Bullettin 8 ta’ April 2018

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

PJAGI – FERĦ – DUBJI

Kristu qam biex iqajjem lilna iżda ħafna drabi nibqgħu reqdin u mbeżża’.  L-istess kif ġralhom l-appostli:

raqdu fil-Ġetsemani, beżgħu fil-passjoni u ngħalqu fiċ-ċenaklu.  Ferħu meta raw il-Pjagi.  Tumas ma emminx, iddubita u emmen meta ra.  Huma ġrajjiet li ġraw elfejn sena ilu.  Imma huma ġrajjiet li llum għadhom iseħħu fil-ġrajja personali ta’ kull wieħed u waħda minna.  Huwa għal dan il-għan li l-Vanġelu u l-qari tal-lum iridu jimlewna bil-kuraġġ u fl-istess ħin jgħallmuna nirriflettu dwar dak kollu li qed iseħħ fi djarna, fil-komunitajiet tagħna.  Għaliex ħafna drabi l-komunità nisranija qed tisfiduċja lilha nfisha billi jonqosha l-kuraġġ ixxandar li Kristu qam biex ikisser il-mewt, il-ħażen u l-biża’ minn ħajjitna?  Għalfejn dawn id-dubji u l-biża’, għalfejn m’aħniex nuru li aħna wlied id-dawl, ulied ir-rebħa?

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli juri l-karatteristika ta’ dawk li kienu jemmnu – kienu lkoll qalb waħda u ruħ waħda.  Sinjal ta’ din l-għaqda kienet l-imġiba tagħhom bejniethom, u kienu jaqsmu kollox.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex huwa tajjeb u t-tjieba tiegħu hija għal dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu, l-awtur jurina li l-fidi fi Kristu Rxoxt bħala Messija twellidna bħala wlied Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna d-dehra ta’ Ġesù f’Ħadd il-Għid filgħaxija, jaqsam magħhom il-paċi u s-setgħat tiegħu.  Hu għeleb il-mewt u l-ħażen.  Temmen fih ma jfissirx li tarah b’għajnejk u li tmissu b’idejk iżda li tilqa’ b’fiduċja l-kelma tiegħu.

  • L-ewwel insara kienu jintgħarfu mill-imħabba ta’ bejniethom. Aħna llum kemm tabilħaqq nistgħu ngħidu li aħna qalb waħda u ruħ waħda?
  • Kemm tassew qed nifirħu li l-Mulej qam u ngħaddu dan il-messaġġ lil dawk li jinsabu mtaqqla bid-dubji fil-ħajja tagħhom?
  • Ħafna nies illum huma mitlufa bħal Tumas. Iridu jaraw u jmissu.  Ma jemmnux jekk ma jarawx u ma jmissux.  Ejjew bl-esperjenza ħajja tagħna nagħtu saħħa lil dawn in-nies biex isibu mill-ġdid lil Kristu u jittamaw fiH!

Mulej tiegħi u Alla tiegħi!

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna               Atti 17,2

WARA l-ĠIMGĦA MQADDSA

Għal sena oħra għexna mumenti sbieħ tassew matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa. Ta’ kull nhar ta’ Ħadd ħallejna l-liturġija sabiħa tal-Knisja tmexxina. Kienu ħafna t-tfal u l-familji li għamlu din l-esperjenza sabiħa u wrew ix-xewqa li nkomplu nagħmlu aktar.

It-Tliet ijiem tal-Għid kienu festa waħda sabiħa u kellna parteċipazzjoni verament numeruża anke f’Sibt il-Għid.

GĦALHEKK – GRAZZI u PROSIT tassew lil kull min ħadem biex seta’ jkollna dawn il-funzjonijiet tant sbieħ fil-knisja u l-attivitajiet l-oħra marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. 

Grazzi lis-saċerdoti, abbatini, kor, dawk li jgħinu fil-liturġija, dawk li jarmaw, iżejnu u jnaddfu l-knisja, RadjuLauretana, Għaqda Drammatika u Banda San Guzepp.

KATEKIŻMU TAT-TFAL

Wara l-festi tal-Għid –

NERĠGĦU NAQBDU R-RITMU

Ġenituri ħudu ħsieb li tagħmlu minn kollox biex tibagħtu t-tfal għat-tagħlim speċjalment it-tfal minn Year 4 sa Year 7 fl-oqsma tal-Museum tal-bniet u tas-subien.

Laqgħat għall-adolexxenti tal-Griżma:

  • Il-Ħamis 19 ta’ April fil-4.45pm flimkien mal-adolexxenti kollha ta’ Għawdex li ser jirċievu l-Griżma din is-sena.
  • L-Erbgħa 25 ta’ April, 2, 9, 16 u 23 ta’ Mejju fis-6 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali – (laqgħat obbligatorji)

NAGĦTU D-DEMM

fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 10 t’April mis-1pm sal-5pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Ġuża Attard toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Ġorġa Attard f’għeluq il-25 sena mill-mewt tagħha fl-10 ta’ April.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

TBERIK TAL-FAMILJI 

Deħlin fit-tieni ġimgħa tat-tberik. Napprezzaw ħafna l-laqgħat sbieħ li qed ikollna mal-familji tagħna. Inkomplu din il-ġimgħa wkoll skont il-programm li kien twasslilkom fid-djar mal-bulettin.

FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA

Dan il-Ħadd qed niċċelebraw il-festa tal-Ħniena Divina. Ikollna s-siegħa tal-Ħniena Divina fil-Knisja illum il-Ħadd 8 ta’ April mill-4pm sal-5pm

FIL-KNISJA L-QADIMA

Il-quddiesa tal-ewwel sibt tax-xahar mhix ser issir dal-weekend biex niltaqgħu għall-quddiesa tal-E.T. Mons Alfred Xuereb fis-7pm fil-Knisja Parrokkjali.

Għalekk il-quddiesa bl-adorazzjoni wara sad-9pm issir nhar is-Sibt 14 ta’ April.

OĦLOQ TBISSIMA – L-AĦĦAR SEJĦA

Kampanja b’risq il-missjoni tal-patrijiet tal-MSSP. Ħu kaxxa tal-kartun mis-sagristija u karta bi prodotti li tista’ tixtri. Poġġi kollox fil-kaxxa, għalaqha sew u ġibha lura fis-sagristija sa nhar il-Ġimgħa li ġejja.

GRAZZI  mill-ħanut ta’ Tony’s Bar-€100 għall-knisja.

PELLEGRINAĠĠ LOURDES

Bejn it-13 u s-16 ta’ Lulju 2018. Komplu bbukkjaw fl-uffiċċju parrokkjali. L-aħħar ftit postijiet.

NIFIRĦU lil Charles Buttigieg li intagħżel biex ikompli l-istudji tal-kant f’waħda mill-aqwa skejjel fl-Amerika minn fost kompetizzjoni ħarxa. Prosit tassew u awguri.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa:  Brigitte Camilleri €50; Familja N.N.-€250; Familja Galea €300; Offerta NN-€200.