Monthly Archives: April 2018

Bullettin 22 ta’ April 2018

Ir-4 Ħadd tal-Għid

Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ

Ninsabu ngħixu f’soċjetà mimlija frażijiet sbieħ ta’ tmexxija –

leader-ship, human resources, management – kliem li jenfasizza l-importanza li l-bniedem tal-lum ikollu sens ta’ direzzjoni qawwi.  Iżda għaliex naraw tant nies li jwarrbu l-problemi ta’ ħajjithom; tant nies li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu; tant nies imfarrka għax m’għandhomx  ideal fil-ħajja, jew aħjar, għax l-ideal kien wieħed biss materjali li tfarrak mal-ewwel maltempata?

Huwa biss ir-Ragħaj it-Tajjeb li kapaċi jħares sew il-merħla tiegħu, li kapaċi jersaq lejn il-merħla u jagħti sens ta’ direzzjoni ċara fil-ħajja, li jaf tassew x’qed iħossu n-ngħaġ tiegħu, speċjalment dawk li ilhom żmien twil muġugħa u ma jitkellmux.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, għandna lil San Pietru jtenni li l-fejqan tar-raġel magħtub seħħ bis-saħħa ta’ Kristu li qam mill-imwiet. Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 117, insibu għanja ta’ tifħir għal dak li għamel il-Mulej bis-saħħa ta’ Ibnu.  It-Tieni Qari tal-lum, San Ġwann jurina li aħna l-maħbubin ta’ Alla u fil-Vanġelu huwa stess jurina l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. .

  • Nistgħu nissejħu wlied Alla, jgħidilna San Ġwann fit-Tieni Qari tal-lum.  Iżda veru li nixtiequ nissejħu hekk?
  • Ġesù għalija huwa dak li jagħti sens ta’ direzzjoni f’ħajti?
  • Il-Mulej jaf min aħna, jaf id-dgħufija tagħna u jgħin
  • Nitolbu ħafna aktar għall-mexxejja tal-Knisja u biex il-Mulej jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu.

Din hija responsabbiltà tal-Komunità nisranija  kollha.

  Mulej, irrid dejjem nimxi warajk.

  Ħarisni mill-perikli tal-ħajja,

  sabiex dejjem nibqa’ fil-merħla tiegħek.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

FEJN TIDĦOL IL-Ħajja tal-FAMILJA u L-ĦAJJA tal-Bniedem, irid dejjem ikollna        RESPONSABILTÀ

                      RISPETT

                      RIEDA TAJBA …. mingħajr dawn problemi jkollna!!

 LAQGĦAT GĦALL-ADOLOXXENTI TAL-GRIŻMA:

L-Erbgħa 25 ta’ April, 2, 9, 16 u 23 ta’ Mejju fis-6 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali

L-ABBATINI tagħna …  Ngħinuhom minn qalbna bit-talb, bl-eżempju tajjeb u bl-offerta tagħna

Is-servizz tal-abbatini fil-knisja huwa servizz mill-iktar bżonnjuż u jservi wkoll ta’ formazzjoni tal-karattru u anke ta’ mixtla vokazzjonali. Matul is-sena jsiru bosta attivitajiet għall-abbatini li kollha jkunu mħallsin mill-parroċċa. F’dan il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb f’dan iż-żmien sabiħ tal-Għid niftakru ħafna fl-abbatini tagħna, nitolbu għalihom u ngħinuhom bl-offerta tagħna.

Grazzi kbira mill-qalb lill-abbatini kollha, lill-ġenituri tagħhom li tant jikkoperaw u lilkom li tgħinuna. Inkomplu nitolbu ħalli jkollna vokazzjonijiet ġenerużi.

Il-ġbir kollu waqt il-quddies ta’ dan il-weekend ikun għal dan il-għan.

TBERIK TAL-FAMILJI – GRAZZI

Wara t-tberik tal-familji li sar f’dan iż-żmien tal-Għid, nixtiequ ngħidu grazzi lil dawk il-familji kollha li laqgħuna fid-dar tagħhom. Kienet esperjenza oħra sabiħa u żgur li sar il-ġid. Min jixtieq li niġu nżuruh fid-dar tiegħu, anke issa li spiċċa t-tberik tistgħu tikkuntattjawna fl-uffiċċju parrokkjali jew fuq 79710784 b’sms. Grazzi mill-qalb.

