Bullettin 15 ta’ April 2018

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

JIENA HU!

Għaliex nibqgħu nibżgħu mill-esperjenza li l-Mulej jagħtina kuljum?  Għaliex minkejja dak kollu li jagħmel magħna l-Mulej m’għandniex fiduċja fih?

Għaliex ilkoll kemm aħna ma nikbrux fil-fidi u fil-fiduċja tagħna fil-Mulej?  Minkejja li jistedinna biex nieħdu s-sliem tiegħu, minkejja li jurina l-pjagi tiegħu, minkejja li jistedinna mhux biss biex immissuh fil-foqra ta’ madwarna iżda wkoll li nirċevuh fl-Ewkaristija, aħna nibqgħu ċċassati u nibżgħu, nibqgħu nagħżlu d-dlam minflok id-dawl. Il-Mulej jurina kif il-messaġġi qawwija tiegħu jinsabu fl-Iskrittura Mqaddsa.  Kif itenni lill-Appostli, jgħid l-istess lili u lilek.  Hemm bżonn li niftħu għajnejna u nkunu nafu tassew min huwa l-Mulej u x’għamel għalina.  Hemm bżonn li nkunu nafu li l-qawwa tal-Mulej magħna hija qawwa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha u għalhekk hemm bżonn li nkunu nafu tassew xi jrid minna l-Mulej permezz tal-Iskrittura Mqaddsa, kif ukoll għandna r-responsabbiltà kbira li nkunu xhieda tagħha.

L-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb tal-Atti ta’ l-Appostli jlaqqagħna ma’ San Pietru kien għadu kemm fejjaq wieħed magħtub f’isem Ġesu ta’ Nażaret.  Dan kien sinjal li Ġesu kien għadu ħaj fosthom. Is-Salm Responsorjali hu talba lill-Mulej biex ma jinħebiex minna iżda juri d-dawl ta’ wiċċu fuqna.  It-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu jtenni l-qawwa tal-maħfra li kisbilna Ġesù. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa naraw li l-Appostli wkoll sabuha bi tqila biex jemmnu  u kellhom jgħaddu minn kumbattiment biex jifhmu kif il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu kisbulna l-maħfra.

Aħna wkoll bħall-appostli nsibuha bi tqila biex nemmnu li Ġesù qam mill-mewt għalina biex jiksbilna l-fejqan mid-dnubiet tagħna. Irridu nagħrfu u nsiru nafu lil Ġesù Kristu mill-Iskrittura. Ma rridux ninsew li bħala dixxipli ta’ Kristu għandna r-reponsabbiltà li nkunu xhieda tiegħu u ta’ dan il-qawmien. Il-fidwa trid tasal għand il-familjari tagħna, għand dawk fuq il-post tax-xogħol, fit-toroq tagħna permezz tagħna lkoll.

   Mulej,

   għallimni kull ħin

   nifhem il-kobor ta’ mħabbtek.

 

KUNGRESS TAX-XIRKA TAL-ISEM IMQADDES TA’ ALLA fil-Parroċċċa Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù Fontana il-Ħadd 15 ta’ April, 2018. Korteo jibda fil-5.30pm

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

L-ARLOĠĠI ISSA LESTI!

Imiss li jitwaħħlu d-dwal li issa waslu wkoll minn barra.

GRAZZI u PROSIT lil dawk kollha  li kkontribwew u qed jaħdmu fuq dan il-proġett. 

  • 4 EVANĠELISTI,
  • 4 Direzzjonijiet,
  • 4 Elementi, 4 Staġuni,
  • Alpha, Omega, 3 Stilel, in-numru XII….

Taf xi jfisser dak li juru l-arloġġi minbarra l-ħin? Sewwa kieku nitkellmu ftit fuq dan kollu!

Is-simboliżmu fl-arti sagra għandu sehem importanti ħafna biex jitwassal il-messaġġ nisrani.

NITKELLMU MA’ WLIEDNA FUQ KRISTU… u S-SEJĦAT TIEGĦU…

L-E.T. Mons Arċisqof Alfred Xuereb waqt il-quddiesa li fiha bierek il-minutieri tal-arloġġi fil-knisja parrokkjali tagħna nhar is-Sibt 7 ta’ April, 2018

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES Min jixtieq jordna intenzjonijiet għall-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Lulju, Awwissu, Settembru 2018, jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9am u 12pm

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Maria Dolores Vella, ulieda u n-nepputija joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Michael f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ April.
  • Loretta Cutajar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Michelina Camilleri f’għeluq it-52 snin mill-mewt tagħha fid-19 ta’ April.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

LAQGĦAT GĦALL-ADOLOXXENTI TAL-GRIŻMA:

Il-Ħamis 19 ta’ April fil-4.45pm flimkien mal-adolexxenti kollha ta’ Għawdex li se jirċievu l-Griżma din is-sena. Trasport provdut mill-Pjazza fl-4.15pm.

L-Erbgħa 25 ta’ April, 2, 9, 16 u 23 ta’ Mejju fis-6 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali – (laqgħat obbligatorji)

TBERIK TAL-FAMILJI

Dħalna fit-tielet u l-aħħar ġimgħa tat-tberik tal-Għid. Dawk il-familji li ma setgħux ikunu d-dar fil-ġurnata tat-tberik u jixtiequ jagħmlu appuntament jistgħu jikkuntattjaw l-uffiċċju parrokkjali fuq 21554615

ESPERJENZA FIL-GWATEMALA

Żewġ żgħazagħ mir-raħal tagħna flimkien ma’ #GuateGozoMissionTeam2018, li din is-sena se jagħmlu esperjenza missjunarja ma’ Dun Anton Grech fil-Guatemala, qed jorganizzaw ‘Spring Fest 2018’ bħala għajnuna għall-istess missjoni fi Pjazza San Gorġ, ir-Rabat, is-Sibt 21 t’April, mid-9am-11pm u l-Ħadd 22 t’April, mid-9am-1pm. Ikun hemm ‘Cakes and Smoothie Corner’ u entertainment għat-tfal u kbar. Tistgħu tgħinu billi toffru kull tip ta ħelu home made jew tax-xiri u teħduhom id-Dar Parrokjali jew direttament lilhom is-Sibt u l-Ħadd. Inħeġġukom ukoll tattendu!

EWRO COLLECTION 

Il-ġbir waqt il-quddies kollu ta’ dan il-weekend huwa b’risq il-festa Awwissu 2018. Inkunu ġenerużi. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ħafna.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa: Sunta Bugeja-€100, Charles Portelli u l-Familja €500, NN €50,Leli u Sunta Grech €1000.

Qed noqorbu biex nagħmlu l-ordni tax-xogħol.

HIGH TEA b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin il-Ġimgħa 20 t’ April fis-7.30pm fiċ-ċentru tal-Patrijiet Franġiskani.