhom.
  • Gorga Galea toffri €20 b’suffraġju ta’ oħtha Gużeppa Zerafa f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha fit-3 ta’ Marzu
  • Il-Familja Xuereb joffru €20 b’suffraġju ta’ Kelinu Xuereb f’għeluq it-8 snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

GĦOTI TAL-MINISTERU TAL-LETTORAT

NIFIRĦU mas-Seminarista Andrew Grima, li ser jingħata l-Ministeru tal-Lettorat flimkien ma’ żewġ seminaristi oħra, Daniel Mercieca u Mario Mercieca, il-Ħadd 4 ta’ Marzu fil-Knisja tan-Nadur waqt il-quddiesa fis-7pm. Nitolbu għalihom u għall-vokazzjonijiet.

PELLEGRINAĠĠ LOURDES – Il-parroċċa qed torganizza tour għal Lourdes bejn it-13 u s-16 ta’ Lulju 2018. Komplu bbukkjaw fl-uffiċċju parrokkjali.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

Inkomplu ngħinu…

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa:

Marija Attard €100, NN:€50; Connie Galea €50 b’wegħda lill-Madonna; PMNM €100.

NIFIRĦU

Il-Papa Franġisku għażel lil MONS. ALFRED XUEREB, biex ikun Nunzju Appostoliku fir-Repubblika tal-Korea (ta’ Isfel), u fl-istess waqt għollieh għad-dinjità ta’ Arċisqof titulari ta’ Amantea, l-Italja. Nifirħu miegħu u mal-familjari tiegħu u nitolbu ħafna għalih.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

SESSJONI OĦRA ta’ MUDDY TOTS nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu, 2018 fl-10am. Ibbukkjaw fuq 79275618

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Ir-ruħ għażiża ta’ Francis Gatt mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fit-22 ta’ Frar 2018 fl-eta’ ta’ 93 sena.
  • Ir-ruħ għażiża ta’ Mary Spiteri mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem fis-27 ta’ Frar 2018 fl-eta’ ta’ 93 sena.
  • Ir-ruħ għażiża ta’ Anthony Vella mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li sejjaħtlu għall-ħajja ta’ dejjem fit-28 ta’ Frar 2018 fl-eta’ ta’ 63 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.