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES

Min għadu jixtieq jordna intenzjonijiet għall-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Lulju, Awwissu, Settembru 2018, jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali  t-Tlieta jew il-Ħamis bejn id-9am u 12pm.

NAGĦTU D-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t-Tlieta 24 t’April ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sas-5pm.

SANTA GIANNA BERETTA MOLLA infakkruha il-Ġimgħa li ġejja 27 ta’ April, fil-quddiesa ta’ filgħaxija.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Mercieca toffri €20 b’suffraġju ta’ Rita Borg, Rożina u Gużepp Xuereb u l-familja kollha.
  • Anthony Scerri joffri €20 b’suffraġju ta’ martu Carmen f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tagħha fid-19 ta’ April.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

MANIFESTAZZJONI FAVUR IL-ĦAJJA

L-Isqof tagħna Mons. Mario Grech flimkien mal-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna se jieħdu sehem flimkien mal-poplu fil-Manifestazzjoni favur il-Ħajja li se ssir fil-Belt Valletta nhar il-Ħadd 22 ta’ April, 2018 fl-4.00pm minn quddiem Kastilja sal-Parlament.

Xieraq li ningħaqdu mal-Isqfijiet tagħna biex nuru l-appoġġ tagħna favur il-ħarsien tal-ħajja umana sa mill-bidu tagħha, billi nakkompanjawhom f’din il-mixja, u nissapportjaw lil dawk kollha li qed jaħdmu favur il-ħajja.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI 

nhar is-Sibt 28 ta’ April fil-Bażilika ta’ San Ġorġ ir-Rabat fis-7pm.

NGĦINU L-GĦAQDA TAL-ARMAR

Kollha kemm aħna nafu kemm l-għaqda tal-armar taħdem biex ikollna armar sabiħ u miżmum tajjeb għall-festa tagħna. Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom envelop biex tkunu tistgħu twasslulhom l-offerta tagħkom. Tistgħu ġġibu l-envelop tagħkom l-knisja jew fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew tal-Maħżen tal-Armar. Grazzi mill-qalb.

GĦAN-NISA KOLLHA Nofs ta’ nhar f’Lourdes Home l-Erbgħa 25 ta’ April: 9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr. Joe Xerri, kafe’ u tombla.

B’RISQ IL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN Majjalata u tombla, il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju fis-7.30pm fiċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin. Biljetti mis-sagristija jew 79448921 sat-2 ta’ Mejju.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa: NN€50, NN €100, NN €10, NN200, NN€25, Leli u Ġuża Refalo €50.

Qed noqorbu biex nagħmlu l-ordni tax-xogħol.

 

Bullettin 15 ta’ April 2018

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

JIENA HU!

Għaliex nibqgħu nibżgħu mill-esperjenza li l-Mulej jagħtina kuljum?  Għaliex minkejja dak kollu li jagħmel magħna l-Mulej m’għandniex fiduċja fih?

Għaliex ilkoll kemm aħna ma nikbrux fil-fidi u fil-fiduċja tagħna fil-Mulej?  Minkejja li jistedinna biex nieħdu s-sliem tiegħu, minkejja li jurina l-pjagi tiegħu, minkejja li jistedinna mhux biss biex immissuh fil-foqra ta’ madwarna iżda wkoll li nirċevuh fl-Ewkaristija, aħna nibqgħu ċċassati u nibżgħu, nibqgħu nagħżlu d-dlam minflok id-dawl. Il-Mulej jurina kif il-messaġġi qawwija tiegħu jinsabu fl-Iskrittura Mqaddsa.  Kif itenni lill-Appostli, jgħid l-istess lili u lilek.  Hemm bżonn li niftħu għajnejna u nkunu nafu tassew min huwa l-Mulej u x’għamel għalina.  Hemm bżonn li nkunu nafu li l-qawwa tal-Mulej magħna hija qawwa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha u għalhekk hemm bżonn li nkunu nafu tassew xi jrid minna l-Mulej permezz tal-Iskrittura Mqaddsa, kif ukoll għandna r-responsabbiltà kbira li nkunu xhieda tagħha.

