Bullettin 27 ta’ Mejju 2018

Festa tat-Trinità Qaddisa

FLIMKIEN GĦALINA

Il-festa tat-Trinità li niċċelebraw Ħadd fuq il-festa ta’ Pentekoste forsi ftit li xejn tqajjem fina interess u devozzjoni.

Hija festa li lkoll kemm aħna niċċelebraw forsi mingħajr ma nifhmu.  Xi wħud qed jgħidu u jserrħu l-kuxjenza tagħhom:  it-Trinità hi misteru; mela xi rridu nifhmu minnha?  Hemm ħafna x’tifhem; s’intendi mhux il-misteru għax inkella ma jissejjaħx iżjed misteru.  Nifhmu li t-Trinita’ Qaddisa hija għaqda ta’ mħabba li ssejħilna biex nifhmu u nħossu l-preżenza tagħha mhux biss fid-dinja iżda b’mod personali fina lkoll.  Tliet persuni f’Alla wieħed, bl-unika missjoni hi l-imħabba lejna b’mod uniku u personali.  Il-Missier bħala l-Ħallieq tal-Univers, li bagħat lil Ibnu biex isalvana u l-Ispirtu s-Santu d-Difensur biex jissiġilla din l-imħabba.  Il-miraklu ta’ kuljum m’huwiex misteru.  Hu miraklu li l-ħajja tagħna hija mmarkata minn dawn it-Tliet Persuni b’ħidma ta’ Alla wieħed.

Ulied Alla tassew huma dawk li l-Missier ħalaq u jħobb, li l-Iben feda u li l-Ispirtu s-Santu jmexxihom biex fihom ikomplu l-ħajja u l-missjoni ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu tal-festa ta’ llum meħud minn San Mattew insibu s-silta, li tagħlaq dan il-Vanġelu, fejn Ġesù juri li permezz tat-Trinita’ Qaddisa dawk kollha li jemmnu jkunu magħquda mal-poplu ta’ Alla.

  • Bħala Nisrani tħoss fil-ħajja tiegħek preżenza ħajja tat-Trinità Mqaddsa?  Kemm temmen fiha kull darba li trodd is-Salib, Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu?
  • Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma lkoll flimkien fil-qadi tal-umanità, fil-qadi tal-ħajja personali tiegħi u tiegħek.  Kemm qed nifhmu dan?  Kemm qed nitolbu lilhom bil-qalb?

Il-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu

  l-imħabba ta’ Alla,

  u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu,

  tkun magħna lkoll.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba … dejjem u f’kollox

NAGĦLQU MEJJU – RUŻARJU FIL-BERAĦ ….

L-aħħar ġimgħa!   IT-TLIETA:   5.00pm –  Pjazza Tolfa

5.30pm – Zona Sant’Antnin

                                      L-ERBGĦA: 2.00pm – Ħdejn l-iskola primarja

                                      IL-ĦAMIS:   5.00pm –  Triq il-Qiegħan.

IL-GRIŻMA TAL-ISQOF

Illum fil-parroċċa tagħna grupp ta’ adoloxxenti ser jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tad-Dilka tal-Griżma tal-Isqof minn idejn l-Isqof tagħna Mario Grech. Il-funzjoni tibda fil-5pm.

Nifirħu ma’ dawn uliedna u nitolbu għalihom u għall-familji kollha tagħhom ħalli huma wkoll isiru dixxipli u missjunarji ta’ Kristu.

Jasmine Attard, Keira Attard, Noah Attard,

Ema Azzopardi, Kurt Bajada, Carlos Camilleri, Michaela Marie Camilleri, Nigel Cardona,

Oscar Grech, Joshua Micallef, Simon Mizzi, Nicole Portelli, Damian Refalo, Shaun Sammut, Tomas Sciberras, Emanuel Vella, Jake Vella,

Luke Vella, Hayley-Frances Xuereb.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB

Ma’ dan il-bullettin qed inwasslulkom l-envelop għall-ġabra li ssoltu ssir bħalissa għall-festa titulari tagħna. Matul din il-ġimgħa jiġu l-voluntiera tal-parroċċa biex jiġbruhom. L-għotja ta’ kull familja hija apprezzata ħafna biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż tal-festa li żdiedu f’kull aspett tagħha.

Il-Parroċċa qed tagħmel kulma tista’ biex iżżomm l-ispiża kemm jista’ jkun ikkontrollata filwaqt li nkomplu nagħmlu festa mill-isbaħ.

DAR ARKA  … ngħinu aħna wkoll

Il-ġbir kollu li jsir fil-knisja parrokkjali tagħna f’dan il-weekend ikun biex ngħinu lil Dar Arka – opra ħajja ta’ servizz kbir proprju fir-raħal tagħna.

NAGĦTU D-DEMM fil-Berġa tal-Gvern tax-Xewkija l-Ħadd 27 ta’ Mejju: 8.00am sa 1.00pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Haber toffri €20 b’suffraġju ta’ Frencu Haber f’għeluq is-26 sena mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Mejju.
  • Loreta Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Alfred Azzopardi f’għeluq it-8 snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Mejju.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

IL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN  waslet

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom il-programm tal-festa ta’ Sant’Antnin li jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd 10 ta’ Ġunju. Insegwuh.

Pizza night u tombla l-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju fiċ-Ċentru Sant’Antnin, fit-8.15pm. Prezz €10 li jinkludi pizza u inbid jew soft drink u deżerta. Booking mis-sagristija jew 79202172.

RADJU LAURETANA L-iskeda marbuta mal-festa ta’ Sant’Antnin tibda s-Sibt 2 ta’ Ġunju. L-iskeda stampata titqassam mal-bullettin li jmiss.

IL-LEĠJUN TA’ MARIJA ifakkar lil Edel Quinn fil-Knisja l-Qadima. Nhar it-Tnejn 28 ta’ Mejju. Rużarju fil-5.00pm u wara l-quddiesa.

L-GĦAQDA TAL-ARMAR tirringrazzja lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom li s’issa laħqet €896.40. Dawk li għadhom jixtiequ jgħinu,jistgħu jgħaddu l-offerta fil-letterbox tal-maħżen tal-armar jew fid-dar parrokkjali.

B’RISQ IS-SEMINARJU MINURI TAGĦNA

Attivita għall-familja kollha – Wine&Pizza fil-bitħa tas-Seminarju nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Ġunju mis-7pm ‘il quddiem. Għall-biljetti ċemplu 21556479.

MILL-KUNSILL LOKALI Ħarġa Malta l-Ġimgħa l-1 ta’ Ġunju. Tluq mal-vapur tas-7.30am. Lura ma’ tal-4.30pm. Prezz €20. Biljetti mill-Kunsill sal-Erbgħa 30 ta’ Mejju. 

  • L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR – il-Ġimgħa 1 ta’ Ġunju, adorazzjoni fil-knisja parrokkjali.
  • L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR – Quddiesa fil-Knisja l-Qadima fl-4.00pm u wara adorazzjoni sad-9pm.
  • IL-ĦADD 3 ta’ Ġunju – Festa ta’ Korpus – Quddiesa fil-5pm u purċissjoni lejn il-Knisja ta’ Sant’Antnin. Dettalji fil-bullettin li jmiss.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

lil Michael Grima li sejjaħtlu għal għandek nhar il-Ħadd 20 ta’ Mejju fl-għomor ta’ 80 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjal 21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965 http://www.radjulauretana.com/parish