Bullettin 18 ta’ Marzu 2018

Il5 Ħadd tar-Randan

JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT

“Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott.” 

Dan kliem Ġesù.  Kliem iebes.

Kliem li jitlob mhux biss li nifhmu b’liema mħabba ħabbna Hu, iżda wkoll fuq liema kriterju rridu nfasslu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Kontinwament irridu mmutu aħna biex jidher hu fl-għemil tagħna.  Kontinwament irrid niċkien jien biex jikber aktar Kristu fl-għemil tiegħi.  Kontinwament irridu noqtlu l-egoiżmu tagħna biex toħroġ fil-beraħ it-tjubija u l-imħabba li permezz tagħna l-Mulej jista’ jwassal lejn ħaddieħor.  Aktar ma nersqu lejn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nifhmu li l-imħabba li biha ħabbna l-Mulej Ġesù hija mħabba mingħajr limiti.  Kien Alla, niżel magħna biex jifdina, fejjaq, qajjem mill-mewt, ippriedka mingħajr waqfien u aħna…. ċħadnieh, qtilnieh.  Il-Mulej meta jintrefa’ mill-art se jiġbidna lkoll lejh bis-salvazzjoni li se jagħtina.

Hekku l-BASTUN TAL-ĠIMGĦA: Oħloq fija qalb safja, o Alla

Is-Salm Responsorjali huwa talba lill-Mulej biex joħloq fina qalb safja.   Fil-Vanġelu nsibu silta mill-Vanġelu ta’ San Ġwann fejn Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-ħabba tal-qamħ li tmut biex tagħti l-frott.

  • Kemm fil-ħajja tagħna qegħdin immewtu l-egoiżmu u d-difetti tagħna biex jitwieled fina l-bniedem il-ġdid?
  • Kemm tassew inħossu li l-mewt li bata Kristu kienet immirata lejn il-qalb tagħna biex bih issalva?
  • Kemm qed nerfgħu s-salib tagħna KULJUM, mingħajr tgemgim?
  • F’dawn l-aħħar jiem tar-Randan kapaċi nitlob u nsum aktar biex nissaffa mill-vizzji ta’ ħajti?

Mulej, għinni nagħraf kull ħin  it-tbatija

li int batejt għalija,

biex tfejjaq lili biha

Għinni nagħraf aħjar niċkien jien u tikber int.

RANDAN 2018….   ieqaf… ħares madwarek… erġa’ lura

Lejn l-Għid il-Kbir fl-1 ta’ April

bl-ikbar sahra tal-Knisja nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu…

Il-Karità tal-Papa… L-Obolo ta’ San Pietru.

Il-Ġbir kollu ta’ dan il-weekend imur għall-karità li toħroġ mill-Vatikan għal tant bżonnijiet madwar id-dinja.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna             Atti 17,2

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana bdiet. It-Tnejn 19 ta’ Marzu festa ta’ San Ġużepp – skeda speċjali bi programmi u xandiriet mir-Rabat Malta u mill-Vatikan.

MIXJA TAR-RANDAN FLIMKIEN

  • nhar IL-Ġimgħa 23/3 Is-Siegħa tad-Duluri: 3 – 4 pm fil-Knisja Parrokkjali.
  • IS-SIBT Il-Knisja Parrokkjali tkun miftuħa sad-9pm.
  • NHAR IL-ĦADD 18/3 Għat-tfal u l-istudenti kollha waqt il-quddiesa tal-10am nhar ta’ Ħadd.

ORDINAZZJONI EPISKOPALI

Insostnu bit-talb tagħna lil Mons Alfred Xuereb fit-tħejjija għall-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu mill-Q.T. Papa Franġisku nhar id-19 ta’ Marzu 2018 fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, fil-5pm.

XANDIRA DIRETTA   Tistgħu ssegwu l-funzjoni kollha fuq TV2000. Radju Lauretana ser ixandar l-Ordinazzjoni Episkopali b’mod dirett b’kummentarju bil-Malti u b’kollegamenti esklussivi mill-Belt tal-Vatikan.

Nhar is-Sibt 7 ta’ April, Mons Alfred ser imexxi Konċelebrazzjoni fil-Knisja Parrokkjali tagħna biex ningħaqdu miegħu  fit-talb u fir-radd il-ħajr lil Alla.

GĦOTI TA’ DEMM   fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 18 ta’ Marzu mit-8:00am sas-1:00pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Loreta Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Manuel Zerafa f’għeluq id-9 snin mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ Marzu.
  • Il-Familja Xuereb joffru €20 b’suffraġju ta’ Salvu Xuereb f’għeluq il-5 snin mill-mewt tiegħu fil-21 ta’ Marzu.
  • Erminia Xuereb u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Emmanuel Xuereb f’għeluq il-15-il sena mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Marzu.
  • Brigitte Camilleri toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Grech f’għeluq it-3 snin mill-mewt tiegħu fit-18 ta’ Marzu.
  • Gużeppa Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Gorgina Farrugia f’għeluq it-3 snin mill-mewt tagħha fil-21 ta’ Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

VIA SAGRA DJOĊESANA TA’ PINU

           IL-ĦADD 18 ta’ MARZU FL-4.30pm.

JUM ID-DULURI

Il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu huwa jum għażiż. Huwa Jum id-Duluri. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Fil-5pm ikollna quddiesa. Fis-6pm tibda ħierġa l-purċissjoni akkumpanjata minn persunaġġi u l-Banda San Ġużepp. Nimxu wara l-istatwa ta’ Ommna Marija Addolorata fi spirtu ta’ talb u riflessjoni. Nixegħlu l-galleriji u nżejnu t-twieqi tagħna bi xbihat tad-Duluri u l-Kurċifiss. Kif il-purċissjoni tidħol fil-knisja jkollna quddiesa oħra. Il-quddiesa tal-5pm u l-purċissjoni jixxandru dirett fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

ĦADD IL-PALM Il-Ħadd 25 ta’ Marzu

Ninġabru lkoll fid-9.30am quddiem il-Knisja l-Qadima għall-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm. Inħeġġu lit-tfal jilbsu ta’ tfal Lhud. Ikollna l-liturġija tal-Kelma, it-tberik tal-friegħi tal-Palm u ż-Żebbuġ u nimxu lejn il-Knisja Parrokkjali fejn ikollna l-Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm animata bil-kant mill-Kor Lauretana. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

GĦAN-NISA KOLLHA f’Lourdes Home l-Erbgħa 21 ta’ Marzu mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla.

PELLEGRINAĠĠ LOURDES Bejn it-13 u s-16 ta’ Lulju 2018. Komplu bbukkjaw fl-uffiċċju parrokkjali. Postijiet limitati. Tħallux għall-aħħar.

Miċ-Ċentru Sant’Antnin – ĦARĠA MALTA

It-Tnejn 19 ta’ Marzu. Tluq mal-vapur tat-8.15am. Inżuru r-Redentur, fabbrika taċ-ċikkulata u l-festa ta’ San Ġużepp. Booking 79202172.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa:

NN-€500;NN–€5000;NN-€20;Katrina Xuereb(Awstralja)-€50.

Għal dan il-proġett kbir għandna spiża ta’ madwar €350 elf. Għalkemm il-mixja hija twila, bil-għajnuna ta’ kulħadd naslu kif wasalna fi proġetti kbar oħra. Ninvestu fi proġetti li jibqgħu kif għamlu ta’ qabilna.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjal 21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965 http://www.radjulauretana.com/parish