Bullettin 25 ta’ Marzu 2018

Ħadd il-Palm

IT-TRIJONF LEJN IL-QATLA

Id-daħla trijonfali ta’ Ġesu f’Ġerusalemm fost it-tixjir tal-Palm u tal-weraq taż-żebbuġ hija anomalija għal dak li kien se jiġri lil Ġesù aktar tard.

Ġesù daħal trijonfalment, iżda daħal fuq felu ta’ ħmara.  L-istess annimal umli li ġarr lil Ġużeppi u Marija fil-ħarba tagħhom lejn l-Eġittu għax Erodi ried joqtol lil Ġesù.  Issa l-istess annimal umli qed iġorr lil Ġesù lejn il-post fejn se jġarrab il-Passjoni tiegħu.  In-nies qed tgħajjat u tfaħħar lil Ġesù, HOSANNA.  L-istess kotra ftit jiem wara tgħajjat SALLBU.

Ejjew inkunu sinċieri magħna nfusna: Aħna wkoll nagħmlu l-istess.

Din il-Ġimgħa Mqaddsa trid tkun ġimgħa li bl-umiltà kollha nħallu lil Ġesù jikxef in-nuqqas ta’ ġenwinità tagħna, jikxef il-gwaj tagħna, jikxef il-ħażen tagħna u nħalluh ifejjaq l-istess ġrieħi tagħna.

Din hija l-ġimgħa tal-akbar imħabba. Kun ċert li ma tfallix il-funzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-knisja.

  • Ġesù huwa l-Qaddej ta’ Alla li sofra ħafna għalina. Ngħaqqdu t-tbatija tagħna u ta’ ħutna ma’ tiegħu.
  • F’ħajjitna, x’inhi l-għajta tagħna: HOSANNA jew SALLBU?

Fil-ġimgħa tal-Passjoni u l-Qawmien tal-Mulej ejjew insibu ħin nersqu għall-qrar u t-tqarbin biex niksbu l-veru fejqan ta’ Kristu.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna             Atti 17,2

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tkompli b’aktar programmi u xandiriet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.

GĦOTI TA’ DEMM   fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 27 ta’ Marzu mis-1pm sal-5pm.

EWRO COLLECTION Il-ġbir kollu fil-quddies ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa Awwissu 2018. Ngħinu kif u kemm nistgħu.

SILENZJU – TALB – SAGRIFIĊĊJI – KARITÀ

L-AĦĦAR ĊENA fis-sit Ta’ Passi fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, 29 ta’ Marzu mit-8.30pm sal-11.30pm u fl-għodwa tal-Ġimgħa l-Kbira, 30 ta’ Marzu, mid-9am sa 12pm.

Ikla tal-Għid b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin fl-1 ta’ April il-Country Terrace fis-7pm. Biljetti mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’Antnin jew ċemplu 79448921.

IL-ĠIMGĦA MQADDSA

ĦADD IL-PALM Il-Ħadd 25 ta’ Marzu

Ninġabru lkoll fid-9.30am quddiem il-Knisja l-Qadima għall-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm. Inħeġġu lit-tfal jilbsu ta’ tfal Lhud. Ikollna l-liturġija tal-Kelma, it-tberik tal-friegħi tal-Palm u ż-Żebbuġ u nimxu lejn il-Knisja Parrokkjali fejn ikollna l-Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm. Issir il-preżentazzjoni ta’ dawk li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof din is-sena.

IT-TLIETA 27 ta’ Marzu, fil-Knisja Parrokkjali

6.30pm Laqgħa ta’ Talb għal kulħadd u servizz ta’ qrar sas-7.30pm.

L-ERBGĦA 28 ta’ Marzu, fil-Knisja Parrokkjali

6.30 pm sa 8 pm Qrar.

ĦAMIS IX-XIRKA

9am Il-Quddiesa taż-Żjut fil-Katidral ta’ Għawdex

Il-funzjoni fil-knisja parrokkjali tibda fis-6.30pm.

Is-Seba’ Viżti għal kulħadd fil-knisja jkunu fit-8.30pm

Is-Seba’ Viżti għaż-Żgħażagħ: tluq minn quddiem il-Knisja Parrokkjali fit-8.30pm.

8.30pm Is-Seba’ Viżti fuq Radju Lauretana u Radju Marija

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Il-funzjoni tas-salib fil-Knisja fit-3pm.

SIBT IL-GĦID

IL-VEJLA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Is-Siegħa tal-Omm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fid-9am. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

8.30pm IL-VELJA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR 

EJJEW NIĊĊELEBRAW BIL-FERĦ U BIL-KBIR DAK LI ĦEJJEJNA GĦALIH MATUL IR-RANDAN.

IL-PASSJONI: ILBIERAĦ U LLUM

L-Għaqda Drammatika Għajnsielem se tippreżenta din  il-verżjoni drammatizzata tal-passjoni l-Ħadd 25 ta’ Marzu fil-Forti Chambray fis-6pm b’repetizzjoni bil-lingwa Ingliża fis-7.30pm. Id-dħul huwa b’xejn.

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek   inti fdejtna.

TBERIK TAL-FAMILJI

Qed nagħtu l-ewwel ġimgħa tal-programm tat-tberik. Il-programm sħiħ jitqassam mal-Bullettin li jmiss.

It-Tlieta 3 ta’ April 

FILGĦODU Triq Mġarr mill-familja Spiteri sa Angela Cassar

FILGĦAXIJA:Pjazza Indipendenza, Toroq Anġlu Grech,  Fawwara,Perellos u Pjazza Madonna ta’ Loreto, sal-Maħżen tal-Armar.

L-Erbgħa 4 ta’ April     FILGĦODU: Triq Iċ-Ċief.

FILGĦAXIJA: Triq Mġarr mill-Familja Ciantar sa Ġorġa Galea u Triq Kemmuna

Il-Ħamis 5 ta’ April

FILGĦODU:Triq Mġarr mill-familja Dimech sal-aħwa Buġeja

FILGĦAXIJA : Triq Cordina minn Triq Mġarr sal-Familja Portelli u Toroq Xatt l-Aħmar, Ċens l-Għarus u Santu Liju;

Triq Filfla u Triq Malta mill-Flats The Garden lejn il-Belveder

Il-Ġimgħa 6 ta’ April FILGĦAXIJA Triq Cordina mill-Familja Agius sal-Familja Attard.

Is-Sibt 7 ta’ April FILGĦODU: Triq Ġużeppi Cauchi (minn ġewwa), Triq Wied ir-Rajjes, Pjazza tad-Dehra.

ĦARĠA MALTA

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni Għajnsielem ser torganizza ġita f’Malta t-Tlieta 27 ta’ Marzu għall-Wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Trasport direttament mill-Pjazza t’Għajnsielem fit-3.10pm għal mal-vapur tal-3.45pm. Prezz €15 (biljett tal-vapur inkluż). Postijiet limitati. Jekk titħajjar tiġi, inkiteb Radju Lauretana jew ċempel 99471741.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Maria Attard u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ żewġha Salvu Attard f’għeluq is-6 snin minn mewtu u f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt ta’ bintha Silvana fil-25 ta’ Marzu.
  • Rose Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Pawlu Grech f’għeluq is-6 snin minn mewtu fit-23 ta’ Marzu.
  • Tonina Spiteri toffri €20 b’suffraġju ta’ Andrew Zerafa u Loreta Spiteri fl-annivesarju mill-mewt tagħho u għall-mejtin tal-familji Spiteri u Zerafa.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjal 21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965 http://www.radjulauretana.com/parish