Bullettin 6 ta’ Mejju 2018

Is-6 Ħadd tal-Għid

IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK!

ĦOBBU LIL XULXIN

Fil-mixja tagħna matul iż-żmien tal-Għid rajna ħafna drabi lill-Mulej ikellimna bil-ġrajjiet ta’ mħabbtu qabel il-kliem tiegħu.

San Ġwann itenni li għandna nħobbu lil xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla.  Iżda meta tisma’ stejjer, malajr tinduna li għadna lanqas bdejna nifhmu xi jrid il-Mulej minna, Tħobb ma jfissirx li tibgħat xi kartolina, iżda jfisser li int tagħmel minn kollox għal dik il-persuna, saħansitra tkun lest li titlef ħajtek.  Madre Tereża tgħidilna li tħobb ifisser li tibqa’ toffri lilek innifsek sakemm tbati.  Iżda l-Vanġelu falz li qed tippriedka d-dinja huwa Vanġelu li jedifika l-egoiżmu tal-persuna umana, huwa indikazzjoni biex tikber inti u ċċekken lil ta’ madwarek.  Għalhekk, anki llum, is-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu għadu skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Atti tal-Appostli, għandna pass importanti fl-istorja tal-Knisja meta jiġi kkonvertit u mgħammed l-ewwel wieħed li ma kienx Lhudi:  Kornelju. Is-salvazzjoni ta’ Kristu hija miftuħa għal kulħadd.  Hekk itenni s-Salm 97.  Fit-tieni qari tal-lum għandna lil San Ġwann jgħidilna li Alla huwa mħabba u l-għajn ta’ kull imħabba.  Din it-tema tiġi żviluppata fil-Vanġelu tal-lum meħud minn San Ġwann li jtenni li din l-imħabba dehret fil-persuna u l-ħidma ta’ Ġesu Kristu.

  • Alla huwa mħabba. Din l-imħabba tahielna bħala wirt. Nafu x’inhi l-imħabba?
  • Kemm qed ngħixu l-imħabba vera mal-proxxmu tagħna fil-ħajja ta’ kuljum?
  • Kemm inti lest biex tkompli tħobb?
  • “Sejjaħtilkom ħbieb”, jgħid il-Mulej.  Tħoss li l-Mulej tassew huwa l-ħabib tiegħek?
  • “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi tibqgħu f’imħabbti”. Hekk qal il-Mulej. Kemm qed nippruvaw ngħixu dan il-kmand?
  • Jekk fl-imħabba ma jkunx hemm tbatija, din m’hi mħabba xejn. Ħares lejn Kristu Msallab.

  Mulej, għallimni nħobb,

  ħa nagħraf imħabbtek kuljum għalija.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabilta’ – rispett – rieda tajba  … dejjem u f’kollox

RUŻARJU FIL-BERAĦ   ….  Matul Mejju

IT-TLIETA:     5.00pm –  Pjazza Tolfa

5.30pm – Zona Sant’Antnin

L-ERBGĦA:   2.00pm – Ħdejn l-iskola primarja

IL-ĦAMIS:     5.00pm –  Triq il-Qiegħan.

IL-ĠIMGĦA: 4.30pm –  Pjazza tad-Dehra.

SAN ĠORĠ PRECA

L-Erbgħa 9 ta’ Mejju, 2018, infakkruh waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija fil-knisja parrokkjali. Nirringrazzjaw ‘l Alla għal dan ir-rigal kbir li ta lilna l-Maltin u l-Għawdxin, nitolbuh ħafna għas-soċjetà tal-MUSEUM speċjalment fir-raħal tagħna, biex tkompli twettaq tant ħidma tajba ta’ tagħlim u xhieda tal-Evanġelju. Inħeġġu t-tfal u l-ġenituri biex jingħaqdu magħna f’din il-quddiesa.

L-EWWEL TQARBINA fl-20 ta’ Mejju u L-GRIŻMA TAL-ISQOF  fis-27 ta’ Mejju.

Nakkumpanjaw bit-talb tagħna lil dawk kollha li ser jirċievu dawn is-sagramenti.

L-ERBGĦAT TA’ PINU Ikollna minibus mill-Pjazza tagħna kull nhar ta’ Erbgħa fil-4.45p.m.

DĦUL FL-ISKEJJEL PRIMARJI TAL-KNISJA

Id-delegat tal-Isqof għall-Iskejjel tal-Knisja javża li se jiftħu l-aplikazzjonijiet għad-dħul ta’ studenti fi skejjel tal-knisja għal Year 2,4,5,6 fis-sena 2018. L-Applikanti mitluba jmorru l-Kurja tal-Isqof il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju: 8am – 1pm u jieħdu magħhom ċertifikat tat-twelid

NAGĦTU D-DEMM fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 8 ta’ Mejju: 1pm sal-5pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Roberta Mifsud u Annabel Theuma joffru €20 b’suffraġju tan-nannu Mikieli Ciangura f’għeluq is-7 snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Mejju 2018 u għal ruħ ommhom Maria Azzopardi f’għeluq is-7 snin mill-mewt tagħha nhar is-7 ta’ Mejju 2018.
  • L-aħwa Ġuża u Clementa joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Carmela Scicluna f’għeluq l-34 sena mill-mewt tagħha fil-5 ta’ Mejju.

 Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

F’JUM L-OMM

Il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju għall-Anzjani u Bżonnijiet Speċjali, ser jorganizza quddiesa għall-anzjani kollha fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, il-Ħadd, 13 ta’ Mejju 2018 fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, fl-10 am.  Fi tmiem il-quddiesa tingħata tifkira lill-anzjani preżenti. Trasport mill-Pjazza fid-9.15a.m.

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet għall-quddies fil-Knisja Parrokkjali għal Lulju, Awwissu, Settembru 2018, jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9am u 12pm

NGĦINU L-GĦAQDA TAL-ARMAR

Komplu ġibu l-envelop tagħkom l-knisja jew fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew tal-Maħżen tal-Armar. Grazzi mill-qalb ta’ kull għajnuna.

L-AĦĦAR ĦAMIS TA’ SANTA RITA –

fil-kappella tas-sorijiet Agostinjani; il-Ħamis 10 ta’ Mejju: 5.30pm Rużarju, Kurunella u quddiesa li fiha jiġi amministrat is-sagrament tad-Dilka tal-Morda.

B’RISQ IL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN

Ġabra Bieb Bieb – Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop għall-ġabra b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin. Il-patrijiet ser iduru r-raħal tagħna t-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa 7,8 u 9 ta’ Mejju. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

Bake Sale u Pjanti għal Jum l-Omm fiċ-Ċentru Patrijiet Sant’ Antnin il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju:5pm-10pm, is-Sibt 12 ta’ Mejju: 6.30pm-8.30pm u l-Ħadd 13 ta’ Mejju:9am-12.30pm u 5.30pm-7.30pm.

Tombla b’differenza b’risq il-festa ta’ SantAntnin
Il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju fiċ-Ċentru Patrijiet Franġiskani Għajnsielem. Ikel u drink inkluż. Prezz €5. Booking sal-Ħamis 10 ta’ Mejju jew ċemplu 79202172.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa:  NN €100.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjal 21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965 http://www.radjulauretana.com/parish