L-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb tal-Atti ta’ l-Appostli jlaqqagħna ma’ San Pietru kien għadu kemm fejjaq wieħed magħtub f’isem Ġesu ta’ Nażaret.  Dan kien sinjal li Ġesu kien għadu ħaj fosthom. Is-Salm Responsorjali hu talba lill-Mulej biex ma jinħebiex minna iżda juri d-dawl ta’ wiċċu fuqna.  It-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu jtenni l-qawwa tal-maħfra li kisbilna Ġesù. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa naraw li l-Appostli wkoll sabuha bi tqila biex jemmnu  u kellhom jgħaddu minn kumbattiment biex jifhmu kif il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu kisbulna l-maħfra.

Aħna wkoll bħall-appostli nsibuha bi tqila biex nemmnu li Ġesù qam mill-mewt għalina biex jiksbilna l-fejqan mid-dnubiet tagħna. Irridu nagħrfu u nsiru nafu lil Ġesù Kristu mill-Iskrittura. Ma rridux ninsew li bħala dixxipli ta’ Kristu għandna r-reponsabbiltà li nkunu xhieda tiegħu u ta’ dan il-qawmien. Il-fidwa trid tasal għand il-familjari tagħna, għand dawk fuq il-post tax-xogħol, fit-toroq tagħna permezz tagħna lkoll.

   Mulej,

   għallimni kull ħin

   nifhem il-kobor ta’ mħabbtek.

 

KUNGRESS TAX-XIRKA TAL-ISEM IMQADDES TA’ ALLA fil-Parroċċċa Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù Fontana il-Ħadd 15 ta’ April, 2018. Korteo jibda fil-5.30pm

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

L-ARLOĠĠI ISSA LESTI!

Imiss li jitwaħħlu d-dwal li issa waslu wkoll minn barra.

GRAZZI u PROSIT lil dawk kollha  li kkontribwew u qed jaħdmu fuq dan il-proġett. 

  • 4 EVANĠELISTI,
  • 4 Direzzjonijiet,
  • 4 Elementi, 4 Staġuni,
  • Alpha, Omega, 3 Stilel, in-numru XII….

Taf xi jfisser dak li juru l-arloġġi minbarra l-ħin? Sewwa kieku nitkellmu ftit fuq dan kollu!

Is-simboliżmu fl-arti sagra għandu sehem importanti ħafna biex jitwassal il-messaġġ nisrani.

NITKELLMU MA’ WLIEDNA FUQ KRISTU… u S-SEJĦAT TIEGĦU…

L-E.T. Mons Arċisqof Alfred Xuereb waqt il-quddiesa li fiha bierek il-minutieri tal-arloġġi fil-knisja parrokkjali tagħna nhar is-Sibt 7 ta’ April, 2018

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES Min jixtieq jordna intenzjonijiet għall-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Lulju, Awwissu, Settembru 2018, jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9am u 12pm

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Maria Dolores Vella, ulieda u n-nepputija joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Michael f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ April.
  • Loretta Cutajar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Michelina Camilleri f’għeluq it-52 snin mill-mewt tagħha fid-19 ta’ April.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

LAQGĦAT GĦALL-ADOLOXXENTI TAL-GRIŻMA:

Il-Ħamis 19 ta’ April fil-4.45pm flimkien mal-adolexxenti kollha ta’ Għawdex li se jirċievu l-Griżma din is-sena. Trasport provdut mill-Pjazza fl-4.15pm.

L-Erbgħa 25 ta’ April, 2, 9, 16 u 23 ta’ Mejju fis-6 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali – (laqgħat obbligatorji)

TBERIK TAL-FAMILJI

Dħalna fit-tielet u l-aħħar ġimgħa tat-tberik tal-Għid. Dawk il-familji li ma setgħux ikunu d-dar fil-ġurnata tat-tberik u jixtiequ jagħmlu appuntament jistgħu jikkuntattjaw l-uffiċċju parrokkjali fuq 21554615

