Bullettin 11 ta’ Marzu 2018

Ir-4 Ħadd tar-Randan

MHUX ĦAQQ IŻDA ĦELSIEN

Alla ma jaħsibhiex bħalna – b’mod speċjali fejn jidħol il-poter. Alla l-poter tiegħu  ma jużahx biex jaħkem fuqna iżda dejjem biex jiġri   warajna    ħalli    jgħannaqna   miegħu,

anki jekk aħna naħarbu minnu bil-kompromessi li nagħmlu.

Kif nistgħu nibqgħu nħobbu lil Alla jekk aħna stess forsi qatt ma rriflettejna l-kobor tal-imħabba li Alla għandu għalina?  Kif jista’ missier jibqa’ jħobb lil xi ħadd li qatel lil ibnu?

Alla jibqa’ jħobbna!!  Alla jibqa’ jiġri warajna u għalhekk bagħat lill-istess Iben tiegħu biex juri sa fejn għandha tasal l-imħabba.  Id-dawl ġie fid-dinja iżda d-dinja għażlet id-dlam u mhux id-dawl.  U din hija l-isfida kbira li jippreżenta llum Ġesù.  Huwa ġie biex jagħti d-dawl, għaliex qed nibqgħu nagħżlu d-dlam?  Minkejja li konna mejta minħabba d-dnub, Alla tana ħajja ġdida.   Hekk itenni San Pawl.  Possibbli li se nibqgħu naċċettaw id-dlamijiet ta’ ħajjitna?

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki, jurina kif il-jasar tal-Lhud fi żmien Babel kien frott tal-infedeltà li l-poplu wera ma’ Alla lejn il-Patt tas-Salvazzjoni.  Iżda Alla dejjem  jiċċaqlaq minn rajh biex isalva.  Fis-Salm Responsorjali naraw li l-Lhud fl-eżilju ta’ Babel ma jistgħux jinsew il-Patt li Alla għamel magħhom f’Sijon.

Hekku l-BASTUN TAL-ĠIMGĦA:

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi, jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!

Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, nisimgħu lil San Pawl jgħidilna li s-salvazzjoni għandha tiġi mis-sehem li nieħdu mill-ġrajjiet ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jkellem lil Nikodemu fejn jurih x’tip ta’ Messija kien – li jfejjaq il-ġrieħi billi jmut fuq is-salib.  Alla dejjem jibqa’ fidil lejn il-Patt tiegħu.

  • Naċċetta l-patt ta’ mħabba li jagħmel miegħi Kristu ta’ kuljum, b’mod speċjali fl-Ewkaristija!
  • Nuri mħabbti fl-għajxien tiegħi kuljum għall-Mulej!

O Alla, inti tant ħabbejtni li bgħatt lil Ibnek.

    Agħmel li nagħraf din il-grazzja kuljum.

RANDAN 2018….   ieqaf… ħares madwarek… erġa’ lura

Lejn l-Għid il-Kbir fl-1 ta’ April

bl-ikbar sahra tal-Knisja nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu…

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tibda s-Sibt 17 ta’ Marzu. Tinkludi bosta programmi u xandiriet sbieħ marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa. L-iskeda stampata qed titqassam mal-bullettin.

MIXJA TAR-RANDAN FLIMKIEN

  • Kull nhar ta’ Ġimgħa

Is-Siegħa tad-Duluri mit-3 sal-4 pm fil-Knisja l-Qadima.

  • NHAR TA’ SIBT Il-Knisja Parrokkjali tkun miftuħa għall-adorazzjoni sad-9pm.
  • NHAR TA’ ĦADD Għat-tfal u l-istudenti kollha waqt il-quddiesa tal-10am nhar ta’ Ħadd.

EŻERĊIZZI SPIRITWALI

GĦAL KULĦADD

DIN IL-ĠIMGĦA:

Mit-Tnejn 12 sal-Ġimgħa 16 ta’ Marzu

fil-Knisja Parrokkjali

fis-6.30pm.

Predikatur: P.Joe Buttigieg ofm cap.

MATUL DIN IL-ĠIMGĦA

Insostnu bit-talb tagħna lil Mons Alfred Xuereb fit-tħejjija għall-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu mill-Q.T. Papa Franġisku nhar id-19 ta’ Marzu 2018 fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Nhar is-Sibt 7 ta’ April, Mons Alfred ser imexxi Konċelebrazzjoni fil-Knisja Parrokkjali tagħna biex ningħaqdu miegħu  fit-talb u fir-radd il-ħajr lil Alla. Dettalji aktar ‘il quddiem.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna             Atti 17, 2

GRAZZI MILL-QALB

Fr. Raymond Portelli bagħtilna din in-nota:

Nixtieq minn qiegħ qalbi nirringrazzjakom tal-ġenerożità tagħkom mall-missjoni tiegħi f’Iquitos, Peru.  Bil-ġabra sabiħa ta’ €615 inkun nista’ nkompli nżomm mifuħin erbat idjar li għandna b’servizz għall-aktar foqra.

Inżommu l-missjunarji fit-talb tagħna ta’ kuljum.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-familja Ciantar toffri €50 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierhom Gużepp Ciantar f’għeluq it-30 sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Marzu u għal ruħ ommhom Maria Ciantar f’għeluq it-3 snin mill-mewt tagħha fil-21 ta’ Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

PELLEGRINAĠĠ LOURDES

Bejn it-13 u s-16 ta’ Lulju 2018. Titjiriet b’ħin komdu ħafna.Inkunu hemm għaċ-ċelebrazzjoni tal-aħħar dehra, il-funzjonijiet fis-santwarju u 2 eskursjonijiet sbieħ ħafna wkoll. Komplu bbukkjaw fl-uffiċċju parrokkjali.

Postijiet limitati. Tħallux għall-aħħar.

Miċ-Ċentru Sant’Antnin –

HOT DOG & WAFFLE

Fiċ-Ċentru Sant’Antnin is-Sibt 17 ta’ Marzu fis-7pm. Ikunu servuti hotdog, chips, drink u waffle.

ĦARĠA MALTA It-Tnejn 19 ta’ Marzu. Nitilqu mal-vapur tat-8.15am. Inżuru r-Redentur, fabbrika taċ-ċikkulata u l-festa ta’ San Ġużepp ir-Rabat tal-Imdina. Lura mal-vapur tad-9pm. Kbar €10. Tfal taħt l-10 snin €5. Booking 79202172.

L-Azzjoni Kattolika Djocesana

ser torganizza Via Sagra għat-tfal u l-istudenti li jattendu fl-iskejjel Primarji jew fl-iskejjel Sekondarji sa Form 2. Din il-Via Sagra animata ser issir:-

it-Tnejn 19 ta’  Marzu 2018 mid-9.00 am sal-11.00am

Post: Kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex

Attivita: Jekk it-Temp jippermetti, ikun hemm Hike qasir u zjara wkoll fil-Knisja tal-Lunzjata

GĦOTI TA’ DEMM  Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 13 ta’ Marzu –  miftuħ għall-għoti tad-demm:1-5pm.

I CHOOSE – GOZO

Date: Il-Ħamis, 15 ta’ Marzu bejn 09.00 – 19.30hrs

Venue: Il-Kumpless Sportiv, Rabat, Għawdex

Fiera li toffri viżjoni tal-opportunitajiet varji ta’ xogħol għaż-żgħażagħ tagħna.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

Inkomplu ngħinu… bl-offerta ftit minn tal-ħafna naslu żgur.

NINVESTU F’dak li jibqa’.

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa: €50: NN; NN.