Bullettin 29 ta’ April 2018

Il-5 Ħadd tal-Għid

IL-BIDWI, ID-DIELJA, IL-FROTT… U INT!

Il-bidwi jnaddaf id-dielja li diġà tagħmel il-frott sabiex tagħmel aktar frott.  Din hija spjegazzjoni tal-misteru li qegħdin ngħixu bħalissa fi żmien il-Għid,

l-istess misteru li ngħixu permezz tal-magħmudija tagħna.  Irridu nifhmu li s-saħħa tagħna kollha hija l-Mulej.  Ma nistgħux nagħmlu frott jekk ma nibqgħux marbutin maz-zokk li huwa Ġesù. Mingħajr il-Mulej ma nistgħu nagħmlu xejn!  Huwa l-Mulej li miegħu nistgħu lkoll kemm aħna nifhmu x’inhi r-rieda tiegħu fil-ħajja tagħna. Permezz tal-Magħmudija u tas-sagramenti, Kristu jnaddafna u jsaħħaħna biex nagħtu aktar frott u nagħtu xhieda permezz tal-istess ħajja tagħna, ta’ dak li nemmnu fih.  Dan hu l-uniku mod li nkunu dixxipli tiegħu jekk tassew nibqgħu magħquda ma’ Kristu u nitolbu lill-Missier u huwa jagħtina l-frott.

Fl-Ewwel qari, meħud mill-Atti tal-Appostli, għandna r-rakkont ta’ meta San Pawl niżel Ġerusalemm wara li kkonverta u l-Insara beżgħu minnu. Barnaba jaqbeż għalih u juri kif Pawlu wkoll kien appostlu tal-Mulej.  Fis-Salm Responsorjali nsibu li l-Aħbar it-Tajba li qed inxandru llum hi aħbar ta’ salvazzjoni li tana Ġesù stess.  Fit-Tieni Qari, San Ġwann jistedinna biex ma nħobbux bil-paroli iżda bil-fatti.  Fil-Vanġelu minn San Ġwann, Ġesù jurina kif nistgħu nkunu dixxipli tiegħu u nagħmlu l-frott li jibqa’. Kemm aħna marbutin sew maz-zokk li huwa Kristu u nixorbu mill-għeruq tiegħu?

  • Kemm qed nagħtu każ tal-periklu kbir li z-zokk jista’ jinqata’ u jinxef mingħajr ħajja?
  • Il-Mulej iridna, minkejja d-difetti tagħna, dixxipli ħajjin li jagħtu l-frott. Hu importanti li nifhmu s-sagrament tal-Magħmudija li rridu ngħixu kuljum.
  • Kif itenni San Ġwann, għandna nħobbu mhux bil-paroli u t-tpaċpiċ iżda bl-għemil tagħna.

Mulej,

  nixtieq li nżomm dejjem miegħek,

  biex tgħin id-dgħufija tiegħi,

  u nagħraf nikber u nagħmel il-frott

bħala dixxiplu veru tiegħek.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba  … dejjem u f’kollox

NIBDEW MEJJU

Fil-Ħlewwa ta’ Mejju, Omm tagħna Marija…

L-Innu ta’ Mejju – Tassew talba ġenwina u ħierġa mill-qalb lil Ommna Marija matul dan ix-xahar sabiħ.

Quddiem tant bżonnijiet madwarna

ta’ kuraġġ fil-mard, ta’ rieda tajba fir-relazzjonijiet tal-familji, tal-ħarsien tal-ulied, tal-kura tal-anzjani anke fid-djar tagħna…

Ejjew ninġabru flimkien fil-familji, fil-knejjes, fil-beraħ u anke waħedna waqt mumenti diversi fil-ġurnata u

NGĦIDU T-TALBA TANT GĦAŻIŻA TAR-RUŻARJU

RUŻARJU FIL-BERAĦ

Matul Mejju, il-membri tal-Leġjun ta’ Marija ser imexxu t-talba tar-rużarju f’dawn il-ħinijiet u postijiet:

IT-TLIETA:     5.00pm –  Pjazza Tolfa

5.30pm – Zona Sant’Antnin

L-ERBGĦA:   2.00pm – Ħdejn l-iskola primarja

IL-ĦAMIS:     5.00pm –  Triq il-Qiegħan.

IL-ĠIMGĦA: 4.30pm –  Ħdejn il-playing field-Pjazza tad-Dehra.

IT-TLIETA l-1 ta’ MEJJU

Il-ħin tal-quddies fil-knisja parrokkjali jkun bħal ta’ matul il-ġimgħa.

L-ERBGĦAT TA’ PINU

Jibdew nhar l-Erbgħa 2 ta’ Mejju. Ikollna minibus mill-Pjazza tagħna fil-4.45p.m.

LAQGĦAT TĦEJJIJA GĦALL-GRIŻMA:

L-Erbgħa 2, 9, 16 u 23 ta’ Mejju fis-6 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmela Ciantar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierha Angelo Buttigieg f’għeluq it-18-il sena mill-mewt tiegħu fit-28 ta’ April.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet għall-quddies fil-Knisja Parrokkjali għal Lulju, Awwissu, Settembru 2018, jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9am u 12pm

L-EWWEL TQARBINA U L-GRIŻMA

Mejju jkompli jferraħna bl-għoti ta’ żewġ sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija: L-Ewwel Tqarbina fl-20 u l-Griżma tal-Isqof fis-27.

Nakkumpanjaw bit-talb tagħna lil dawk kollha li ser jirċievu dawn is-sagramenti.

NGĦINU L-GĦAQDA TAL-ARMAR

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet waslilkom envelop biex tkunu tistgħu twasslu l-offerta tagħkom lill-Għaqda tal-Armar. Tistgħu ġġibu l-envelop tagħkom l-knisja jew fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew tal-Maħżen tal-Armar. Grazzi mill-qalb.

NAGĦTU D-DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 29 ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm: 8am – 1pm.

B’RISQ IL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN

  • Majjalata u tombla – il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju fis-7.30pm fiċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin. Biljetti mis-sagristija jew 79448921 sat-2 ta’ Mejju.
  • ĠaBRA BIEB BIEB fit-toroq tagħna

It-Tnejn, it-Tlieta, l-Erbgħa 7,8,9 ta’ Mejju.

Grazzi bil-quddiem tal-ġenerożità.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa:  Mary, Loreto u l-familja Scicluna-€250; NN. Ringrazzjament lill-Madonna €50; NN. – €200.

Il-kobor tal-knisja tagħna jitlob proġetti kbar u biex jitkomplew aħna nafdaw dejjem fl-għajnuna ta’ Alla, fil-ħarsien ta’ Ommna Marija Lawretana u fil-ġenerożità kbira tal-poplu Għajnselmiż.

INKOMPLU mexjin u nħeġġu lil xulxin!!! Grazzi mill-qalb.