ESPERJENZA FIL-GWATEMALA

Żewġ żgħazagħ mir-raħal tagħna flimkien ma’ #GuateGozoMissionTeam2018, li din is-sena se jagħmlu esperjenza missjunarja ma’ Dun Anton Grech fil-Guatemala, qed jorganizzaw ‘Spring Fest 2018’ bħala għajnuna għall-istess missjoni fi Pjazza San Gorġ, ir-Rabat, is-Sibt 21 t’April, mid-9am-11pm u l-Ħadd 22 t’April, mid-9am-1pm. Ikun hemm ‘Cakes and Smoothie Corner’ u entertainment għat-tfal u kbar. Tistgħu tgħinu billi toffru kull tip ta ħelu home made jew tax-xiri u teħduhom id-Dar Parrokjali jew direttament lilhom is-Sibt u l-Ħadd. Inħeġġukom ukoll tattendu!

EWRO COLLECTION 

Il-ġbir waqt il-quddies kollu ta’ dan il-weekend huwa b’risq il-festa Awwissu 2018. Inkunu ġenerużi. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ħafna.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa: Sunta Bugeja-€100, Charles Portelli u l-Familja €500, NN €50,Leli u Sunta Grech €1000.

Qed noqorbu biex nagħmlu l-ordni tax-xogħol.

HIGH TEA b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin il-Ġimgħa 20 t’ April fis-7.30pm fiċ-ċentru tal-Patrijiet Franġiskani.

 

Bullettin 8 ta’ April 2018

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

PJAGI – FERĦ – DUBJI

Kristu qam biex iqajjem lilna iżda ħafna drabi nibqgħu reqdin u mbeżża’.  L-istess kif ġralhom l-appostli:

raqdu fil-Ġetsemani, beżgħu fil-passjoni u ngħalqu fiċ-ċenaklu.  Ferħu meta raw il-Pjagi.  Tumas ma emminx, iddubita u emmen meta ra.  Huma ġrajjiet li ġraw elfejn sena ilu.  Imma huma ġrajjiet li llum għadhom iseħħu fil-ġrajja personali ta’ kull wieħed u waħda minna.  Huwa għal dan il-għan li l-Vanġelu u l-qari tal-lum iridu jimlewna bil-kuraġġ u fl-istess ħin jgħallmuna nirriflettu dwar dak kollu li qed iseħħ fi djarna, fil-komunitajiet tagħna.  Għaliex ħafna drabi l-komunità nisranija qed tisfiduċja lilha nfisha billi jonqosha l-kuraġġ ixxandar li Kristu qam biex ikisser il-mewt, il-ħażen u l-biża’ minn ħajjitna?  Għalfejn dawn id-dubji u l-biża’, għalfejn m’aħniex nuru li aħna wlied id-dawl, ulied ir-rebħa?

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli juri l-karatteristika ta’ dawk li kienu jemmnu – kienu lkoll qalb waħda u ruħ waħda.  Sinjal ta’ din l-għaqda kienet l-imġiba tagħhom bejniethom, u kienu jaqsmu kollox.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex huwa tajjeb u t-tjieba tiegħu hija għal dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu, l-awtur jurina li l-fidi fi Kristu Rxoxt bħala Messija twellidna bħala wlied Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna d-dehra ta’ Ġesù f’Ħadd il-Għid filgħaxija, jaqsam magħhom il-paċi u s-setgħat tiegħu.  Hu għeleb il-mewt u l-ħażen.  Temmen fih ma jfissirx li tarah b’għajnejk u li tmissu b’idejk iżda li tilqa’ b’fiduċja l-kelma tiegħu.

  • L-ewwel insara kienu jintgħarfu mill-imħabba ta’ bejniethom. Aħna llum kemm tabilħaqq nistgħu ngħidu li aħna qalb waħda u ruħ waħda?
  • Kemm tassew qed nifirħu li l-Mulej qam u ngħaddu dan il-messaġġ lil dawk li jinsabu mtaqqla bid-dubji fil-ħajja tagħhom?
  • Ħafna nies illum huma mitlufa bħal Tumas. Iridu jaraw u jmissu.  Ma jemmnux jekk ma jarawx u ma jmissux.  Ejjew bl-esperjenza ħajja tagħna nagħtu saħħa lil dawn in-nies biex isibu mill-ġdid lil Kristu u jittamaw fiH!

Mulej tiegħi u Alla tiegħi!

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna               Atti 17,2

WARA l-ĠIMGĦA MQADDSA

Għal sena oħra għexna mumenti sbieħ tassew matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa. Ta’ kull nhar ta’ Ħadd ħallejna l-liturġija sabiħa tal-Knisja tmexxina. Kienu ħafna t-tfal u l-familji li għamlu din l-esperjenza sabiħa u wrew ix-xewqa li nkomplu nagħmlu aktar.

It-Tliet ijiem tal-Għid kienu festa waħda sabiħa u kellna parteċipazzjoni verament numeruża anke f’Sibt il-Għid.

GĦALHEKK – GRAZZI u PROSIT tassew lil kull min ħadem biex seta’ jkollna dawn il-funzjonijiet tant sbieħ fil-knisja u l-attivitajiet l-oħra marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. 

Grazzi lis-saċerdoti, abbatini, kor, dawk li jgħinu fil-liturġija, dawk li jarmaw, iżejnu u jnaddfu l-knisja, RadjuLauretana, Għaqda Drammatika u Banda San Guzepp.

KATEKIŻMU TAT-TFAL

Wara l-festi tal-Għid –

NERĠGĦU NAQBDU R-RITMU

Ġenituri ħudu ħsieb li tagħmlu minn kollox biex tibagħtu t-tfal għat-tagħlim speċjalment it-tfal minn Year 4 sa Year 7 fl-oqsma tal-Museum tal-bniet u tas-subien.

Laqgħat għall-adolexxenti tal-Griżma:

  • Il-Ħamis 19 ta’ April fil-4.45pm flimkien mal-adolexxenti kollha ta’ Għawdex li ser jirċievu l-Griżma din is-sena.
  • L-Erbgħa 25 ta’ April, 2, 9, 16 u 23 ta’ Mejju fis-6 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali – (laqgħat obbligatorji)

NAGĦTU D-DEMM

fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 10 t’April mis-1pm sal-5pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Ġuża Attard toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Ġorġa Attard f’għeluq il-25 sena mill-mewt tagħha fl-10 ta’ April.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

TBERIK TAL-FAMILJI 

Deħlin fit-tieni ġimgħa tat-tberik. Napprezzaw ħafna l-laqgħat sbieħ li qed ikollna mal-familji tagħna. Inkomplu din il-ġimgħa wkoll skont il-programm li kien twasslilkom fid-djar mal-bulettin.

FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA

Dan il-Ħadd qed niċċelebraw il-festa tal-Ħniena Divina. Ikollna s-siegħa tal-Ħniena Divina fil-Knisja illum il-Ħadd 8 ta’ April mill-4pm sal-5pm

FIL-KNISJA L-QADIMA

Il-quddiesa tal-ewwel sibt tax-xahar mhix ser issir dal-weekend biex niltaqgħu għall-quddiesa tal-E.T. Mons Alfred Xuereb fis-7pm fil-Knisja Parrokkjali.

Għalekk il-quddiesa bl-adorazzjoni wara sad-9pm issir nhar is-Sibt 14 ta’ April.

OĦLOQ TBISSIMA – L-AĦĦAR SEJĦA

Kampanja b’risq il-missjoni tal-patrijiet tal-MSSP. Ħu kaxxa tal-kartun mis-sagristija u karta bi prodotti li tista’ tixtri. Poġġi kollox fil-kaxxa, għalaqha sew u ġibha lura fis-sagristija sa nhar il-Ġimgħa li ġejja.

GRAZZI  mill-ħanut ta’ Tony’s Bar-€100 għall-knisja.

PELLEGRINAĠĠ LOURDES

Bejn it-13 u s-16 ta’ Lulju 2018. Komplu bbukkjaw fl-uffiċċju parrokkjali. L-aħħar ftit postijiet.

NIFIRĦU lil Charles Buttigieg li intagħżel biex ikompli l-istudji tal-kant f’waħda mill-aqwa skejjel fl-Amerika minn fost kompetizzjoni ħarxa. Prosit tassew u awguri.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa:  Brigitte Camilleri €50; Familja N.N.-€250; Familja Galea €300; Offerta NN-€200.